Manwal

2.5. Is-smigħ

33. Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, l-imħallef ikun preżenti fil-post tal-awtorità rikjedenti qabel ma tkun stabbilita l-konnessjoni vidjo u normalment ma jħallix il-post qabel ma l-konnessjoni vidjo tkun ġiet diskonnessa. L-imħallfin għandhom rwol prinċipali fit-tmexxija tas-smigħ.

34. F'materji kriminali, is-smigħ isir direttament mill-awtorità rikjedenti tal-Istat Membru, jew taħt it-tmexxija tagħha, skont il-liġijiet tiegħu stess (Konvenzjoni MLA tal-2000).

35. F'materji ċivili, l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kumpilazzjoni tax-xhieda tal-2001 jiddikjara li r-rappreżentanti tal-qorti rikjedenti, inklużi membri tal-persunal ġudizzjarju, għandhom id-dritt ikunu preżenti meta l-qorti rikjesta tieħu xhieda, jekk dan ikun kompatibbli mal-liġi tal-Istat Membru rikjedenti. Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kumpilazzjoni tax-xhieda tal-2001 (talbiet għal kumpilazzjoni diretta tax-xhieda), il-kumpilazzjoni tax-xhieda ssir minn imħallef jew forsi persuna oħra magħżula skont il-liġi tal-Istat Membru rikjedenti.

36. F'materji ċivili jew kriminali, l-imħallef jew is-segretarju tal-qorti normalment jużaw it-tagħmir.  L-eżami tax-xhud fis-sit remot għandu jsegwi kemm jista' jkun possibbli mill-qrib il-prattika adottata meta xhud ikun f'awla tal-qorti.

37. Il-persuni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jikkonsultaw lil xulxin mingħajr ma jkun hemm partijiet terzi jisimgħu dak li qed jingħad. Jista' jkun hemm każijiet fejn parti tkun tixtieq tikkonsulta mal-avukat tagħha (kemm permezz ta' interpretu jew mingħajru) mingħajr ma l-imħallef jew parti oħra tkun tista' tisma' dak li qed jingħad. Għalhekk hu meħtieġ li l-konsultazzjoni reċiproka ssir possibbli mingħajr ma l-partijiet terzi jkunu jistgħu jisimgħu.  Normalment il-mikrofoni jistgħu jintfew fil-kmamar tax-xhieda, iżda fl-awli tal-qorti huma jistgħu jintfew biss mis-segretarju tal-qorti jew mill-imħallef.

38. Jekk il-parti u l-avukat tagħha ma jkunux preżenti fl-istess post, huma għandhom ikunu jistgħu jkollhom taħdidiet privati pereżempju bl-użu ta' linja telefonika sikura, telefon ċellulari jew, jekk possibbli, tagħmir ta' vidjokonferenzjar separat.  Huwa rrakkomandat li kwalunkwe tagħmir jitlesta b'tali mod li jkun separat biċ-ċar minn partijiet oħrajn għall-proċeduri ġudizzjarji.

39. Proċedura li tistipula kif il-partijiet jistgħu jinterrompu lil xulxin u joġġezzjonaw għal mistoqsija għandha tkun spjegata minn qabel.   F'xi sitwazzjonijiet jaf ikun ikkunsidrat, jekk possibbli, li l-partijiet jingħataw stampa ġenerali li turi l-partijiet professjonali kollha, peress li dan jagħmilha aktar faċli biex jiġu trattati interruzzjonijiet mhux ippjanati.

L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.