Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Smigħ ta' xhieda

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Bħala prinċipju, kull parti trid tagħmel lista tat-talbiet fattwali biex tissostanzja l-interess tagħha (l-oneru ta’ allegazzjoni - Behauptungslast) u tipprovdi l-evidenza xierqa (l-Artikoli 226(1) u 239(1) tal-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung — ZPO)). Jekk il-fatti tal-każ jibqgħu ma jkunux ċari (sitwazzjoni ta’ “non liquet”), il-qorti madankollu trid tasal għal deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidħlu fis-seħħ ir-regoli dwar l-oneru tal-prova. Kull parti ġġorr l-oneru tal-prova biex tiżgura li jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha tar-regoli li huma favorevoli għaliha. F’ċirkostanzi normali, l-attur irid jiddikjara l-fatti kollha li jiġġustifikaw it-talba tiegħu, filwaqt li l-konvenut irid jiddikjara l-fatti kollha li jiġġustifikaw l-oġġezzjonijiet tiegħu. L-attur iġorr ukoll l-oneru tal-prova li r-rekwiżiti proċedurali jiġu ssodisfati.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Għall-finijiet ta’ deċiżjoni, fatti sinifikanti jeħtieġu prova sakemm ma jkunux eżenti mill-ħtieġa tal-prova. L-ebda prova ma hija meħtieġa għal fatti ammessi (l-Artikolu 266 u l-Artikolu 267 taz-ZPO), il-fatti ovvji (l-Artikolu 269 taz-ZPO) jew il-fatti legalment preżunti (l-Artikolu 270 taz-ZPO).

Fatt ammess huwa meta parti taċċetta li l-allegazzjoni tal-parti avversarja tkun korretta. Il-Qorti hija fil-prinċipju meħtieġa li taċċetta fatt ammess bħala korrett u li tasal għad-deċiżjoni tagħha mingħajr eżami ulterjuri.

Fatt ikun ovvju meta jkun magħruf b’mod ġenerali (ikun magħruf jew perċepibbli b’mod affidabbli mingħajr diffikultajiet fi kwalunkwe ħin għal numru kbir ta’ persuni) jew magħruf mill-qorti (lill-qorti tal-proċess fuq il-bażi tal-kostatazzjonijiet uffiċjali tagħha stess jew ikun jidher b’mod ċar mill-atti).

Il-Qorti hija meħtieġa ex officio li tikkunsidra fatti ovvji fid-deċiżjoni tagħha iżda m’hemmx għalfejn li dawn jintalbu jew li jiġu ppruvati.

Preżunzjoni legali tirriżulta direttament mil-liġi u għandha l-effett li treġġa’ lura l-oneru tal-provi. Il-parti avversarja tal-parti li tibbenefika minn tali preżunzjoni trid tipprovdi evidenza li turi l-kuntrarju. Hija trid turi li, minkejja li hemm bażi għal preżunzjoni legali, il-fatti preżunti jew is-sitwazzjoni legali ma jeżistux.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

L-għan tal-proċedimenti tal-qorti huwa li jikkonvinċu lill-imħallef dwar fatt. B’mod ġenerali, wieħed għandu jassumi “probabbiltà sostanzjali”; “ċertezza assoluta” mhix meħtieġa biex wieħed jikkonvinċi lill-imħallef.

Xi gradi minn dan l-istandard ta’ prova huma stabbiliti mil-liġi statutorja jew mill-każistika, li jvarjaw minn “probabbiltà sinifikanti” għal “probabbiltà li tista’ kważi titqies bħala ċertezza”. Fl-ewwel każ, il-preżunzjoni jew ċertifikat huma biżżejjed bħala standard ta’ prova skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (l-Artikolu 274). L-evidenza prima facie twassal ukoll għal tnaqqis fil-livell ta’ prova u għandha rwol biex jingħelbu d-diffikultajiet fl-għoti ta’ evidenza f’azzjonijiet għad-danni. Jekk ikun hemm għadd tipiku ta’ avvenimenti li għalih l-esperjenza tal-ħajja tissuġġerixxi rabta kawżali jew ħtija speċifika, dawn il-kundizzjonijiet jitqiesu bħala ppruvati fuq il-bażi ta’ prima facie anki f’każijiet individwali.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

L-evidenza tista’ tittieħed minn imħallef ex officio jew wara t-talba ta’ parti. Fi proċedimenti ta’ natura purament investigattiva (meta l-qorti tkun meħtieġa tistabbilixxi l-fatti deċiżivi tal-każ ex officio), ma hemmx bżonn ta’ talba mill-partijiet. Fi proċedimenti standard tal-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili, l-imħallef jista’, ex officio, jieħu kwalunkwe evidenza li tista’ tiċċara l-fatti materjali (l-Artikolu 183 taz-ZPO). L-imħallef jista’ jagħti istruzzjonijiet lill-partijiet biex jipproduċu evidenza dokumentata, jesiġi li ssir spezzjoni lokali jew jordna l-kumpilazzjoni ta’ xhieda fil-forma ta’ perizji jew eżami tal-partijiet. Madankollu, evidenza dokumentata tista’ tiġi ppreżentata biss jekk mill-inqas waħda mill-partijiet tkun irreferiet għaliha; evidenza dokumentata ma tistax tiġi ammessa u lanqas ma tista’ tinstema’ jekk dan ikun ġie oppost miż-żewġ partijiet. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-evidenza tittieħed permezz ta’ talba għall-ġbir ta’ evidenza minn waħda mill-partijiet.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Fil-prinċipju, l-evidenza tiġi kkumpilata fis-seduta orali. Matul l-hekk imsejħa laqgħa “preparatorja” (l-Artikolu 258 taz-ZPO), jitfassal programm ta’ proċedimenti bl-involviment konġunt tal-qorti u tal-partijiet u/jew tar-rappreżentanti tagħhom, li jinkludi wkoll programm għall-ġbir tal-evidenza. Madankollu, meta jkun meħtieġ, f’kull ħin tista’ ssir diskussjoni ulterjuri dwar il-progress tal-proċedimenti. Wara li tkun ġiet ikkumpilata l-evidenza, l-eżitu jiġi diskuss mal-partijiet (l-Artikolu 278 taz-ZPO). Il-provi jridu jiġu kkumpilati direttament mill-imħallef li jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. F’dawk il-każijiet koperti espressament mil-liġi, tista’ tinġabar ukoll evidenza matul il-proċedura ta’ assistenza reċiproka. Il-partijiet iridu jkunu msejħa għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda u għandhom drittijiet varji ta’ parteċipazzjoni, bħad-dritt li jsiru mistoqsijiet lix-xhieda u lill-esperti. L-evidenza dejjem tiġi kkumpilata ex officio fil-prinċipju, anki jekk minkejja li jkunu ġew imsejħa, il-partijiet ma jkunux preżenti.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Talba minn parti għall-ġbir ta’ evidenza għandha tiġi miċħuda jekk il-qorti tqisha bħala irrilevanti (l-Artikolu 275(1) taz-ZPO) jew jekk l-evidenza tiġi ppreżentata bl-intenzjoni li ttawwal il-proċedimenti (l-Artikoli 178(2), 179 u 275(2) taz-ZPO). Hemm ukoll il-possibbiltà li tiġi stipulata data ta’ skadenza għall-ġbir ta’ evidenza, li x’aktarx ittawwal il-proċedimenti (l-Artikolu 279(1) taz-ZPO); ladarba d-data tiskadi, it-talba għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda tista’ tiġi miċħuda. Tista’ wkoll tiġi miċħuda jekk ma tkunx meħtieġa minħabba li l-qorti tkun diġà konvinta, jekk il-fatt ma jkunx meħtieġ li jiġi ppruvat jew jekk il-kumpilazzjoni ta’ xhieda tkun ipprojbita. Meta l-ġbir tal-evidenza jagħti lok għal spejjeż (eż. evidenza minn esperti), irid jinkiseb ħlas bil-quddiem mill-parti li titolbu. Jekk dan ma jitħallasx qabel l-iskadenza stabbilita, l-evidenza tista’ tingħata biss aktar tard, sakemm ma tkunx twassal għal dewmien fil-proċedimenti.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Awstrijak jipprevedi ħames mezzi “klassiċi “ ta’ evidenza: l-evidenza dokumentata (l-Artikoli minn 292 sa 319), it-testimonjanza tax-xhieda (l-Artikoli minn 320 sa 350), l-evidenza mill-esperti (l-Artikoli minn 351 sa 367), l-ispezzjoni ġudizzjarja (l-Artikoli minn 368 sa 370) u l-eżami tal-partijiet (l-Artikoli minn 371 sa 383). Madankollu, fil-prinċipju, is-sorsi kollha possibbli ta’ evidenza jistgħu jiġu aċċettati bħala evidenza u jistgħu jiġu kklassifikati bħala wieħed mill-mezzi ta’ evidenza elenkati hawn fuq.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ix-xhieda jinstemgħu individwalment fl-assenza tax-xhieda li jridu jinstemgħu sussegwentement. Dan iżommhom lura milli jinfluwenzaw it-testimonjanza ta’ xulxin. Jekk it-testimonjanza tax-xhieda tkun kontradittorja, dawn jistgħu jiġu eżaminati fl-istess ħin. L-eżami tax-xhieda jibda b’interrogazzjoni informattiva mfassla biex tiddetermina jekk ix-xhud ikunx skwalifikat milli jagħti evidenza għal xi raġuni partikolari, jekk għandux dritt li jibqa’ sieket, jew jekk ikunx hemm fatturi li ma jħalluhx jieħu l-ġurament. Wara li x-xhud jitfakkar dwar id-dmir tiegħu li jgħid il-verità u jiġi avżat bil-konsegwenzi taħt il-liġi kriminali jekk jagħti xhieda falza, is-seduta nnifisha tibda bix-xhud jintalab jipprovdi d-dettalji personali tiegħu. Sussegwentement, lix-xhud issirlu interrogazzjoni dwar il-każ innifsu. Il-partijiet jistgħu jieħdu sehem fl-eżami tax-xhud u jistgħu jistaqsu mistoqsijiet lix-xhud bil-ftehim tal-Qorti. L-imħallef jista’ jiċħad mistoqsijiet mhux xierqa. Fil-prinċipju, ix-xhieda għandhom jiġu eżaminati direttament quddiem il-Qorti li tagħti s-sentenza. Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-assistenza legali reċiproka hija wkoll possibbli (l-Artikolu 328 tal-Kodiċi taz-ZPO).

Testimonjanza esperta titqies bħala waħda li “tassisti” l-Qorti. Filwaqt li x-xhud jagħti xhieda dwar il-fatti, l-espert jipprovdi l-għarfien espert li l-imħallef ma jkollux. Il-provi ta’ esperti għandhom fil-prinċipju jittieħdu quddiem il-Qorti tal-proċess. L-espert jista’ jissejjaħ ukoll mingħajr restrizzjoni mill-imħallef ex officio. Ix-xhud espert huwa meħtieġ jippreżenta s-sejbiet tiegħu flimkien ma’ rapport. Matul is-seduta ta’ smigħ għandu jingħata rapport orali. Ir-rapporti bil-miktub iridu jiġu spjegati mill-espert matul is-seduta ta’ smigħ orali jekk dan jintalab mill-partijiet. Il-kostatazzjonijiet u r-rapport għandhom jiġu sostanzjati. Ir-rapporti privati mhumiex meqjusa bħala rapporti esperti skont it-tifsira taz-ZPO. Huma għandhom l-istatus ta’ dokument privat.

Proċedimenti esklużivament bil-miktub mhumiex permessi skont il-liġi Awstrijaka. Madankollu, peress li l-mezzi ta’ prova ma huma bl-ebda mod limitati, teżisti l-possibbiltà li x-xhieda jagħtu t-testimonjanza tagħhom bil-miktub. Madankollu, it-testimonjanza miktuba titqies bħala evidenza dokumentata u hija soġġetta għall-evalwazzjoni libera tal-Qorti. Jekk il-Qorti tqis li jkun meħtieġ, ix-xhud irid jidher quddiem il-Qorti, sakemm iż-żewġ partijiet ma joġġezzjonawx għall-eżami ta’ dak ix-xhud.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-prinċipju tal-“valutazzjoni libera tal-evidenza” huwa minqux fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (l-Artikolu 272). L-evalwazzjoni tal-evidenza hija l-eżami tar-riżultati tal-evidenza meħuda mill-imħallef. Fit-twettiq tal-valutazzjoni tiegħu, l-imħallef ma jkunx marbut b’xi regoli statutorji dwar l-evidenza iżda jrid jiġġudika skont il-konvinzjoni personali tiegħu jekk il-provi humiex korretti jew le. M’hemm l-ebda ġerarkija applikabbli għall-metodi ta’ prova. L-evidenza bil-miktub titqies bħala evidenza dokumentata sakemm ma tkunx rapport espert. Id-dokumenti pubbliċi maħruġa fl-Awstrija huma preżunti li jkunu ġenwini, jiġifieri huwa preżunt li jkunu tabilħaqq attribwibbli għall-emittent indikat. Il-preċiżjoni tagħhom hija wkoll preżunta b’mod sħiħ għall-finijiet tal-evidenza. Sakemm jiġu ffirmati, id-dokumenti privati jiġu kompletament aċċettati bħala evidenza li d-dikjarazzjonijiet li jkun fihom ikunu attribwibbli lill-persuna li tkun iffirmathom. Il-preċiżjoni tagħhom hija dejjem soġġetta għall-valutazzjoni libera tal-evidenza.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Awstrijak ma jirrikjedix li ċerti tipi ta’ evidenza jiġu kkunsidrati f’każijiet speċifiċi. L-ammont tat-talba huwa indipendenti mill-għażla tal-metodu ta’ evidenza.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Ix-xhieda huma obbligati jidhru quddiem il-qorti, jagħtu xhieda u, jekk jintalbu, jieħdu ġurament. Jekk xhud li jkun issejjaħ kif xieraq ma jattendix is-seduta orali mingħajr ma jipproduċi raġuni valida, il-Qorti l-ewwel timponi piena amministrattiva u, jekk ix-xhud jerġa’ ma jattendix għat-tieni darba, tordna li jinġieb quddiem is-seduta ta’ smigħ taħt arrest. Jekk ix-xhud jirrifjuta li jixhed mingħajr ma jagħti raġuni jew abbażi ta’ raġuni mhux ġustifikata, huwa jista’ jiġi mġiegħel jagħti x-xhieda tiegħu. Jekk xhud jagħti evidenza falza quddiem il-Qorti, din tirriżulta fi proċedimenti kriminali kontrih.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Meta jkun hemm raġunijiet għal rifjut ta’ għoti ta’ evidenza (l-Artikolu 321 taz-ZPO), ix-xhud ikun intitolat li jirrifjuta li jwieġeb mistoqsija jew mistoqsijiet individwali. Ma hemm l-ebda raġuni sħiħa li wieħed jirrifjuta li jagħti evidenza. Ir-rifjut li tingħata evidenza jista’ jew ikun riżultat ta’ mistħija, jew l-eżistenza ta’ riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali għax-xhud jew għall-persuna li tkun qribu, jew żvantaġġ finanzjarju dirett għall-istess persuni, jew obbligu rikonoxxut mill-istat li wieħed jibqa’ sieket, jew id-divulgazzjoni potenzjali ta’ sigrieti marbuta ma’ xogħol artistiku jew professjonali, jew l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot li legalment ikun ġie ddikjarat bħala sigriet. Il-Qorti trid tinforma lix-xhud dwar dawn ir-raġunijiet qabel ma jiġi eżaminat. Jekk ix-xhud jixtieq jagħmel użu mill-possibbiltà tiegħu li jirrifjuta li jagħti xhieda, huwa għandu jindika r-raġunijiet għal dan.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Huwa f’idejn il-Qorti biex tiddeċiedi jekk ir-rifjut ta’ xhud li jagħti evidenza huwiex legali. Jekk ix-xhud jirrifjuta li jixhed mingħajr raġunijiet jew fuq bażijiet li ma tqisux ġustifikati mill-Qorti, huwa jista’ jiġi mġiegħel b’miżuri koersivi li jagħti x-xhieda tiegħu (l-Artikolu 354 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni - Exekutionsordnung - EO). Dan jista’ jsir billi x-xhud jiġi mġieħgel iħallas multi jew, sa ċertu punt, permezz ta’ sentenza ta’ priġunerija. Ix-xhud huwa responsabbli wkoll fil-konfront tal-partijiet għal kwalunkwe dannu kkawżat b'riżultat ta’ rifjut mhux ġustifikat li jagħti evidenza.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Evidenza ma tistax tinkiseb minn persuni li kienu jew ma jistgħux jaraw il-fatti li jridu jiġu ppruvati jew li ma jafux jikkomunikaw dak li jkunu raw. Dawn jitqiesu bħala persuni b’inkapaċità fiżika “assoluta” biex jixhdu (l-Artikolu 320(1) taz-ZPO). Fil-każ ta’ persuni taħt l-età jew persuni li jsofru minn mard mentali, il-Qorti trid tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ jekk ikunux kapaċi jagħtu xhieda f’każ partikolari jew le. Meta l-persuna li għandha tinstema’ tkun minuri, il-Qorti tista’, wara talba jew ex officio, tirrinunzja l-evidenza orali kollha jew parti minnha jekk l-eżami jkun jikkomprometti l-benesseri tal-minuri, filwaqt li titqies il-maturità mentali tiegħu, is-suġġett tas-seduta u r-relazzjoni tiegħu mal-partijiet fil-proċedimenti (l-Artikolu 289b(1) taz-ZPO); dan japplika wkoll fi proċedimenti ta' ġuriżdizzjoni volontarja (l-Artikolu 35 tal-Att dwar il-Proċedimenti ta' ġuriżdizzjoni volontarja Außerstreitgesetz, AußStrG). Hemm ukoll tliet każijiet ta’ inkapaċità “relattiva” għall-għoti ta’ evidenza (l-Artikolu 320 minn (2) sa (4) taz-ZPO): li tapplika għall-professjonisti reliġjużi fir-rigward ta’ informazzjoni mogħtija lilhom waqt qrar, jew informazzjoni li b’xi mod ieħor tkun koperta mill-kunfidenzjalità li tkun ġejja mill-pożizzjoni tagħhom, għall-uffiċjali tal-Istat fir-rigward ta’ informazzjoni marbuta mal-mandat tagħhom, sakemm ma tkunx saret eżenzjoni, u għall-medjaturi, li jkunu ġew fdati bil-medjazzjoni jew li b’xi mod ieħor ikunu kisbu l-informazzjoni fil-kuntest tal-medjazzjoni.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-Qorti għandha tistaqsi lix-xhieda mistoqsijiet xierqa dwar dawk il-fatti li jridu jiġu ppruvati permezz tal-evidenza tagħhom u dwar iċ-ċirkostanzi li jkunu kisbu l-għarfien tagħhom taħthom. Il-partijiet jistgħu jipparteċipaw fl-eżami tax-xhieda u, bil-kunsens tal-Qorti, jagħmlulhom mistoqsijiet bl-għan li jiċċaraw jew jikkompletaw ix-xhieda tagħhom. L-imħallef jista’ jiċħad mistoqsijiet mhux xierqa. L-evidenza tax-xhud għandha tiġi rreġistrata skont il-kontenut essenzjali tagħha, iżda anki, jekk meħtieġ, tiġi irreġistrata kelma b’kelma. Reġistraturi vidjo u awdjo u d-data rreġistrata fuqhom ġeneralment jitqiesu bħala oġġetti ta’ spezzjoni. L-evidenza ta’ spezzjoni hija r-riżultat tal-perċezzjoni sensorjali diretta tal-karatteristiċi jew il-kundizzjonijiet tal-kwistjonijiet min-naħa tal-Qorti. Fid-dawl tal-prinċipju tad-direttezza materjali tat-teħid ta’ evidenza, tali evidenza tkun ammissibbli biss jekk evidenza diretta, eż. xhud, ma tkunx disponibbli. Il-qbil ta’ xhud li juża teknoloġija bil-vidjo huwa, fil-prinċipju, possibbli u għandu jintuża minflok eżami li fih jiġu eżegwiti rikjesti għal assistenza ġudizzjarja għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċess. Mill-2011, il-qrati kollha ġew mgħammra b’faċilitajiet tal-vidjokonferenzi.

Meta s-suġġett tal-proċedimenti ċivili jkun relatat ma’ proċedimenti kriminali, l-interrogazzjoni tal-partijiet li jkunu l-vittma f’dawk il-proċedimenti kriminali skont it-tifsira tal-Artikolu 65(1)(a) taz-ZPO (Strafprozessordnung, StPO) għandha, fuq talba tagħhom, tillimita l-parteċipazzjoni tal-partijiet fil-proċedimenti u r-rappreżentanti tagħhom fis-seduta b’tali mod li jkunu jistgħu jsegwu l-eżami bl-użu ta’ tagħmir tekniku għat-trażmissjoni ta’ taħdit u immaġni u li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jagħmlu l-mistoqsijiet mingħajr ma jkunu preżenti għall-interrogazzjoni. Jekk il-vittma tkun minorenni mhux akkumpanjata, espert xieraq irid ikun inkarigat li jagħmel il-mistoqsijiet marbuta mal-proċedimenti kriminali (l-Artikolu 289a(1) taz-ZPO). Il-Qorti tista’, fuq talba, teżamina persuna bil-mod kif deskritt fil-paragrafu 1 jekk, fid-dawl tal-evidenza inkwistjoni jew involviment personali, il-persuna li għandha tinstema’ ma tistax tkun mistennija b’mod raġonevoli li tagħmel dikjarazzjoni fil-preżenza tal-partijiet fil-proċedimenti u tar-rappreżentanti tagħhom (l-Artikolu 289a(2) taz-ZPO). Il-Qorti tista’, fuq talba jew ex officio, tagħmel arranġamenti biex is-seduta ta’ smigħ issir bil-mod deskritt fl-Artikolu 289a(1), inkluż minn espert xieraq, jekk meħtieġ, anki jekk il-benesseri tal-minorenni ma jiġix ipperikolat mis-seduta nfisha, iżda l-eżekuzzjoni tas-seduta fil-preżenza tal-partijiet jew tar-rappreżentati tagħhom taffettwa l-benesseri tagħhom, filwaqt li titqies il-maturità mentali tagħhom, is-suġġett tas-seduta u l-qrubija tagħhom mal-partijiet inkwistjoni (l-Artikolu 289b(2) taz-ZPO). L-Artikoli 289a u 289b taz-ZPO japplikaw ukoll fi proċedimenti ta' ġuriżdizzjoni volontarja (l-Artikolu 35 AußStrG).

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Jekk parti tikser obbligu kuntrattwali, dispożizzjoni tal-liġi privata jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità sabiex tikseb biċċa evidenza, il-qorti tista’ taċċetta u tevalwa l-evidenza iżda l-parti kkonċernata tkun madankollu responsabbli li tħallas kumpens. Jekk, biex tikseb l-evidenza, il-parti tikser dispożizzjoni tal-liġi kriminali li tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi stabbiliti fil-Kostituzzjoni (eż. korriment fiżiku, ħtif, ġegħil ta’ xhud biex jixhed), l-evidenza li tkun inkisbet b’dan il-mod tkun inammissibbli u ma tistax tiġi aċċettata mill-Qorti. Jekk ikun hemm dubju dwar jekk att kriminali twettaqx, il-Qorti tista’ tinterrompi l-proċedimenti ċivili sakemm tkun ingħatat sentenza finali fil-proċedimenti kriminali. Jekk l-att kriminali kommess biex tinkiseb l-evidenza ma jmurx kontra d-drittijiet bażiċi u l-libertajiet bażiċi stabbiliti bil-Kostituzzjoni, il-parti inkwistjoni titqies responsabbli kriminalment, iżda l-evidenza ma tkunx inammissibbli. Hija biss l-evidenza miksuba illegalment li tkun kisret l-obbligu tal-Qorti li tistabbilixxi l-verità u li b’hekk iddgħajjef il-garanzija tal-verità u l-preċiżjoni tas-sentenza, li titqies bħala inammissibbli.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

L-eżami tal-partijiet ukoll jikkostitwixxi evidenza. Bħax-xhieda, il-partijiet għandhom ukoll id-dmir li jattendu, jagħtu xhieda u jieħdu l-ġurament. Madankollu, ma jistgħux jiġu mġiegħla jidhru quddiem il-Qorti jew jagħtu x-xhieda tagħhom. Kull nuqqas mhux ġustifikat minn parti li tattendi l-proċedimenti jew li tagħti x-xhieda tagħha għandu jiġi ġġudikat mill-Qorti b’valutazzjoni bir-reqqa taċ-ċirkostanzi kollha. Huwa biss fil-każ ta’ proċedimenti ta’ dixxendenza jew ta’ divorzju li jkun possibbli li jintużaw miżuri koersivi biex il-partijiet jidhru quddiem il-qorti. Nuqqas minn parti li tissodisfa d-dmir tagħha li tgħid il-verità — għall-kuntrarju tax-xhieda — mhuwiex reat kriminali sakemm ma tingħatax dikjarazzjoni falza taħt ġurament. L-eżami tal-partijiet jista’ jiġi ordnat mill-imħallef ex officio.

L-aħħar aġġornament: 11/03/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.