Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna Kroat ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Smigħ ta' xhieda

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Ir-regoli dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda u l-preżentazzjoni, l-għażla, il-ġbir, l-eżaminar u l-valutazzjoni tal-elementi tal-evidenza fil-proċedimenti ċivili huma stabbiliti fl-Artikoli 219 sa 276 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne novine (NN; il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 53/91, 91/92, 112/99, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 84/08, 96/08, 123/08, 57/11, 148/11 – test konsolidat, 25/13, 89/14 – id-Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja (Ustavni sud Republike Hrvatske), 70/19 u 80/22 (ZPP)).

Ir-regola ġenerali hi li kull parti trid tistabbilixxi l-fatti u tippreżenta l-evidenza li fuqhom hi bbażata d-dikjarazzjoni tagħhom, jew li bihom tikkontesta d-dikjarazzjonijiet u l-evidenza tal-parti opposta, li tfisser li fil-liġi proċedurali (ċivili) tal-Kroazja, il-prinċipju tad-dritt li tinstema’ jippredomina fil-ġbir tal-fatti u fil-preżentazzjoni tal-evidenza.

Għaldaqstant, kull parti trid turi bil-provi l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ fatti li huma favorevoli għaliha, li fuqhom huma bbażati d-dikjarazzjonijiet (u l-oġġezzjonijiet) tagħhom, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi.

Bħala regola, il-qorti hi awtorizzata tistabbilixxi biss il-fatti li l-partijiet stabbilixxew u tikkumpila biss ix-xhieda li l-partijiet ippreżentaw. Bħala eċċezzjoni, il-qorti hi awtorizzata (u obbligata) tistabbilixxi l-fatti li l-partijiet ma jkunux stabbilixxew u li tikkumpila xhieda li l-partijiet ma ppreżentawx biss jekk hi tissuspetta li l-partijiet ikun biħsiebhom jasserixxu dikjarazzjonijiet li mhumiex awtorizzati jasserixxu.

Jekk, fuq il-bażi tal-evidenza prodotta (l-Artikolu 8 taz-ZPP), il-qorti ma tistax tistabbilixxi fatt b’ċertezza, din tiddeċiedi dwar l-eżistenza tal-fatt billi tapplika r-regoli dwar l-oneru tal-provi.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

L-evidenza għandha tinkludi l-fatti kollha ta’ importanza biex tinħareġ deċiżjoni.

Mhuwiex neċessarju li jintwerew provi tal-fatti li l-parti tirrikonoxxi quddiem il-qorti matul il-proċedimenti, iżda l-qorti tista’ wkoll tordna l-preżentazzjoni ta’ evidenza għal dawn il-fatti jekk hi tqis li, meta rrikonoxxiethom, il-parti kellha l-għan li tirrinunzja talba li mhix permessa tirrinunzja (l-Artikolu 3 taz-ZPP).

Barra minn hekk, ir-regoli legali huma eżentati minn evidenza għaliex għandha tapplika r-regola li l-qorti titqies li taf il-liġi (iura novit curia).

Ma hemmx bżonn li jingħataw provi ta’ fatti li jkunu għarfien komuni. Madankollu, hu ammissibbli li tintwera prova li fatt partikolari mhuwiex għarfien komuni.

Fatti li l-eżistenza tagħhom hi supponuta mil-liġi m’għandhomx bżonn jintwerew bil-provi, iżda jista’ jintwera bil-provi li ma jeżistux, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi. Għalhekk, ir-regoli dwar il-preżunzjonijiet konfutabbli (praesumptiones iuris) jiffaċilitaw l-evidenza għaliex il-parti li tibbaża fuq fatt legalment rilevanti mhix meħtieġa turi bil-provi l-eżistenza ta’ tali fatt b’mod dirett; hu biżżejjed li din tibbaża fuq regola legali ġenerali inkluża fi preżunzjoni konfutabbli, u parti li tiddikjara li r-regola ġenerali inkluża fil-preżunzjoni konfutabbli ma tistax tiġi applikata għal kawża partikolari trid tagħti prova ta’ dan.

Madankollu, hemm każijiet li fihom il-liġi ma tippermettix l-ineżistenza ta’ fatti preżunti mil-liġi bħala murija bil-provi (praesumptiones iuris et de iure) meta l-qorti tkun obbligata tikkonkludi li l-fatt legalment rilevanti inkwistjoni jeżisti.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-kompitu tal-qorti hu li tikkonvinċi lilha nfisha bl-eżistenza jew bl-ineżistenza tal-fatti li tibbaża l-applikazzjoni tal-liġi fuqhom. Iz-ZPP ma jinkludix dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-probabbiltà, iżda l-grad ta’ probabbiltà għandu jiżdied b’mod proporzjonat għall-importanza tal-azzjoni li għandha tittieħed, b’kunsiderazzjoni tal-istadju tal-proċedimenti li fih tiġi diskussa u deċiża kwistjoni proċedurali partikolari u l-konsegwenzi proċedurali li jsegwu jekk jinstab li ċerti fatti jeżistu jew ma jeżistux.

Skont ir-regola ġenerali dwar il-valutazzjoni libera tal-evidenza, il-qorti tiddeċiedi bil-konvinzjoni tagħha stess liema fatti hi ssib li jkunu murija bil-provi, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni approfondita u bir-reqqa tal-evidenza kollha, preżentata b’mod individwali u fis-sħuħija tagħha, u b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-proċeduri sħaħ.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Kif ġie ddikjarat aktar ’il fuq, il-proċedura (ċivili) Kroata hi fil-parti l-kbira tagħha inter partes, u dan ifisser li l-partijiet jistgħu jiġbru fatti u jikkumpilaw evidenza minn jeddhom, u l-qorti hi awtorizzata tistabbilixxi fatti mhux stabbiliti mill-partijiet u tikkumpila evidenza biss jekk hi tissuspetta li l-partijiet biħsiebhom jasserixxu dikjarazzjonijiet li ma humiex permessi jasserixxu (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 taz-ZPP).

Ladarba tkun saret is-seduta preparatorja, il-qorti tadotta deċiżjoni li ttemm il-proċedimenti għal deċiżjoni preliminari.

Il-qorti ttemm il-proċedimenti għal deċiżjoni preliminari u tiddeċiedi u tikkonkludi s-seduta ewlenija fis-seduta preparatorja jekk tqis li huwa possibbli li tagħmel dan fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-kawża.

Jekk il-qorti tqis li ma huwiex possibbli li ttemm il-proċedimenti għal deċiżjoni preliminari u li tiddeċiedi u tikkonkludi s-seduta ewlenija waqt is-seduta preparatorja, hija tfassal pjan għat-tmexxija tal-proċedimenti.

Il-pjan għat-tmexxija tal-proċedimenti jrid ikun fih:

  • sommarju tal-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi inkwistjoni,
  • l-evidenza biex jiġu stabbiliti l-fatti inkwistjoni,
  • l-iskadenza biex tinkiseb aktar evidenza meħtieġa,
  • l-iskadenza biex il-partijiet jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub dwar is-sottomissjonijiet tal-parti opposta u dwar is-sejbiet u l-opinjoni tal-esperti,
  • id-data u l-ħin tas-seduta għas-seduta ewlenija.

Jekk is-seduta ewlenija tkun teħtieġ diversi seduti, il-qorti tikkonsulta lill-partijiet qabel ma tistabbilixxi d-dati u l-ħinijiet għas-seduti kollha sussegwenti għas-seduta ewlenija, filwaqt li tfittex li tiżgura li l-proċedimenti jkunu ta’ tul ta’ żmien raġonevoli.

Il-qorti tadotta l-pjan għat-tmexxija tal-proċedimenti permezz ta’ deċiżjoni, normalment fl-ewwel seduta tal-proċedimenti. Qabel ma tadotta d-deċiżjoni dwar il-pjan għat-tmexxija tal-proċedimenti, il-qorti tippermetti lill-partijiet jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar il-pjan f’seduta.

B’eċċezzjoni, jekk waħda mill-partijiet ma tkunx preżenti fis-seduta li fiha jiġi diskuss il-pjan għat-tmexxija tal-proċedimenti, il-qorti tista’ tistabbilixxi pjan għat-tmexxija tal-proċedimenti mingħajr ma tikkonsulta lill-parti assenti.

Hekk kif tibda għaddejja l-kawża, il-qorti tista’ temenda l-pjan għat-tmexxija tal-proċedimenti, dment li tkun tat lill-partijiet l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar din il-kwistjoni. Jekk il-bidliet fil-pjan ma jaffettwawx l-iskadenzi għal azzjoni mill-partijiet, il-qorti tista’ temenda l-pjan mingħajr ma tikkonsulta lill-partijiet minn qabel.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-qorti tiddeċiedi liema elementi tal-evidenza ppreżentati għandhom jiġu kkumpilati biex jiġu stabbiliti l-fatti deċiżivi.

Jekk il-qorti tkun aċċettat l-evidenza miġjuba mill-parti, hi, bħala regola, tibda bil-kumpilazzjoni ta’ dik ix-xhieda.

F’tilwimiet li jinstemgħu f’awla (vijeće), ix-xhieda tiġi kkumpilata fis-seduta ewlenija quddiem l-awla, iżda l-awla tista’, għal raġunijiet importanti, tiddeċiedi li ċerta xhieda għandha tiġi kkumpilata quddiem il-president tal-awla jew l-imħallef tal-qorti mitluba (l-imħallef mitlub). F’dan il-każ, jinqara rekord tal-evidenza matul is-seduta ewlenija.

L-imħallef uniku, jew il-President tal-awla, imexxi s-seduta ewlenija, jinterroga lill-partijiet u jikkumpila x-xhieda, iżda l-qorti mhix marbuta bid-deċiżjoni dwar it-tmexxija tas-seduta, jiġifieri, fost l-oħrajn, hi mhix marbuta bid-deċiżjoni li tilqa’ jew tiċħad l-offerti ta’ evidenza ppreżentati mill-partijiet.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Iz-ZPP jispeċifika li, l-qorti għandha tiċħad evidenza prodotta li hi ma tqisx rilevanti u tiddikjara r-raġuni għaċ-ċaħda fid-deċiżjoni.

Iz-ZPP ma fihx dispożizzjonijiet speċjali dwar il-possibbiltà ta’ ċaħda ta’ evidenza inammissibbli jew ta’ xhieda li ma tistax tiġi kkumpilata b’mod kosteffettiv. Madankollu, f’tilwimiet quddiem qorti muniċipali (općinski sud) b’valur li ma jaqbiżx l-10 000 kuna Kroata u f’tilwimiet quddiem qorti kummerċjali (trgovački sud) b’valur li ma jaqbiżx il-50 000 kuna Kroata, u jekk il-qorti ssib li l-istabbiliment ta’ fatti li jkunu importanti għas-soluzzjoni ta’ tilwim ikun iwassal għal diffikultajiet u għal spejjeż sproporzjonati, iz-ZPP jawtorizza lill-qorti li tiddeċiedi dwar l-eżistenza tat-tali fatti fuq il-bażi ta’ valutazzjoni libera, b’kunsiderazzjoni tad-dokumenti li l-partijiet ikunu ssottomettew u x-xhieda tagħhom jekk il-qorti ġġib l-evidenza billi tisma’ lill-partijiet.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet taz-ZPP jipprovdu għal terminu biex il-partijiet jistabbilixxu l-fatti kollha u jippreżentaw offerti tal-evidenza. Matul proċedimenti ċivili ordinarji, kull parti, fl-applikazzjoni u fit-tweġiba għall-applikazzjoni, sa mhux aktar tard mis-seduta preparatorja, trid tistabbilixxi l-fatti kollha li jissostanzjaw it-talba tagħhom, jippreżentaw l-evidenza neċessarja biex jistabbilixxu l-fatti li huma ppreżentaw u jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar id-dikjarazzjonijiet tal-fatti u l-evidenza mill-parti opposta. Matul is-seduta ewlenija, il-partijiet jistgħu jippreżentaw fatti u evidenza ġodda biss jekk, għal raġuni li ma tkunx it-tort tagħhom, dawn ma setgħux jipprovduhom jew jippreżentawhom qabel ma ġew konklużi l-proċedimenti preċedenti.

Il-qorti ma tqisx fatti u evidenza ġodda li, minħabba raġuni li tkun it-tort tagħhom, il-partijiet jipprovdu jew jippreżentaw matul is-seduta ewlenija.

Għal aktar informazzjoni dwar l-evidenza u l-kumpilazzjoni ta’ xhieda fi proċedura ta’ talbiet żgħar, ara l-iskeda ta’ informazzjoni intitolata “Talbiet żgħar – Ir-Repubblika tal-Kroazja”.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Iz-ZPP jipprovdi għall-elementi tal-evidenza li ġejjin: aċċess fuq il-post, evidenza dokumentarja, xhieda, esperti u smigħ tal-partijiet.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Xhud hu kwalunkwe persuna fiżika li kapaċi tagħti informazzjoni dwar il-fatti li jkunu qed jiġu pprovati. Ix-xhieda jinstemgħu b’mod individwali u mingħajr il-preżenza ta’ xhieda oħra li jkunu se jinstemgħu aktar tard, u huma obbligati jagħtu t-tweġibiet tagħhom oralment.

Xhud l-ewwel jiġi avżat li hu obbligat jgħid il-verità u li ma jista’ jħalli xejn barra. Wara, dan jitwissa bil-konsegwenzi jekk jixhed falz. Barra minn hekk, xhud għandu dejjem jiġi mistoqsi dwar kif jaf il-fatti li jkun qed jixhed dwarhom.

Min-naħa l-oħra, xhud espert irid ikollu l-istess kwalitajiet ta’ xhud, jiġifieri, irid ikun kapaċi josserva, jiftakar u jirriproduċi, u, barra minn hekk, irid ikollu għarfien espert professjonali wkoll.

Ċerti xhieda esperti li jitħarrku mill-qorti kif xieraq jridu jobdu t-taħrikiet u jippreżentaw is-sejbiet u opinjoni tagħhom.

Għalhekk, il-kompitu ta’ xhud espert jimplika l-istabbiliment ta’ sejbiet u ta’ opinjonijiet. Il-qorti tistabbilixxi jekk ix-xhud espert jippreżentax biss is-sejbiet u l-opinjonijiet tiegħu b’mod orali matul is-seduta jew inkella jekk għandux jippreżentahom ukoll bil-miktub qabel is-seduta. Il-qorti għandha tistabbilixxi terminu għall-preżentazzjoni tas-sejbiet u tal-opinjonijiet bil-miktub li ma jistax jaqbeż is-60 jum.

Ix-xhud espert dejjem irid jispjega l-opinjoni tiegħu.

Il-qorti tibgħat lill-partijiet is-sejbiet u l-opinjoni bil-miktub mhux aktar minn 15-il jum qabel is-seduta li fiha jkunu jridu jinstemgħu.

Iz-ZPP ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-proċedura għas-smigħ tax-xhieda “ordinarji” u s-smigħ ta’ xhieda esperti, u ma jistabbilixxi l-ebda dispożizzjoni proċedurali speċjali f’dak ir-rigward.

B’rabta mal-evidenza bil-miktub, il-partijiet stess iridu jippreżentaw id-dokument li fuqu jibbażaw bħala prova tad-dikjarazzjoni tagħhom.

Dokument li nħareġ fil-forma stipulata minn awtorità tal-Istat fi ħdan l-isfera tar-responsabbiltà tagħha u dokument maħruġ minn persuna ġuridika jew fiżika f’dik il-forma, li taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħha, assenjati lilha mil-liġi jew minn regolament fuq il-bażi tal-liġi (dokument pubbliku), hu meqjus li jagħti prova tal-veraċità ta’ dak li jiċċertifika jew jirregola.

Dokumenti oħra jkollhom l-istess valur probatorju jekk, skont regolamenti speċjali, il-valur probatorju tagħhom ikun ekwivalenti għal dak ta’ dokumenti pubbliċi.

Hu ammissibbli li jintwerew provi li l-fatti ddikjarati fid-dokumenti pubbliċi huma foloz jew li d-dokument tfassal b’mod skorrett.

Jekk il-qorti tiddubita mill-awtentiċità tad-dokument, din tista’ titlob lill-awtorità li minnha suppost li oriġina biex tesprimi opinjoni dwaru.

Sakemm ma jkunx speċifikat b’mod ieħor fi ftehim internazzjonali, dokumenti pubbliċi barranin li huma awtentikati kif xieraq għandhom, soġġetti għall-kundizzjoni ta’ reċiproċità, l-istess valur probatorju bħad-dokumenti pubbliċi domestiċi.

Iz-ZPP jistabbilixxi wkoll regoli dwar il-kunsinna tad-dokumenti (id-dmir li jiġu pprovduti dokumenti), li jiddependu minn jekk id-dokument ikunx fil-pussess tal-parti li tirreferi għalih, tal-kontroparti, ta’ awtorità tal-Istat jew ta’ organizzazzjoni li teżerċita awtorità pubblika jew ta’ persuna terza (persuna fiżika jew ġuridika).

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Skont ir-regola ġenerali dwar il-valutazzjoni libera tal-evidenza applikata fil-liġi proċedurali (ċivili) tal-Kroazja, il-qorti tiddeċiedi, bil-konvinzjoni tagħha stess, liema fatti hi ssib li jkunu murija bil-provi, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni approfondita u bir-reqqa tal-evidenza kollha, preżentata b’mod individwali u fis-sħuħija tagħha, u b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-proċeduri sħaħ.

Għalhekk, ma hemm ebda regola li tispeċifika li ċerti elementi tal-evidenza għandhom saħħa jew importanza akbar minn oħrajn, għad li, fil-prattika, id-dokumenti jitqiesu aktar affidabbli (iżda mhux aktar importanti) minn evidenza oħra (xhieda, seduti).

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Le, iz-ZPP ma jipprovdix li ċerti metodi ta’ prova huma obbligatorji sabiex jiġu ppruvati ċerti fatti. F’konformità mal-prinċipju inter partes, il-partijiet huma awtorizzati jippreżentaw evidenza u l-qorti tivvaluta liema elementi tal-evidenza ppreżentati hi tikkunsidra għall-fini ta’ stabbiliment tal-fatti rilevanti.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Kull persuna mħarrka bħala xhud hi obbligata tobdi t-taħrikiet u, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor miz-ZPP, hi meħtieġa tixhed. Għaldaqstant, it-testimonjanza, li timplika dmir ta’ attendenza fil-qorti, ix-xhieda u d-dikjarazzjoni tal-verità, huma obbligu ġenerali ta’ kull persuna. Xhieda li minħabba xjuħija, mard jew indebolimenti fiżiċi serji ma jistgħux jobdu t-taħrika jinstemgħu f’darhom stess.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Persuna li, bit-testimonjanza tagħha, tkun tikser l-obbligu ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ sigrieti uffiċjali jew militari m’għandhiex tinstema’ bħala xhud sakemm l-awtorità kompetenti teħlisha mit-tali responsabbiltà.

Xhud ma jistax jiċħad milli jixhed:

  • dwar xi ħaġa li l-parti stqarrithielu bħala rappreżentant awtorizzat tagħha;
  • dwar kwistjonijiet li l-parti jew persuna oħra qarret lix-xhud bħala konfessur reliġjuż;
  • dwar fatti li x-xhud sar jaf bihom bħala avukat, tabib, jew fit-twettiq ta’ kwalunkwe sejħa jew attività oħra, jekk ikun jeżisti obbligu li jinżamm kunfidenzjali dak li jsir magħruf matul l-eżerċitar ta’ dik is-sejħa jew l-attività.

L-imħallef uniku jew il-President tal-awla jinforma lil dawn il-persuni bil-possibbiltà li jiċħdu milli jixhdu.

Xhud jista’ jiċħad milli jwieġeb mistoqsijiet individwali minħabba raġunijiet validi, b’mod partikolari, jekk billi jwieġeb għat-tali mistoqsija, dan ikun qed jesponi lilu nnifsu, jew il-qarib tiegħu li jiġu minnu bid-demm sa kwalunkwe grad, jew lil qarib kollaterali li jiġi minnu bid-demm sat-tielet grad, inklużi l-konjuġi tiegħu, jew lil qraba biż-żwieġ sat-tieni grad – anki jekk iż-żwieġ ikun intemm – u lill-kustodju jew lit-tutur tagħhom, lil ġenitur adottiv jew lil tfal adottati, għal dannu reputazzjonali serju, għal ħsara materjali sinifikanti jew għal prosekuzzjoni kriminali.

L-imħallef uniku jew il-President tal-awla jgħarraf lix-xhud li hu jista’ jiċħad milli jwieġeb il-mistoqsijiet li jsirulu.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Iva, dan hu possibbli. Jekk xhud li jiġi mħarrek kif xieraq jonqos milli jattendi mingħajr spjegazzjoni, jew jekk tali xhud jitlaq mill-post fejn għandu jinstema’ mingħajr permess jew xi raġuni ġustifikata, il-qorti tista’ tordna li jinġieb lura bil-forza, bl-ispejjeż kontrih, u tista’ timponi wkoll multa monetarja li tvarja bejn 500 sa 10 000 kuna Kroata.

Jekk ix-xhud jidher u jiċħad milli jixhed jew iwieġeb għal ċerti mistoqsijiet wara li jiġi informat bil-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan, u l-qorti tqis li r-raġunijiet tiegħu għaċ-ċaħda li jwieġeb ma jkunux ġustifikati, din tista’ timponilu multa monetarja li tvarja minn 500 sa 10 000 kuna Kroata; jekk ix-xhud jibqa’ jirrifjuta milli jixhed, il-qorti tista’ żżommu taħt detenzjoni. Ix-xhud jinżamm f’detenzjoni sakemm jaqbel li jixhed jew sakemm it-testimonjanza tiegħu ssir żejda, iżda mhux għal aktar minn xahar.

Jekk ix-xhud wara jipprovdi spjegazzjoni għall-assenza tiegħu, il-qorti twaqqa’ d-deċiżjoni tagħha dwar il-multa, u tista’ teħles lix-xhud mill-ħlas tal-ispejjeż totalment jew parzjalment. Il-qorti tista’ twaqqa’ wkoll id-deċiżjoni tagħha dwar multa jekk ix-xhud wara jaqbel li jixhed.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Għal informazzjoni dwar l-eżenzjoni mid-dmir ġenerali ta’ xhieda fir-rigward ta’ sigrieti uffiċjali jew militari, jiġifieri dwar id-dritt tal-persuni li jwettqu attivitajiet speċifiċi li jiċħdu milli jixhdu u d-dritt li jiċħdu milli jwieġbu mistoqsijiet speċifiċi, ara l-punt 9.

Bħala regola ġenerali, huma biss il-persuni li kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar il-fatti li jkunu qed jiġu pprovati li jistgħu jinstemgħu bħala xhieda, u l-qorti tiddeċiedi dwar il-ħila ta’ persuna li tixhed fuq bażi ta’ każ b’każ.

Persuna ma tistax tkun xhud jekk tkun involuta b’mod dirett fil-proċedimenti, bħala parti jew bħala r-rappreżentant legali ta’ parti, filwaqt li rappreżentant awtorizzat tal-parti jista’ jinstema’ bħala xhud.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Kull xhud irid jiġi eżaminat b’mod individwali, u mhux fil-preżenza ta’ xhieda li jkunu jridu jinstemgħu b’mod sussegwenti. Ix-xhud hu obbligat jagħti t-tweġibiet tiegħu b’mod orali.

Xhud l-ewwel jiġi avżat li hu obbligat jgħid il-verità u li ma jista’ jħalli xejn barra. Wara, dan jitwissa bil-konsegwenzi jekk jixhed falz.

Imbagħad ix-xhud jintalab jiddikjara ismu, kunjomu, in-numru tal-ID personali tiegħu, isem missieru, l-okkupazzjoni, l-indirizz, il-post tat-twelid, l-età u r-relazzjoni tiegħu mal-partijiet.

Wara dawn il-mistoqsijiet ġenerali, ix-xhud jintalab jiddikjara dak kollu li jaf dwar il-fatti li jkun se jixhed dwaru, u wara, jistgħu jsirulu mistoqsijiet għall-fini ta’ konferma, ta’ żieda jew ta’ spjegazzjoni. Mhuwiex permess li jsiru mistoqsijiet li diġà jkun fihom it-tweġiba għall-mistoqsija.

Ix-xhud dejjem jiġi mistoqsi dwar jekk jafx il-fatti li jkun qed jixhed dwarhom.

Ix-xhieda li t-testimonjanzi tagħhom jidħlu f’kunflitt fir-rigward ta’ fatti importanti jistgħu jiġu kkonfrontati wiċċ imb wiċċ ma’ xulxin. Dawn isirulhom mistoqsijiet b’mod individwali dwar kull ċirkustanza li għaliha jkun hemm kunflitt u t-tweġibiet tagħhom jiġu reġistrati fil-minuti.

Ir-Repubblika tal-Kroazja m’għandha l-ebda dispożizzjoni speċjali li tistipula l-kumpilazzjoni ta’ xhieda permezz tal-vidjokonferenzi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 126a sa 126c taz-ZPP jirrappreżentaw bażi għal metodu bħal dan ta’ seduta, jiġifieri jista’ jiġi reġistrat l-awdjo tas-seduti tal-qorti. Id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni tittieħed mill-qorti fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba tal-partijiet. Il-metodu ta’ ħżin u ta’ trażmissjoni ta’ reġistrazzjoni tal-awdjo, il-kundizzjonijiet tekniċi u l-mod tar-reġistrazzjoni huma regolati mir-Regoli tal-Proċedura tal-qorti.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Skont iz-ZPP deċiżjoni tal-qorti ma tridx tkun ibbażata fuq evidenza miksuba illegalment (evidenza inammissibbli).

Qorti tista’ tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-kumpilazzjoni ta’ xhieda inammissibbli u tista’ teżamina tali evidenza jekk tqis li dan ikun meħtieġ sabiex tistabbilixxi fatt materjali. Meta tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza, il-qorti twieżen il-ksur li jirriżulta mill-kumpilazzjoni ta’ xhieda inammissibbli mal-interess li jiġu stabbiliti l-fatti b’mod sħiħ u preċiż fil-proċedimenti.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Il-partijiet għall-proċedimenti ma jistgħux jinstemgħu bħala xhieda; madankollu, id-dispożizzjonijiet taz-ZPP jipprovdu għas-smigħ tal-partijiet bħala wieħed mill-elementi tal-evidenza fin-nuqqas ta’ evidenza oħra jew jekk, minkejja l-evidenza l-oħra miġjuba, il-qorti tqis li dan ikun meħtieġ għall-istabbiliment ta’ fatti importanti.

Id-dispożizzjonijiet taż-ZPP dwar il-kumpilazzjoni mingħand ix-xhieda japplikaw għas-smigħ tal-partijiet, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

4 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda speċifika awtoritajiet oħra li huma kompetenti li jiġbru l-provi għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali skont ir-Regolament? Jekk iva, dawn f’liema proċedimenti huma kompetenti li jiġbru l-provi? Jistgħu jitolbu biss il-ġbir tal-provi jew jassistu wkoll fil-ġbir tal-provi abbażi ta’ talba mingħand Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda.

Il-qrati huma l-uniċi awtoritajiet li r-Repubblika tal-Kroazja tispeċifika li huma kompetenti biex jikkumpilaw xhieda għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda.

L-aħħar aġġornament: 14/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.