

Sib informazzjoni għal kull reġjun
B'mod ġenerali l-oneru tal-prova fi proċedimenti ċivili jaqa' fuq il-parti li fetħet il-kawża jiġifieri r-rikorrent jew l-attur, skont il-każ.
F'każijiet eċċezzjonali, l-oneru jista' jiġi trasferit lill-konvenut jew l-intimat. Eżempju tipiku huwa meta titressaq kawża minħabba negliġenza jekk jiġi ppruvat li r-rikorrent ma kienx jaf, jew ma kellux il-mezzi biex isir jaf kif seħħ l-inċident, id-dannu ġie kkawżat minn oġġett li kien taħt il-kontroll waħdieni tal-konvenut u d-dannu huwa marbut man-nuqqas tal-konvenut li jieħu ħsieb b'mod raġonevoli, f'liema każ japplika l-prinċipju ta' res ipsa loquitur (il-fatt jitkellem waħdu) fejn l-oneru tal-prova jiġi trasferit fuq il-konvenut.
B'mod ġenerali r-rikorrent jew l-attur irid jipprova billi jippreżenta provi rilevanti bix-xhieda l-fatti kollha meħtieġa biex jappoġġaw / ikunu l-bażi tat-talba tiegħu.
Il-qorti trid tevalwa l-provi u tagħti sentenza skont il-konklużjonijiet li tasal għalihom mill-fatti tal-każ. Jekk, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, il-qorti ma tkunx tista' tasal għal konklużjoni fuq ċertu fatt tal-każ li huwa importanti sabiex jiġi deċiż il-każ, it-talba mressqa mill-parti li hija bbażata fuq dak il-fatt għandha tiġi miċħuda.
Hemm ċerti fatti li ma hemmx għalfejn jiġu ppruvati mill-provi. Dawn jinkludu ċerti fatti li dwarhom ma hemmx dubji u huma ċari, li dwarhom il-qorti tista' titiqes li għandha "għarfien ġudizzjarju". Pereżempju, dawn jistgħu jinkludu fatti marbuta ma' unitajiet tal-kejl, kwistjonijiet ta' flus, il-kalendarju annwali u d-differenzi fil-ħin bejn il-pajjiżi. Eżempji oħra huma fatti li huma ta' għarfien komuni u huma preżunti li huma bbażati fuq l-esperjenza umana, bħaż-żieda fl-inċidenti tat-traffiku, il-problemi li jkollha taffaċċa armla bi tfal minuri eċċ. Bl-istess mod, fatti storiċi, xjentifiċi u ġeografiċi huma komunement magħrufa u ma hemmx bżonn jiġu ppruvati permezz ta' provi.
Barra minn hekk, hemm preżunzjonijiet f'ċerti każijiet. Preżunzjonijiet huma konklużjoni li tista' jew trid issir minħabba li ġew ippruvati ċerti fatti. Dawn il-preżunzjonijiet jistgħu ikunu konfutabbli jew mhux konfutabbli.
Il-preżunzjonijiet mhux konfutabbli huma dawk li jiġu stabbiliti mil-liġi u li ma jistgħux jiġu kkontestati permezz ta' provi li juru l-kuntrarju. Il-preżunzjonijiet mhux konfutabbli huwa rari. L-Artikolu 14 tal-Kodiċi Kriminali jagħti eżempju fejn jistabbilixxi li tifel taħt l-14-il sena huwa preżunt li ma għandux responsabbiltà kriminali għal kull azzjoni jew omissjoni tiegħu. Il-preżunzjonijiet konfutabbli huma ħafna aktar komuni. Dawn jistgħu jiġu rroftati permezz ta' provi li juru l-kuntrarju. Pereżempju tifel imwieled fiż-żwieġ huwa preżunt li huwa wild il-missier sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja.
Il-livell tal-prova f'kawżi ċivili huwa l-"bilanċ ta' probabbiltajiet". Fi kliem ieħor, il-qorti tista' tiddeċiedi li fatt ġie stabbilit jekk tkun sodisfata mill-provi li l-fatt x'aktarx aktar seħħ milli le.
Fi proċedimenti ċivili l-partijiet fil-kawża jagħżlu liema provi bix-xhieda jippreżentaw il-qorti. Kull parti ssejjaħ dawk ix-xhieda li jitqiesu utli għall-kawża. Il-qorti ma għandhiex is-setgħa ssejjaħ ix-xhieda ex officio mingħajr il-kunsens tal-partijiet.
Il-proċedura hija sempliċi. Il-parti li tixtieq ittella' xhud titlob lill-qorti biex toħroġ taħrika. Il-qorti mbagħad toħroġ it-taħrika biex jiġi nnotifikat ix-xhud. Kull persuna li tiġi nnotifikata b'taħrika hija obbligata bil-liġi biex titla' l-qorti fid-data u fil-ħin imniżżla fit-taħrika.
B'talba ta' parti fil-kawża, it-taħrika tinħareġ f'bosta mill-każijiet. It-talba għal taħrika minn parti tista' tiġi miċħuda f'każijiet rari u eċċezzjonali, jekk jiġi ppruvat li t-talba kienet frivola u tikkostitwixxi abbuż mill-proċedimenti tal-qorti.
Hemm żewġ tipi ta' provi: xhieda mogħtija oralment quddiem il-qorti, u provi bil-miktub jew f'forma ta' dokumenti ppreżentati l-qorti.
Ma hemmx regoli stabbiliti li jirregolaw l-ghoti tax-xiehda minn xhieda esperti. Il-parti li tippreżenta l-provi għandha tiddeċiedi jekk ix-xhud espert għandux jagħtu x-xiehda tiegħu personalment jew bil-miktub.
Ma hemmx regola ġenerali li tindika li hemm ċertu tip ta' xhud li huwa aħjar minn jew iktar kredibbli minn ieħor jew aktar konvinċenti minn tipi oħra ta' provi. Il-provi kollha ppreżentati matul il-proċess jiġu evalwati mill-qorti fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.
Le, ma hemmx regoli dwar dan.
Jekk it-taħrika tiġi nnotifikata lil persuna sabiex hija tidher u tixhed il-qorti, hija għandha obbligu bil-liġi li tagħmel dan. In-nuqqas jew rifjut li tagħmel dan jikkostitwixxi disprezz lejn il-qorti u hemm piena għalih.
Ix-xhieda ma jistgħux jirrifjutaw li jixhdu. Madanakollu, ix-xhieda jistgħu, f'każijiet eċċezzjonali, jirrifjutaw li jwieġbu għal ċerti domandi jew ma jippreżentawx ċerti dokumenti minħabba raġunijiet ta' privileġġ, pereżempju minħabba s-sigriet professjonali.
Ara t-tweġiba għas-sottoparagrafu (a) msemmi hawn fuq.
Kulħadd huwa kompetenti biex jixhed fil-proċedimenti ċivili sakemm il-qorti ma tiddeċidix li, minħabba l-età żgħira, diżabbiltà mentali jew kawżi oħra simili, persuna mhix kapaċi tapprezza l-obbligu tagħha biex tgħid il-verità, jew tifhem id-domandi li jsirulha, jew tagħti tweġiba razzjonali għal dawn id-domandi (skont l-Artikolu 13 tal-Att dwar il-Provi).
Xhud jiġi eżaminat waqt l-eżami prinċipali mill-parti li sejjħitlu biex jixhed. Wara li tkun lest l-eżami prinċipali, isir il-kontro eżami tax-xhud mill-parti l-oħra. Fl-aħħar, il-qorti tista' tagħmel xi mistoqsijiet fejn ikun hemm bżonn aktar kjarifiki dwar ċerti kwistjonijiet.
Xhud jista' jagħti x-xiehda tiegħu permezz tat-telekonferenza jew mezzi tekniċi oħra jekk il-preżenza fiżika tiegħu quddiem il-qorti tkun impossibbli, sakemm ikun possibbli għall-qorti li tipprovdi dawn il-faċilitajiet tekniċi. Kull kundizzjoni speċifika mitluba tiddependi miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ preżenti.
Kull prova li tinġieb b'mod illegali, bi ksur ta' drittijiet imħarsa mill-Kostituzzjoni, tiġi eskluża mill-proċedimenti tal-qorti, u l-qorti ma tistax tibbaża ruħha fuq dawk il-provi. Eżempju tipiku ta' dan hija r-reġistrazzjoni illegali ta' konversazzjoni personali.
Dikjarazzjoni minn persuna li tkun parti fil-kawża tgħodd bħala prova. Il-fatt li din id-dikjarazzjoni saret minn persuna li għandha interess dirett fl-eżitu tal-kawża hija biss waħda minn numru ta' fatti li jitqiesu mill-qorti fl-evalwazzjoni jew l-eżami tal-provi kollha.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.