Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Smigħ ta' xhieda

Ġibiltà
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

B'mod ġenerali, l-oneru tal-prova ta' fatt li jkun ikkontestat jinkombi fuq il-parti li tiddikjara dak il-fatt bħala parti mill-każ tagħha. Għalhekk l-attur għandu l-oneru li jipprova l-fatti li jkunu meħtieġa biex tiġi stabbilita l-pretensjoni, filwaqt li l-konvenut ġeneralment jerfa’ r-responsabbiltà li jipprova r-risposti għat-talba.

Jekk dubji dwar fatt ma jistgħux jiġu solvuti, il-parti li għandha l-oneru li tipprova l-fatt ma tkunx issodisfat l-oneru tal-prova, u l-qorti tiddeċiedi li l-fatt mhuwiex ippruvat. Madankollu, l-imħallef għandu d-dmir li jsolvi kwistjonijiet fattwali importanti u għandu jiddeċiedi li l-oneru ma jkunx ġie ssodisfat f'każijiet eċċezzjonali biss.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Ma hemmx bżonn li jingħataw provi ta’ fatti li jkunu ammessi. L-imħallfin jistgħu jibbażaw ruħhom ukoll fuq l-għarfien ġenerali tagħhom tal-ħajja biex jieħdu “konjizzjoni ġudizzjarja” (judicial notice) ta’ fatti li jkunu magħrufa sew jew stabbiliti biċ-ċar, u għalhekk ma jkunx hemm bżonn ta’ evidenza tat-tali fatti.

Il-liġi tagħmel għadd ta’ preżunzjonijiet li jistgħu jiġu kkonfutati b’evidenza kuntrarja. Dawn jinkludu preżunzjonijiet fir-rigward tal-leġittimità tat-tfal, il-validità taż-żwiġijiet, is-saħħa mentali ta’ individwi, u l-mewt ta’ persuni li għebu. L-innoċenza ta’ reat hija preżunta, iżda kundanna kriminali hija ammissibbli fi proċedimenti ċivili bħala evidenza li parti wettqet reat (u tfisser li l-parti jkollha l-oneru tal-prova tal-innoċenza).

Ikun hemm preżunzjoni ta’ negliġenza meta attur jipprova li hu jkun sofra dannu minn sors li kien taħt il-kontroll esklussiv tal-konvenut, u li l-inċident kien tat-tip li normalment jirriżulta minn negliġenza. Preżunzjoni simili tinħoloq meta persuna tkun ġiet fdata b’oġġetti li jkunu ntilfu jew inqerdu.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

L-istandard tal-provi f’każijiet ċivili huwa l-“bilanċ tal-probabbiltajiet”. Fi kliem ieħor, il-qorti tiddeċiedi li fatt ġie stabbilit jekk tkun sodisfatta li l-fatt ikun aktar probabbli li seħħ milli le. Dan l-istandard jopera b’mod flessibbli: hija meħtieġa evidenza aktar konvinċenti biex jiġu stabbiliti allegazzjonijiet serji, bħal frodi, fil-bilanċ tal-probabbiltajiet, billi huwa ġeneralment meqjus li tali allegazzjonijiet x’aktarx ma jkunux veritieri.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

L-evidenza tinkiseb fil-proċedimenti ċivili permezz tad-divulgazzjoni ta’ dokumenti rilevanti mill-partijiet, u t-testimonjanza ta’ xhieda u esperti.

F’kull każ japplikaw regoli differenti.

  • Id-divulgazzjoni

Il-partijiet fil-proċedimenti ċivili huma meħtieġa jiddivulgaw l-eżistenza ta’ dokumenti fil-kontroll jew fil-pussess tagħhom, sal-punt li l-qorti tordna li jagħmlu hekk, u jippermettu lill-partijiet l-oħra jispezzjonaw dawk id-dokumenti. Il-qorti normalment tordna “divulgazzjoni standard” li tirrikjedi li l-partijiet jagħmlu tiftixa raġonevoli għal dokumenti li jew jappoġġaw jew jaffettwaw b’mod negattiv il-każ ta’ xi parti, mingħajr il-ħtieġa li l-partijiet jippreżentaw rikors lill-qorti. Għal kull tip ieħor ta’ divulgazzjoni, parti jeħtiġilha tapplika għal permess mill-qorti. Il-qorti tista’ wkoll tagħmel ordnijiet għall-preżervazzjoni tal-evidenza u l-proprjetà.

  • Xhieda tal-fatt

Il-partijiet ma għandhomx bżonn il-permess tal-qorti biex iressqu xhieda biex jixhdu b’appoġġ għall-kawżi tagħhom. Madankollu, parti li tixtieq isserraħ fuq l-evidenza ta’ xhud trid tinnotifika dikjarazzjoni ta’ xhieda ffirmata mix-xhud li jkun fiha l-evidenza tax-xhud, u trid issejjaħ lix-xhud sabiex jixhed bil-fomm fil-proċess. Jekk il-parti ma tipprovdix dikjarazzjoni jew sommarju ta’ xhud qabel il-kawża, il-parti ma tistax issejjaħ lil dak ix-xhud mingħajr il-permess tal-qorti. Barra minn hekk, il-qorti għandha setgħat estensivi biex tikkontrolla l-evidenza li tiġi ammessa u tista’ teskludi evidenza li normalment tkun ammissibbli jew tillimita l-kontroeżami tax-xhieda.

Parti tista’ titlob ukoll ordni mill-qorti biex din tippermetti lil xhud jagħti l-evidenza f’dikjarazzjoni ġuramentata meħuda minn eżaminatur maħtur mill-qorti qabel is-smigħ tal-kawża.

Ir-rwol tal-imħallef huwa essenzjalment li jevalwa l-evidenza ppreżentata mill-partijiet, u ma jinkludix funzjoni indipendenti ta' tfittxija ta' fatti.

  • Xhieda esperti

Parti ma tistax isserraħ fuq evidenza tal-esperti sakemm il-qorti ma tagħtix permess. Il-qorti tista’ tikkontrolla l-kwistjonijiet li fuqhom għandha tingħata l-evidenza esperta, il-forma li fiha tingħata l-evidenza, u t-tariffi pagabbli lill-espert.

Meta aktar minn parti waħda tkun tixtieq tippreżenta evidenza esperta dwar kwistjoni, il-qorti tista’ tordna li l-evidenza tingħata minn espert wieħed li jingħata struzzjonijiet b’mod konġunt mill-partijiet, pjuttost milli minn esperti separati li jingħataw struzzjonijiet minn kull parti. Il-qorti tista’ tordna dan fuq l-inizjattiva tagħha stess, mingħajr il-qbil tal-partijiet.

Il-qorti ma titlobx lill-partijiet jagħtu evidenza esperta fuq l-inizjattiva tagħha stess. Madankollu, il-qorti tista’ taħtar hija stess espert bħala perit tal-qorti (“assessor”) biex jassisti lill-qorti fir-rigward ta’ kwistjoni. Il-qorti tista’ tordna lill-perit tal-qorti iħejji perizja (li kopji tiegħu jridu jiġu pprovduti lill-partijiet) u jattendi l-proċess biex jagħti pariri lill-qorti.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

  • Id-divulgazzjoni

Wara ordni ta’ divulgazzjoni, kull parti jeħtiġilha tinnotifika lill-partijiet l-oħra b’lista tad-dokumenti rilevanti li huma, jew li kienu, fil-pussess jew fil-kontroll tagħha. Il-partijiet l-oħra mbagħad ikunu intitolati jispezzjonaw u jkollhom kopji tad-dokumenti. Jistgħu jsiru ħlasijiet għall-ikkopjar.

  • Xhieda tal-fatt

Il-qorti għandha tordna lill-partijiet biex, qabel il-kawża, jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ xhieda ffirmati minn kull xhud li jkunu beħsiebhom iserrħu fuqu. Id-dikjarazzjoni tista’ tiġi abbozzata mix-xhud, iżda ta’ spiss titħejja mill-avukat tal-parti li x-xhud ikun qed jixhed f’isimha. Id-dikjarazzjoni għandha tistabbilixxi l-evidenza kollha tax-xhud, fi kliem ix-xhud, jekk dan ikun possibbli.

Jekk parti tkun ġiet ordnata tippreżenta dikjarazzjoni ta’ xhud mingħand xhud iżda ma tkunx tista’ tiksibha, il-parti tista’ titlob il-permess tal-qorti sabiex tipprovdi sommarju tax-xhieda, li jistabbilixxi l-evidenza li x-xhud ikun mistenni jagħti jew fuq il-kwistjonijiet li l-parti jkollha l-intenzjoni li tagħmel mistoqsijiet lix-xhud dwarhom.

Jekk il-qorti tordna li evidenza ta’ xhud għandha tiġi kkumpilata f’depożizzjoni, ix-xhud jixhed oralment quddiem eżaminatur maħtur mill-qorti. L-eżami jsir bħallikieku kien proċess, b’opportunità sħiħa li jsir kontroeżami tax-xhud u tiġi prodotta traskrizzjoni tal-evidenza.

  • Xhieda esperti

Jekk il-qorti tagħti permess għal evidenza esperta, il-partijiet jippreparaw istruzzjonijiet lill-espert(i). Meta jkun hemm espert konġunt, il-partijiet jistgħu jagħtu struzzjonijiet lill-espert b’mod separat jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil dwar l-istruzzjonijiet. L-espert, li d-dmir prevalenti tiegħu huwa lejn il-qorti u mhux lejn il-parti jew il-partijiet li jagħtu l-istruzzjonijiet, għandu jħejji rapport bil-miktub. Parti tista’ mbagħad tagħmel mistoqsijiet bil-miktub lil espert li ngħata struzzjonijiet b’mod konġunt jew minn parti oħra. Meta jkun hemm esperti separati, il-qorti tista’ wkoll tordna li għandu jkun hemm diskussjonijiet bejn l-esperti biex jiġu identifikati oqsma ta’ ftehim u ta’ nuqqas ta’ qbil. Ix-xhieda esperti huma intitolati li jitħallsu għas-servizzi tagħhom, normalment mill-parti jew mill-partijiet li jagħtuhom l-istruzzjonijiet.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Kull meta l-partijiet jressqu rikorsi għal ordnijiet biex ikunu jistgħu jiksbu jew iressqu evidenza, il-qorti għandha tkun sodisfatta li l-evidenza inkwistjoni x’aktarx tkun rilevanti u ammissibbli. Meta tikkunsidra kif teżerċita s-setgħat tagħha, il-qorti jeħtiġilha tfittex ukoll li tittratta l-każijiet b’mod ġust, li jinkludi l-iffrankar ta’ spejjeż u li tittratta l-każijiet b’mod ġust, veloċi u proporzjonat għall-importanza, il-kumplessità u l-valur tat-talba. Dawn il-konsiderazzjonijiet jistgħu jwasslu lill-qorti biex tirrifjuta rikorsi jew biex tagħmel ordnijiet fuq inizjattiva tagħha stess (eż. dwar il-ħtieġa ta’ espert konġunt wieħed pjuttost milli esperti separati maħtura minn kull parti).

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-fatti jistgħu jintwerew bil-provi permezz ta’ evidenza, ta’ preżunzjonijiet u ta’ inferenzi li jirriżultaw mill-evidenza, u mill-qorti li tieħu nota ġudizzjarja ta’ ċerti fatti magħrufa (ara iktar ’il fuq). It-tipi ta’ evidenza li wieħed jista’ jserraħ fuqhom fi proċedimenti ċivili huma t-testimonjanza tax-xhieda, dokumenti u evidenza reali. Id-dokumenti jistgħu jinkludu dokumenti fuq karti, rekords tal-kompjuter, ritratti, u vidjoreġistrazzjonijiet u awdjoreġistrazzjonijiet. L-evidenza reali tikkonsisti f’oġġetti materjali oħra rilevanti għall-kwistjonijiet li qed jiġu diskussi li jiġu ppreżentati lill-qorti, bħall-prodotti li jiffurmaw is-suġġett ta’ tilwima dwar il-proprjetà intellettwali. Din tista’ tinkludi wkoll imħallef li jagħmel aċċess fuq il-post ta’ inċident.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Fil-prinċipju, ix-xhieda ta’ fatt jixhdu bil-fomm waqt il-proċess. Madankollu, kif intqal hawn fuq, kull parti tkun mitluba tippreżenta dikjarazzjoni ta’ xhud għal kull xhud li l-parti jkun biħsiebha sserraħ fuqu għall-evidenza. Fil-proċess, ix-xhud jintalab jikkonferma l-verità u l-preċiżjoni tad-dikjarazzjoni tiegħu, li mbagħad tkun l-evidenza tax-xhud għall-parti li sejħitlu. Meta jkun ġie notifikat sommarju tax-xhieda biss, ix-xhud ikollu jagħti evidenza orali aktar dettaljata.

Ix-xhieda esperti jixhdu fir-rapporti miktubin sakemm il-qorti ma tordnax xi mod ieħor. Perizja trid tistabbilixxi l-konklużjonijiet, il-fatti u s-suppożizzjonijiet li tkun ibbażata fuqhom, u s-sustanza tal-istruzzjonijiet tal-espert. Il-qorti tiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn ukoll li espert jattendi l-proċess biex jixhed oralment. Perit (assessor) maħtur mill-qorti ma jkunx meħtieġ jagħti evidenza orali.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-qorti għandha diskrezzjoni estensiva rigward l-importanza jew il-kredibbiltà li għandha tingħata lil kwalunkwe biċċa evidenza. Ma hemm l-ebda regola kontra l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni magħmula barra l-qorti bħala evidenza tal-fatti f’dik id-dikjarazzjoni (“xhieda fuq kliem ħaddieħor”), għalhekk parti tista’ tiddependi fuq ittra bħala evidenza tal-kontenut tagħha, jew fuq rapport ta’ xhud ta’ dikjarazzjoni magħmula minn persuna oħra. Madankollu, xhieda fuq kliem ħaddieħor ta’ spiss tkun inqas kredibbli minn xhieda diretta, b’mod partikolari jekk min jagħmel id-dikjarazzjoni seta’ jissejjaħ biex jixhed hu stess.

Ċerti dokumenti u rekords jiġu aċċettati bħala awtentiċi. Pereżempju, ir-rekords ta’ negozji u awtoritajiet pubbliċi huma aċċettati bħala awtentiċi jekk iċċertifikati bħala tali minn uffiċjal tan-negozju jew tal-awtorità pubblika. U diversi tipi ta' dokumenti uffiċjali (bħal leġiżlazzjoni, digrieti, ordnijiet, trattati u rekords tal-qorti) jistgħu jiġu pprovati b'kopji stampati jew ċertifikati mingħajr ebda prova oħra.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Ċerti tranżazzjonijiet (pereżempju testmenti u bejgħ ta’ art) iridu jsiru bil-miktub, u għalhekk ikun meħtieġ li tingħata prova dokumentarja.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

B’mod ġenerali, fi proċedimenti ċivili, ix-xhieda li jkunu kompetenti biex jixhdu jistgħu jiġu mġiegħla. Parti li tixtieq tiggarantixxi l-attendenza ta’ xhud fi proċess tħejji taħrika tax-xhud li teħtieġ li x-xhud jitla’ l-qorti biex jixhed. Ladarba tinħareġ mill-qorti u tiġi nnotifikata kif xieraq, it-taħrika torbot lix-xhud sa tmiem is-seduta.

Jekk il-qorti tordna li l-evidenza tax-xhud ikollha tittieħed fi stqarrija iżda x-xhud ma jattendix jew jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet legali, il-parti li teħtieġ l-istqarrija tista’ tagħmel talba għal ordni ulterjuri biex ix-xhud jattendi jew iwieġeb il-mistoqsijiet.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Ir-regola ġenerali li x-xhieda kompetenti jistgħu jiġu mġiegħla jixhdu ma tapplikax għar-Reġina, għal sovrani barranin u għall-familji tagħhom, għal aġenti diplomatiċi barranin u għal uffiċjali konsulari, għal rappreżentanti ta’ ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali u għal imħallfin u ġurati (b’rabta mal-attivitajiet tagħhom f’dawk il-kapaċitajiet). Konjuġi u qraba tal-partijiet jistgħu jiġu mġiegħla jixhdu fi proċedimenti ċivili.

Ix-xhieda li ġeneralment jistgħu jkunu meħtieġa jixhdu xorta waħda jkunu intitolati li jipprevjenu ċerti dokumenti milli jiġu spezzjonati u jirrifjutaw li jwieġbu ċerti mistoqsijiet fuq il-bażi ta’ privileġġ. It-tipi ewlenin ta' privileġġ huma privileġġ professjonali legali (li japplika għall-komunikazzjonijiet li jsiru għall-iskop li jingħata jew jintalab parir legali, jew sabiex tinkiseb evidenza għal-litigazzjoni), il-privileġġ “mingħajr preġudizzju” (li japplika għall-komunikazzjonijiet bejn il-partijiet li jsiru f’tentattiv ġenwin biex tiġi kompromessa t-tilwima, bħal offerti biex tiġi riżolta pretensjoni), u l-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni (li jfisser li xhud jista' ma jkunx meħtieġ li jagħti evidenza jekk ikun hemm periklu reali li din tesponi lix-xhud jew lill-konjuġi tax-xhud għal akkuża kriminali jew piena f'Ġibiltà). Il-privileġġ jista' jiġi rinunzjat.

L-evidenza tista’ titrażżan ukoll abbażi ta’ immunità għall-interess pubbliku jekk il-produzzjoni tagħha tmur kontra l-interess pubbliku. L-evidenza li tista’ tkun koperta mill-immunità tinkludi evidenza relatata mas-sigurtà nazzjonali, ma’ relazzjonijiet diplomatiċi, mal-ħidma tal-gvern ċentrali, mal-benesseri tat-tfal, mal-investigazzjoni ta’ reat u mal-protezzjoni ta’ kollaboraturi. Barra minn hekk, il-ġurnalisti mhumiex meħtieġa jiddivulgaw is-sorsi tagħhom sakemm id-divulgazzjoni ma tkunx neċessarja fl-interessi tal-ġustizzja jew tas-sigurtà nazzjonali jew għall-prevenzjoni ta’ disturb jew ta’ reat.

L-uffiċjali tal-Bank ma jistgħux jiġu mġiegħla jipproduċu kotba bankarji jew jagħtu evidenza tal-kontenut tagħhom sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali biex il-qorti tordna li dan isir, iżda l-qorti tista’ tordna li persuna titħalla tispezzjona jew tikkopja l-entrati tal-kont tal-bank.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhud li, wara li jkun ġie notifikat b'taħrika tax-xhieda, ma jattendix il-qorti jew jirrifjuta li jixhed jista' jiġi arrestat għal disprezz tal-qorti u jintbagħat il-ħabs.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

L-adulti kollha għandhom il-kompetenza li jixhdu fi proċedimenti ċivili ħlief jekk ma jkunux kapaċi jifhmu n-natura tal-ġurament li x-xhieda għandhom jieħdu jew ma jkunux kapaċi jagħtu xhieda razzjonali, pereżempju minħabba mard mentali. Meta xhud li jkun minuri ma jifhimx in-natura tal-ġurament, l-evidenza tiegħu xorta tista’ tiġi aċċettata, iżda biss jekk il-qorti tkun sodisfatta li l-minuri jifhem id-dmir li jgħid il-verità u “jifhem biżżejjed b’mod li dan jiġġustifika li tinstema’ x-xhieda tiegħu”.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Ir-rwol tal-imħallef u tal-partijiet

Tradizzjonalment, ix-xhieda kienu jixhdu taħt eżami (evidence-in-chief) fil-proċess bi tweġiba għall-mistoqsijiet indiretti magħmula minn avukat għall-parti li tkun ħarrkithom. Madankollu, dikjarazzjoni tax-xhud issa tgħodd bħala xhieda taħt eżami (evidence-in-chief) sakemm il-qorti ma tordnax mod ieħor. Ix-xhud jista’ mbagħad jsirlu kontroeżami minn konsulent legali tal-kontroparti, li jista’ jistaqsi mistoqsijiet diretti lix-xhud. Ix-xhieda esperti li jixhdu oralment fil-proċess jista’ wkoll isirilhom kontroeżami, iżda perit (assessor) maħtur mill-qorti ma jistax isirlu kontroeżami mill-partijiet. L-imħallef jista’ jagħmel mistoqsijiet lix-xhieda, normalment biex jikseb kjarifika tat-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-avukat.

Evidenza permezz ta’ vidjokonnessjoni

L-evidenza tista’ tiġi pprovduta b’vidjokonnessjoni biss jekk il-qorti tagħti l-permess. Meta tkun qed tikkunsidra jekk għandhiex tagħmel ordni li jippermetti li tingħata l-evidenza b'dan il-mod, il-qorti tqis il-konvenjenza tal-użu tal-vidjokonferenzi (b'mod partikolari jekk xhud ikun marid jew barra mill-pajjiż), l-ispejjeż jew l-iffrankar assoċjati mal-użu ta' vidjokonnessjoni, u l-implikazzjonijiet għall-ġustizzja tal-proċedimenti (inkluż il-grad aktar limitat li bih il-qorti tista' tikkontrolla u tivvaluta x-xhud).

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Jekk il-komunikazzjonijiet mibgħuta permezz tal-posta jew ta’ sistema ta’ telekomunikazzjoni (li tinkludi telefonati, faxes u e-mails) jiġu interċettati b’mod illegali, ma tistax tingħata evidenza tal-kontenut ta’ dawk il-komunikazzjonijiet fi proċeduri legali. F’każijiet oħrajn, l-evidenza tkun ġeneralment ammissibbli anke jekk ma tkunx inkisbet b’mod xieraq. Madankollu, il-qorti għandha s-setgħa li teskludi evidenza illi kieku tkun ammissibbli. Fid-deċiżjoni dwar kif wieħed jipproċedi, tibbilanċja l-importanza tal-evidenza kontra l-gravità tal-kondotta mhux xierqa. Jekk iċ-ċirkostanzi ma jiġġustifikawx l-esklużjoni tal-evidenza, il-qorti tista’ tippenalizza lill-parti li tkun aġixxiet b’mod mhux xieraq b’modi oħra, pereżempju billi tordnalha tħallas l-ispejjeż.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Id-dikjarazzjonijiet tal-każ (jiġifieri d-dokumenti formali li jistabbilixxu l-każ ta’ kull parti) jistgħu jintużaw bħala evidenza f’seduti interim, iżda mhumiex se jservu ta’ evidenza fil-proċess.

Dikjarazzjonijiet tax-xhieda mogħtija mill-partijiet fil-proċedimenti huma ammissibbli bħala evidenza daqs dikjarazzjonijiet mogħtija minn entitajiet li ma jkunux partijiet.

L-aħħar aġġornament: 09/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.