Smigħ ta' xhieda

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Fi kwistjonijiet ta’ prova, il-liġi Griega ssegwi l-prinċipju tal-prosekuzzjoni tal-parti (archí tis diáthesis). Dan ifisser li l-qorti taġixxi biss fuq ir-rikors ta’ parti u tiddeċiedi fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet fattwali li jsiru u jintwerew mill-partijiet u tar-rikorsi li jippreżentaw. Il-passi proċedurali jittieħdu wara r-rikors ta’ parti, sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor. Kull parti tkun meħtieġa turi biss il-fatti li jkollhom importanza għall-ġudizzju tal-kawża u li jkunu neċessarji biex isostnu t-talba jew il-kontrotalba indipendenti tagħha. Rikors li ma jkunx sostnut bil-provi jiġi miċħud.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Meta l-liġi tkun teħtieġ prova dwar l-eżistenza ta’ fatt, kontroprova tkun awtorizzata sakemm ma jkunx hemm regola li tgħid bil-kontra. Fatti li tant ikunu magħrufa sew li ma jkun hemm ebda dubju raġonevoli li huma veri, jew li jkunu magħrufa mill-qorti minħabba proċedimenti ġudizzjarji oħra, jiġu kkunsidrati b’mod awtomatiku, u m’hemmx bżonn li jingħataw provi tagħhom. Il-qorti tieħu f’kunsiderazzjoni b’mod awtomatiku t-tagħlimiet mill-esperjenza komuni, bla ma tkun teħtieġ prova. Bl-istess mod, il-qorti tieħu nota tal-liġijiet, tad-drawwiet u tal-użanzi f’pajjiżi oħra fuq inizjattiva tagħha stess, għad li jaf tkun teħtieġ prova jekk ma tkunx midħla tagħhom.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-qorti tiġġudika l-provi liberament u tiddeċiedi fid-diskrezzjoni tagħha stess jekk id-dikjarazzjonijiet li jsiru humiex veri. Fid-deċiżjoni tagħha din tistabbilixxi r-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi b’ċertu mod. Meta l-liġi tistabbilixxi li l-kawża tista’ tiġi ddeterminata fuq il-bilanċ tal-probabbiltajiet biss, eż. f’rikors għal miżuri provviżorji (asfalistiká métra), il-qorti ma hijiex obbligata tapplika r-regoli li jirregolaw il-kumpilazzjoni ta’ xhieda, il-forom ammissibbli ta’ provi u l-forza tal-provi li jistgħu jitressqu, iżda tista’ tieħu f’kunsiderazzjoni kwalunkwe ħaġa li hi tqis li tkun xierqa biex tasal għal opinjoni rigward il-fatti.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-prinċipju bażiku hu li l-provi jiġu proposti u pprovduti mill-partijiet. Madankollu, il-qorti tista’ tordna ex ufficiol-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe prova awtorizzata bil-liġi, anke jekk ma tkunx tressqet minn parti.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Wara l-kumpilazzjoni tax-xhieda, il-qorti tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża, sakemm ma ssibx li l-provi kienu insuffiċjenti, f’liema każ tista’ tordna l-preżentazzjoni ta’ provi addizzjonali ġodda.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Jekk hija ssib li l-provi eżistenti huma suffiċjenti jew jekk il-parti ma rnexxilhiex tippreżenta l-provi sal-iskadenza legali.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-provi, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Kódika Politikís Dikonomías) jinkludu ammissjonijiet, spezzjonijiet, perizji, provi dokumentarji, is-smigħ tal-partijiet, id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda, preżunzjonijiet ta’ fatti u affidavits.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Il-periti (pragmatognómones) jassistu lill-qorti billi jagħtu opinjoni dwar mistoqsijiet li jsirulhom mill-qorti. Jekk ikun hemm bżonn, il-qorti teħtieġ li l-periti jkunu preżenti meta jitwettqu l-passi ġudizzjarji kollha jew uħud minnhom. Kull qorti żżomm lista ta’ periti. Ordnijiet maħruġa fuq proposta mill-Ministru għall-Ġustizzja jistabbilixxu kif jitfasslu u jinżammu l-listi. Il-qorti li tisma’ l-kawża tagħti lill-periti l-istruzzjonijiet neċessarji dwar kif għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom, u tistabbilixxi b’mod partikolari

  1. jekk hi tqisx li hemm bżonn li dawn ikunu preżenti fi kwalunkwe stadju fil-proċedimenti ġudizzjarji, u
  2. jekk il-perizja għandhiex tingħata fil-qorti jew titfassal mill-periti waħedhom.

Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor mill-qorti li tisma’ l-kawża, l-istess setgħat jistgħu jiġu eżerċitati minn qorti oħra li taġixxi fuq talba jew fuq referenza biex tieħu xi pass ġudizzjarju b’rabta mal-perizja, jew minn imħallef delegat (entetalménos dikastís). Jekk tiġi ordnata perizja, il-qorti tistabbilixxi terminu perentorju sa meta l-periti jridu jagħtu l-perizja tagħhom. L-imħallef jew, fil-każ ta’ diversi mħallfin, il-President tal-qorti, jista’ jestendi t-terminu perentorju fuq talba tal-periti u mingħajr ma l-partijiet ikunu ġew imħarrka qabel, jekk il-periti jqisu li ż-żmien permess ma jkunx adegwat għat-tħejjija tal-perizja. Jekk ikun hemm aktar minn perit wieħed, dawn iwettqu l-azzjonijiet meħtieġa kollha għat-tħejjija tal-perizja u jiktbu l-perizja tagħhom flimkien. Dawn jiltaqgħu wara l-istedina ta’ xi wieħed minnhom. Perizja bil-miktub trid tiddikjara l-azzjonijiet li huma wettqu u tagħti l-fehmiet ta’ kull wieħed minnhom, bir-raġunijiet, u trid tkun iffirmata minnhom. Jekk xi wieħed mill-periti ma jkunx preżenti meta tinkiteb il-perizja, jew jirrifjuta li jiffirmaha, dan jiġi ddikjarat fil-perizja. Il-periti jew persuna awtorizzata minnhom għal dan l-għan jippreżentaw il-perizja bil-miktub lir-reġistru tal-qorti li taħtarhom u l-fatt jiġi rreġistrat. Jekk il-perizja tiġi ppreżentata lir-reġistru ta’ qorti fuq talba jew fuq referenza mill-qorti tal-imħallef delegat, ir-rapport jingħadda minnufih lir-reġistru tal-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża. Il-qorti dejjem tivvaluta l-perizja tal-periti liberament.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Ammissjoni orali jew bil-miktub (omología) li ssir minn parti f’qorti jew quddiem l-imħallef delegat tikkostitwixxi prova sħiħa kontra l-persuna li tagħmilha; ammissjonijiet li jsiru barra mill-qorti, bħal kull prova oħra, jiġu vvalutati liberament.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Il-kuntratti u atti ta’ natura kollettiva ma jistgħux jiġu pprovati b’depożizzjoni tax-xhud jekk il-valur tat-tranżazzjoni jkun ogħla minn EUR 20 000, u d-depożizzjoni tax-xhud ma hijiex permessa kontra l-kontenut ta’ prova dokumentarja anke jekk il-valur tat-tranżazzjoni jkun anqas minn GRD 2 miljun jew EUR 20 000. Iżda d-depożizzjonijiet tax-xhieda xorta waħda jintlaqgħu fil-każijiet li ġejjin:

  1. meta jkun hemm prova bażika pprovduta minn dokument b’valur probatorju li jagħmilha tidher anqas probabbli li t-tranżazzjoni tabilħaqq twettqet (il-“bidu tal-prova bil-miktub”, archí éngrafis apódeixis);
  2. jew jekk ikun hemm raġuni fiżika jew morali għaliex id-dokument ma jistax jiġi prodott;
  3. jekk jintwera li dokument ġie fformulat iżda ntilef b’mod aċċidentali;
  4. jekk id-depożizzjonijiet tax-xhieda jkunu ġustifikati min-natura tat-tranżazzjoni jew mill-kundizzjonijiet speċjali li taħthom tkun saret, u speċjalment jekk ikunu jikkonċernaw negozjati kummerċjali.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Kull min jintalab jidher biex jiġi eżaminat bħala xhud irid jidher u jiddikjara l-fatti li jafhom. Jekk il-persuna tonqos milli tidher, mingħajr ġustifikazzjoni, il-qorti tordnalha tħallas l-ispejjeż ikkawżati mill-assenza tagħha, u tista’ timponi multa wkoll.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Il-persuni li ġejjin għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jiġu eżaminati bħala xhieda:

  1. membri tal-kleru, avukati, nutara, tobba, spiżjara, infirmiera, qwiebel, l-assistenti tagħhom, u l-avukat tal-parti, fir-rigward ta’ fatti li jsiru jafu bihom meta jipprattikaw il-professjoni tagħhom;
  2. il-persuni relatati mal-partijiet bid-demm, biż-żwieġ jew b’adozzjoni sat-tielet grad ta’ parentela, f’linja diretta jew f’linja kollaterali, sakemm ma jkunux relatati bl-istess mod mal-partijiet kollha, u konjuġi, eks konjuġi, u għarajjes li se jiżżewġu.

Barra minn hekk, xhud ma jkunx obbligat jixhed dwar

  1. fatti li jistgħu jwasslu għall-prosekuzzjoni ta’ reat imwettaq mix-xhud jew minn persuna li tiġi minnu skont it-tifsira tal-Artikolu 401(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jew li jistgħu jirriflettu fuq l-unur tax-xhud jew fuq l-unur ta’ persuna bħal din,
  2. fatti li jikkostitwixxu sigriet professjonali.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhud li jidher iżda li jirrifjuta li jixhed, anke meta jkun meħtieġ jagħmel dan, jista’ jiġi ordnat iħallas multa mill-qorti.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu eżaminati bħala xhieda:

  1. qassisin, fir-rigward ta’ kull ħaġa li jsiru jafu biha matul is-sigriet tal-qrar;
  2. persuni li, fiż-żmien tal-avvenimenti inkwistjoni, ma kellhomx il-kapaċità mentali li jifhmuhom jew ma humiex kapaċi jikkomunikaw dak li jipperċepixxu;
  3. persuni li, fiż-żmien tal-avvenimenti inkwistjoni, kienu fi stat ta’ disturb mentali li effettivament illimita t-tħaddim tal-ġudizzju u r-rieda tagħhom jew li jinsabu f’dak l-istat meta jkunu se jiġu eżaminati;
  4. avukati, nutara, tobba, spiżjara, infirmiera, qwiebel, l-assistenti tagħhom, u l-avukat tal-parti, fir-rigward ta’ fatti li ntqalu lilhom b’mod kunfidenzjali jew li saru jafu bihom matul it-twettiq tal-professjoni tagħhom li għalihom għandhom dmir ta’ kunfidenzjalità, ħlief jekk il-persuna li tkun fetħet qalbha magħhom li fil-konfront tagħha jkollhom id-dmir tal-kunfidenzjalità tippermettilhom jixhdu;
  5. uffiċjali pubbliċi u persunal li jservi fil-militar fir-rigward ta’ fatti li għalihom għandhom dmir ta’ kunfidenzjalità, ħlief jekk il-ministru responsabbli jippermettilhom li jiġu eżaminati;
  6. persuni li jista’ jkollhom interess fl-eżitu tal-kawża.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Qabel ma jiġi eżaminat, xhud irid jieħu l-ġurament (billi jaħlef ħalfa reliġjuża jew billi jagħmel affermazzjoni). Ix-xhieda jiġu eżaminati b’mod separat u biss jekk jitqies li jkun essenzjali li dawn jiġu kkonfrontati ma’ xhieda oħra jew mal-partijiet. Ix-xhieda jagħtu d-depożizzjoni tagħhom oralment. Ix-xhieda jridu jiddikjaraw kif id-depożizzjoni li jkunu qed jagħtu saru jafu biha, u fil-każ ta’ xhieda fuq kliem ħaddieħor, dawn iridu jiddikjaraw min hi l-persuna li wasslitilhom l-informazzjoni. Il-qorti tista’ tipprojbixxi mistoqsijiet li jsiru lil xhieda minn partijiet jew mill-avukat tagħhom jekk ikun ċar li jkunu inutli jew irrilevanti, u tiddikjara l-eżami ta’ xhud bħala mitmum meta hi tqis li jkun iddikjara dak kollu li jaf dwar il-fatti li jridu jiġu pprovati. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li għandha ssir vidjokonferenza f’każ speċifiku, ex ufficio jew fuq rikors minn parti. Il-qorti tiddeċiedi jekk taċċettax rikors bħal dan wara li tistabbilixxi jekk l-użu tat-teknoloġija huwiex neċessarju għat-tmexxija effettiva tal-proċedimenti. B’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-qorti tista’ tilqa’ rikors għal vidjokonferenza filwaqt li teżiġi garanziji addizzjonali għat-tmexxija xierqa tal-proċedimenti. L-imħallef, ir-reġistrar u l-persuni l-oħra li jieħdu sehem fil-vidjokonferenza jridu jkunu preżenti fil-kmamar rispettivi qabel il-ħin skedat tal-konnessjoni. Il-qorti tikkunsidra fuq bażi ta’ każ b’każ jekk għandux ikun hemm imħallef involut fil-post remot. It-tagħmir jiġi mmaniġġjat mill-imħallef jew minn persunal awtorizzat tal-qorti. Fil-każ ta’ awtorità konsulari, it-tagħmir jiġi mmaniġġjat minn persuna awtorizzata mill-kap tad-delegazzjoni. Smigħ b’vidjokonferenza jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili li jirregolaw il-pass ġudizzjarju kkonċernat. L-imħallef jiddetermina n-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu preżenti fil-kmamar. Huwa jmexxi s-seduta u jipprovdi l-gwida neċessarja lill-persuni li jkunu preżenti fiż-żewġ postijiet. Kull membru tal-qorti jew parteċipant fil-proċess huwa intitolat, bil-permess tal-imħallef li jmexxi s-seduta, li jagħmel mistoqsijiet lill-partijiet, lix-xhieda u lill-periti preżenti. Biex tiġi stabbilita l-identità tal-persuna fil-kamra remota, l-imħallef jiġi assistit mir-reġistratur jew minn persuna fil-post remot li tkun ġiet awtorizzata mill-avukat. L-imħallef li jmexxi s-seduta jiddeċiedi meta l-vidjokonferenza tkun waslet fi tmiemha. Is-smigħ tax-xhieda, tal-periti u tal-partijiet b’vidjokonferenza jitqies li jkun seħħ quddiem il-qorti u jkollu l-istess saħħa ta’ prova bħal seduta f’qorti miftuħa.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-qorti tista’ tikkunsidra provi legali biss. Il-kunċett ta’ provi “legali” (nómima endeiktiká mésa) jinkludi l-mezzi li bihom jinkisbu l-provi. Provi miksuba illegalment huma illegali, u ma jiġux ikkunsidrati.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva, l-eżami tal-partijiet jiġi aċċettat bħala prova.

4 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda speċifika awtoritajiet oħra li huma kompetenti li jiġbru l-provi għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali skont ir-Regolament? Jekk iva, dawn f’liema proċedimenti huma kompetenti li jiġbru l-provi? Jistgħu jitolbu biss il-ġbir tal-provi jew jassistu wkoll fil-ġbir tal-provi abbażi ta’ talba mingħand Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda.

Il-Greċja ma nnominat l-ebda awtorità oħra kompetenti biex tikkumpila x-xhieda fi proċedimenti ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali skont ir-Regolament.

L-aħħar aġġornament: 12/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.