

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Fil-liġi Lussemburgiża, il-prinċipju huwa li dak li jitlob l-eżekuzzjoni ta' obbligu jrid jippruvah. Min-naħa l-oħra, min isostni li jkun illiberat mill-obbligu, irid jipprova li sar il-ħlas jew sar il-fatt li temm l-obbligu tiegħu.
F'ċerti każijiet, il-liġi Lussemburgiża tipprevedi preżunzjonijiet li jilliberaw persuna milli jkollha tipprova affarijiet impossibbli jew li jkunu diffiċli li tistabbilihom. Il-preżunzjonijiet huma konsegwenzi li l-liġi jew l-imħallef joħorġu minn fatt magħruf dwar fatt mhux magħruf.
Il-liġi tiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta' preżunzjonijiet: Minn naħa, il-preżunzjoni legali li tkun marbuta ma' ċerti atti jew fatti minn liġi speċjali. Min-naħa l-oħra, il-preżunzjonijiet mhux stabbiliti mil-liġi, li jitħallew fid-diskrezzjoni tal-imħallef li jaċċetta biss preżunzjonijiet serji, preċiżi u konsistenti.
B'mod ġenerali, huwa possibbli li tinġab prova kuntrarja għall-preżunzjoni. Pereżempju, tifel imwieled fi żwieġ huwa preżunt li jkun bin ir-raġel t'ommu. Madankollu, tista' tinfetaħ kawża li tikkontesta l-paternità.
F'każijiet iktar rari, il-preżunzjonijiet huma irrifjutabbli. Dan ifisser li ma tistax tinġab prova kuntrarja.
L-apprezzament tal-fatti jitħalla fid-diskrezzjoni assoluta tal-imħallef. F'każ ta' dubju, l-imħallef jivverifika hemmx provi serji, preċiżi u konsistenti u jilqa' jew jiċħad il-provi skont kemm ikunu plawżibbli l-fatti allegati.
Il-ġbir tal-provi jista' jiġi ordnat minn imħallef fuq talba ta' parti minnhom. Madankollu, f’ċerti każijiet, l-imħallef jista' jiġbor provi fuq inizjattiva tiegħu stess.
L-imħallef jgħarraf lill-espert maħtur bin-natura tal-kompitu tiegħu. Il-partijiet għall-kawża u l-partijiet terzi li jridu jassistu l-investigazzjoni jitħarrku mill-espert. Skont il-prinċipju tal-kawżi ta' tilwim ix-xhieda tinstema' fil-preżenza tal-partijiet.
Il-ġbir tal-provi tista' tiġi ordnata kull meta mħallef ma jkollux biżżejjed informazzjoni biex jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuqha.
Il-ġbir tal-provi fir-rigward ta' fatt allegat jista' jiġi ordnat biss jekk il-parti li qed tallega ma jkollhiex biżżejjed evidenza biex tipprova l-allegazzjoni. Fl-ebda każ ma jista' jiġi ordnat il-ġbir tal-provi biex jikkumpensa għan-negliġenza tal-parti fil-ġbir tal-provi favuriha.
L-imħallef irid jillimita wkoll l-għażla ta' din il-miżura għal dak li jkun biżżejjed biex jaqta' l-kawża u jrid jagħżel l-eħfef u l-irħas soluzzjoni.
Il-mezzi differenti ta' provi huma l-prova dokumentata, ix-xhieda, il-preżunzjonijiet, l-ammissjoni u l-ġuramenti.
Meta x-xhieda tkun ammissibbli, l-imħallef jista' jirċievi dikjarazzjonijiet mingħand terzi li, minħabba l-għarfien personali tal-fatti kkonċernati, jistgħu jkunu jistgħu jiċċarawhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet isiru f'forma ta' stqarrijiet jew jinġabru permezz ta' inkjesta skont ikunux saru bil-miktub jew oralment.
L-imħallef jista' jistaqsi lil min irid biex jiċċaralu l-fatti permezz ta' stqarrija, konsultazzjoni, jew opinjoni esperta dwar kwistjoni ta' fatti li teħtieġ li tiġi ċċarata minn espert. Jekk l-opinjoni ma jkunx hemm bżonn li ssir bil-miktub, l-imħallef jista' jippermetti li xhieda esperti jagħtu l-opinjoni tagħhom oralment fis-seduta; imbagħad jitfassal procès-verbal li jiġi ffirmat mill-imħallef u mill-iskrivan tal-qorti
Provi bil-miktub:
Parti li qed tibbaża l-kawża tagħha fuq dokument trid tikkomunikah lil kull parti oħra minnufih. Il-komunikazzjoni ssir bi rċevuta jew b'depożitu fir-reġistru tal-qorti. Il-komunikazzjoni tad-dokumenti trid tkun spontanja.
Rapporti jew opinjonijiet tal-esperti bil-miktub:
L-esperti jiddepożitaw ir-rapport mar-reġistru tal-qorti. Anke jekk ikun hemm bosta esperti, ir-rapport ippreżentat ikun wieħed; f'każ ta' diverġenza, kull wieħed jindika l-opinjoni tiegħu. Jekk l-espert jitlob l-opinjoni ta' espert ieħor bi speċjalizzazzjoni differenti minn tiegħu, dik l-opinjoni tinhemeż, skont il-każ mal-procès-verbal tas-seduta jew mal-fajl.
Ċerti metodi ta' provi fihom iktar saħħa minn oħrajn:
Biex jiġi stabbilit att ġuridiku (kuntratt) fejn il-valur jaqbeż l-EUR 2500 hemm bżonn ta' prova bil-miktub. Min-naħa l-oħra, il-prova ta' fatt (inċident ...) tista' tieħu kwalunkwe forma.
Il-liġi tobbliga x-xhieda biex jikkooperaw fil-proċedimenti ġudizzjarji biex tinkixef il-verità.
Min ikollu raġuni valida jista' jiġi eżentat milli jixhed. Il-ġenituri u l-qraba fil-linja diretta ta' waħda mill-partijiet kif ukoll il-konjuġi tagħha, anke jekk iddivorzjati, jistgħu jirrifjutaw li jixhdu.
Xhieda li ma jidhrux jistgħu jitħarrku u jkollhom iġorru l-ispejjeż tat-taħrika jekk ix-xhieda tagħhom tkun neċessarja. Xhieda li ma jidhrux u min jirrifjuta li jixhed jew li jieħu l-ġurament mingħajr raġuni valida jista' jkun ikkundannat għal ammenda ċivili ta' minn EUR 50 sa EUR 2 500.
Min ikollu ġustifikazzjoni għaliex ma setax jidher fil-jum stipulat jista' titneħħielu l-ammenda u l-obbligu li jħallas l-ispejjeż tat-taħrika.
Kulħadd jista' jittella' bħala xhud ħlief min hu meqjus inkapaċi li jixhed.
Min ma jistax jixhed jista' madankollu jinstema' taħt l-istess kundizzjonijiet imma mingħajr ma jieħu l-ġurament. Madankollu, id-dixxendenti qatt ma jistgħu jixhdu dwar fatti invokati minn konjuġi f'kawża għal divorzju jew separazzjoni.
L-imħallef jisma' lix-xhieda separatament u fl-ordni li jagħżel hu fil-preżenza tal-partijiet jew wara li jkunu ssejħu l-partijiet. Ix-xhieda ma jistgħux jaqraw it-testimonjanza tagħhom.
L-imħallef jista' jisma' jew jinterroga lix-xhieda dwar il-fatti kollha meta l-prova tkun ammissibbli mil-liġi, anke jekk dawn il-fatti ma jkunux imsemmija fid-deċiżjoni li tiġi ordnata l-inkjesta. Huwa jista' jerġa' jisma' lix-xhieda, jikkonfrontahom ma' xulxin jew mal-partijiet u jekk ikun hemm bżonn, jisma' x-xhieda tagħhom fil-preżenza ta' espert tekniku.
Il-partijiet ma jistgħu la jinterrompu, la jinterpellaw, la jipprovaw jinfluwenzaw lix-xhieda waqt li jixhdu u lanqas jindirizzawhom direttament, bil-piena tal-esklużjoni. Wara l-interrogazzjoni, jekk iħoss li jkun hemm bżonn, l-imħallef jista' jistaqsi lix-xhieda mistoqsijiet li jkunu ssottomettewlu l-partijiet.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali huwa maħsub biex itejjeb, jissemplifika u jaċċellera l-kooperazzjoni bejn il-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri għall-ġbir u l-amministrazzjoni tal-provi. Fil-liġi Lussemburgiża ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna l-vidjokonferenzi. Dawn huma suġġetti għall-artikoli tal-Kodiċi l-ġdid tal-proċedura ċivili rigward is-smigħ tax-xhieda, il-verifika personali tal-imħallef u x-xhieda mogħtija personalment. Il-qrati huma attrezzati bit-tagħmir tekniku neċessarju. Fil-jum stipulat għall-vidjokonferenza jkun hemm preżenti mħallef, uffiċjal tar-reġistru, interpretu u espert.
L-imħallef jista' jordna l-awdjoreġistrazzjoni jew il-vidjoreġistrazzjoni tal-inkjesti preparatorji kollha jew parti minnhom. Ir-reġistrazzjoni tinżamm fir-reġistru tal-qorti. Kull parti tista' titlob kopja jew traskrizzjoni u ġġarrab l-ispejjeż ta' dan.
It-tribunal ma jqisx il-provi miksuba illegalment, bħal pereżempju kamera moħbija jew reġistrazzjoni ta' telefonati li l-persuna ma tkunx taf bihom.
L-istqarrijiet li jsiru minn parti fil-kawża stess waqt il-proċess, fil-prinċipju, ma għandhomx il-valur ta' prova.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.