

Sib informazzjoni għal kull reġjun
B'mod ġenerali, l-oneru tal-prova jaqa' fuq il-parti li tkun qed tfittex li sserraħ fuq kwalunkwe fatt partikolari. Ir-rikorrent (fl-Irlanda ta’ Fuq imsejjaħ “l-attur”) għandu jipprova l-fatti li jagħtu lok għat-talba u l-konvenut għandu jagħti provi ta’ dawk il-fatti li huwa jixtieq iserraħ fuqhom meta jiddefendi t-talba.
Il-fatti jistgħu jiġu eżentati mill-oneru tal-prova bil-liġi jew b’kuntratt preeżistenti bejn il-partijiet. Barra minn hekk, il-qorti tista’ tikkunsidra ċerti fatti ppruvati billi “tieħu konjizzjoni ġudizzjarja” (‘taking judicial notice’),pereżempju, kwistjonijiet ta’ għarfien ġenerali. Xi preżunzjonijiet jitqiesu bħala preżunti b’mod konklużiv, pereżempju, jekk statut jipprovdi li dan ikun hekk, waqt li oħrajn jistgħu jiġu kkonfutati, pereżempju, is-suppożizzjoni li persuna tkun f'sensiha.
Il-qorti jeħtiġilha tkun konvinta minn fatt fil-“bilanċ tal-probabbiltajiet”, jiġifieri li mill-inqas 51% x’aktarx li huwa veru meta mqabbel ma’ 49% x’aktarx li mhuwiex veru. Ladarba jkun hemm prova li fatt huwa fil-bilanċ tal-probabbiltajiet, dan jitqies li jkun stabbilit.
Hija r-regola ġenerali li mħallef ma jistax jitlob l-attendenza ta' xhud, ħlief f'ċirkostanzi limitati, iżda jista' jsejjaħ xhud u jerġa’ jsejjaħ xhud li diġà ġie msejjaħ. Bis-saħħa tar-regoli li jirregolaw il-proċedura tal-qorti fl-Irlanda ta’ Fuq, il-qorti għandha d-diskrezzjoni li tordna lil kwalunkwe persuna tattendi l-proċedimenti u tipproduċi dokument.
Jekk parti, normalment permezz tal-avukati tagħha, tkun tista’ ssejjaħ xhud partikolari sabiex jixhed, l-avukat tagħha stess jagħmel mistoqsijiet lix-xhud (dan jissejjaħ “eżami” (evidence-in-chief)) u mbagħad l-avukat tal-parti l-oħra jkun jista’ jagħmel kontroeżami tax-xhud. L-Imħallef jista’ jagħmel mistoqsijiet lix-xhud u jistieden lill-avukati sabiex isegwu, jekk ikunu jixtiequ, fuq kwalunkwe ħaġa li tirriżulta mill-mistoqsijiet li jkun għamel.
F’ċerti każijiet, pereżempju, meta xhud ikun se jattendi seduta privata, il-permess tal-qorti għandu jintalab qabel ma x-xhud ikun jista’ jiġi mħarrek uffiċjalment biex jattendi. Inkella, il-qorti ma jkollha l-ebda kontroll fuq liema xhieda jkunu mitluba jixhdu għalkemm tista’ timponi pieni fuq il-partijiet li jsejħu xhieda mhux meħtieġa.
Il-metodu ewlieni ta' prova huwa permezz ta' xhieda bil-fomm. Tista’ tintuża wkoll xhieda bil-miktub, bħal rapporti minn espert, u evidenza dokumentarja, bħal mapep.
Il-mezz prinċipali ta’ provi huwa permezz ta’ evidenza orali tal-partijiet u x-xhieda tagħhom. L-evidenza tax-xhieda esperti, pereżempju, tobba u inġiniera, tista’ tittieħed minn rapport bil-miktub bi ftehim. Ix-xhud jista’ mbagħad jiġi mistoqsi fuq punti partikolari. Ir-regoli tal-Qorti fl-Irlanda ta’ Fuq jirrestrinġu n-numru ta’ xhieda esperti li jistgħu jagħtu xhieda orali għal żewġ esperti mediċi u espert ieħor sakemm il-Qorti ma tagħtix permess biex jissejħu aktar.
Il-mapep u d-dokumenti jistgħu jintużaw ukoll bħala evidenza u l-awtentiċità tagħhom trid tiġi ppruvata għas-sodisfazzjon tal-qorti. Barra minn hekk, jista’ jkun li l-qorti tkun trid tagħmel aċċess fuq il-post jew tħares lejn oġġett fiżiku jekk tħoss li dan għandu xi valur probatorju.
Huwa dejjem fid-diskrezzjoni tal-qorti biex tiddeċiedi x’piż għandu jingħata lil kull biċċa evidenza partikolari.
Hemm preżunzjoni li l-fatti jiġu pprovati bil-fomm u fil-qorti miftuħa.
Xhud kompetenti li jkun ġie mħarrek biex jagħti xhieda huwa obbligat li jidher fis-smigħ u n-nuqqas li jagħmel dan huwa disprezz tal-qorti.
Parti tista’ titlob “privileġġ” milli jkollha tagħti evidenza fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ relazzjoni professjonali legali; l-awtoinkriminazzjoni tagħha jew tal-konjuġi tagħha; l-interess pubbliku u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Hemm forom oħra ta’ privileġġ li huma garantiti mill-istatut, pereżempju l-privileġġ diplomatiku. Barra minn hekk, hemm privileġġ diskrezzjonali, pereżempju, fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija b'kunfidenzjalità.
Iva. Xhud ikun ħati ta' disprezz tal-qorti jekk jonqos milli jidher wara li jkun ġie debitament notifikat b'taħrika tax-xhieda jew b'ċitazzjoni. L-Imħallef jista’ mbagħad jimponi multa jew perjodu ta’ priġunerija u jitlob lix-xhud sabiex ineħħi d-disprezz billi jattendi u jixhed.
Il-kapaċità hija l-kriterju ġenerali għall-għoti ta’ evidenza. Persuna titqies li tkun kapaċi tixhed sakemm ma tkunx inkapaċi li tifhem id-dover impost mill-ġurament minħabba l-infanzja jew, pereżempju, id-dimenzja; sakemm ma tkunx l-imħallef fil-kawża jew sakemm ma tkunx tista’ titlob privileġġ.
Ir-rwol tal-partijiet, li normalment ikunu rappreżentati mill-avukati (għalkemm hemm dispożizzjoni li persuna tista’ tirrappreżenta lilha nnifisha) huwa li jippreżentaw evidenza lill-qorti biex jipprovaw il-każ tagħhom abbażi tal-bilanċ tal-probabbiltajiet. L-Imħallef jaġixxi ta’ arbitru sabiex jiżgura li l-interrogazzjoni tax-xhieda tkun ġusta, legali u rilevanti għall-punti inkwistjoni fil-każ. L-Imħallef jista’ jinterroga lix-xhieda huwa stess, iżda jippermetti lill-avukati tal-partijiet li jsegwu kwalunkwe linja li tirriżulta mix-xhud bħala risposta għall-mistoqsijiet tiegħu.
Meta l-espert ma jkunx jista’ jiġi minn ġuriżdizzjoni oħra issa qed isir użu limitat, pereżempju fil-Qorti Superjuri (High Court) f’Belfast, biex tiġi ffaċilitata l-evidenza esperta permezz ta’ vidjokonnessjoni jew permezz tal-iSkype.
Il-qorti m’għandhiex diskrezzjoni ġenerali biex teskludi evidenza li tkun inkisbet b’mod inġust. L-evidenza tista’ tiġi eskluża biss meta jkun hemm awtorità statutorja li dan isir jew meta din tkun inqatgħet mill-atti minħabba li tkun skandaluża jew abbuż tal-proċess.
Iva, il-partijiet fil-każ jistgħu jagħtu xhieda f’isimhom stess.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.