Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Smigħ ta' xhieda

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Kumment preliminari: ir-regoli ġenerali dwar l-evidenza ammissibbli, il-valur probatorju tagħha, l-oneru tal-provi u l-forma ta’ produzzjoni ta’ evidenza huma stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili Portugiż u l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili indikati hawn taħt. Il-links għall-verżjoni Portugiża kkonsolidata ta’ dawn iż-żewġ dokumenti legali huma pprovduti fl-aħħar ta’ din l-iskeda informattiva.

Skont l-Artikolu 342 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż,

  • bħala regola, il-persuna li tinvoka dritt trid tagħti prova tal-fatti li jikkostitwixxu d-dritt
  • il-parti li kontriha jiġi invokat id-dritt għandha turi fatti li jimpedixxu, jimmodifikaw jew itemmu d-dritt
  • f’każ ta’ dubju, il-fatti jridu jitqiesu bħala kostituttivi.

Fil-każ ta’ proċedimenti ta’ valutazzjoni negattiva (l-Artikolu 10(3)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż u l-Artikolu 343 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż), fejn parti ma tkunx qed titlob sentenza kontra l-parti l-oħra imma sempliċement tixtieq li l-qorti tistabbilixxi n-n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dritt jew fatt, huwa l-konvenut li jrid jagħti prova tal-elementi li jikkostitwixxu d-dritt li qed jiġi allegat.

F’azzjonijiet ġudizzjarji li jridu jitressqu f’ċertu limitu ta’ żmien wara d-data li fiha l-attur ikun sar jaf b’ċertu fatt, huwa l-konvenut li jrid jagħti prova li l-limitu ta’ żmien diġà skada, sakemm soluzzjoni oħra ma tkunx speċifikament stabbilita mil-liġi (l-Artikolu 343(2) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Jekk id-dritt invokat mill-attur ikun suġġett għal kundizzjoni sospensiva (avveniment inċert fil-futur li l-partijiet għamlu l-effetti tat-tranżazzjoni legali dipendenti fuqu - l-Artikolu 270 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż) jew għal data tal-bidu (żmien li minnu jiġi attivat id-dritt - l-Artikolu 278 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż), huwa l-attur li jrid juri li l-kundizzjoni ġiet sodisfatta jew li d-data tal-bidu għaddiet (l-Artikolu 343(3) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Jekk id-dritt invokat mill-attur ikun suġġett għal kundizzjoni riżoluttiva (avveniment inċert fil-futur li l-partijiet għamlu l-waqfien tal-effetti tat-tranżazzjoni legali dipendenti fuqu - l-Artikolu 270 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż) jew għal data tat-tmiem (żmien li warajh id-dritt ma jibqax japplika - l-Artikolu 278 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż), huwa l-konvenut li juri li l-kundizzjoni ġiet sodisfatta jew li d-data tat-tmiem għaddiet (l-Artikolu 343(3) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Ir-regoli ta’ hawn fuq jinqalbu meta jkun hemm preżunzjoni legali (konsegwenza jew inferenza li l-liġi tiddeduċi minn fatt magħruf biex tistabbilixxi fatt mhux magħruf), eżenzjoni jew liberazzjoni mill-oneru tal-provi jew ftehim validu għal dak l-effett, u, b’mod ġenerali, fejn il-liġi tiddetermina hekk (l-Artikolu 344(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż). L-oneru tal-provi jinqaleb ukoll jekk il-parti avversarja tkun għamlitha intenzjonalment impossibbli li jiġu ppreżentati l-provi mill-parti li għandha tipproduċihom (l-Artikolu 344(2) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Ftehim li jaqleb l-oneru tal-provi huwa invalidu:

  • meta jkun involut dritt inaljenabbli (dritt li ma jistax jiġi ċedut minn parti billi sempliċement tiddikjara li tixtieq iċċedih) jew meta jkun eċċessivament diffiċli biex waħda mill-partijiet teżerċita d-dritt (l-Artikolu 345(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).
  • Bl-istess mod, ftehim biex jiġi eskluż kwalunkwe mezz legali ta’ prova jew li jippermetti mezzi ta’ prova ħlief dawk previsti mil-liġi huwa invalidu wkoll. Jekk id-deċiżjonijiet legali dwar il-provi jkunu bbażati fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ftehimiet bħal dawn ikunu invalidi fiċ-ċirkostanzi kollha (l-Artikolu 345(2) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Meta l-evidenza tkun ippreżentata mill-parti li jkollha l-oneru tal-prova ta’ fatt partikolari, il-parti avversarja tista’ tippreżenta kontroprovi bil-ħsieb li tqajjem id-dubji dwar dawk il-fatti. Jekk ikun hemm biżżejjed dubju, id-deċiżjoni trid tmur kontra l-parti li kellha l-obbligu li tagħti prova tal-fatt ikkonċernat (l-Artikolu 346 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Provi eżawrjenti jistgħu jiġu kuntrarjati biss b’evidenza li turi li l-fatt li fuqu huma bbażati mhuwiex veru, mingħajr preġudizzju għal restrizzjonijiet oħra speċifikament stabbiliti mil-liġi (l-Artikolu 347 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Kull min jinvoka dritt konswetudinarju, lokali jew barrani huwa responsabbli biex jagħti prova tal-eżistenza u l-kontenut tagħha, iżda l-qorti għandha tagħmel ħilitha biex tikseb l-għarfien rispettiv ex officio (l-Artikolu 348(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż). Il-qorti hija responsabbli wkoll għall-aċċertament ta’ fatti ex officio kull meta jkollha tiddeċiedi abbażi tad-dritt konswetudinarju, lokali jew barrani u l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun invokatu, jew il-parti avversarja tkun għarfet l-eżistenza u l-kontenut tiegħu jew ma tkunx oġġezzjonat (l-Artikolu 348(2) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż). Jekk ma tkunx tista’ tiddetermina l-kontenut tad-dritt applikabbli, il-qorti tapplika r-regoli tad-dritt komuni Portugiż (l-Artikolu 348(3) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Iva, hemm regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-provi.

Skont l-Artikolu 412(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż, prova ma hijiex meħtieġa għal:

  • fatti magħrufa li huma għarfien komuni;
  • fatti li l-qorti tkun taf bihom bis-saħħa tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha; meta l-qorti tuża dawn il-fatti, prova dokumentata tal-fatti trid tinhemeż mal-kawża.

Id-dritt Portugiż jippermetti li jsiru preżunzjonijiet minn konklużjonijiet meħuda mil-liġi jew mill-imħallef minn fatt magħruf biex jiġi stabbilit fatt mhux magħruf (l-Artikolu 349 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Parti li għandha preżunzjoni legali favuriha ma għandhiex għalfejn tagħti prova tal-fatt preżunt (l-Artikolu 350(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Preżunzjonijiet legali jistgħu jiġu kkontestati, jiġifieri, jistgħu jiġu ppreżentati kontroprovi, ħlief f’każijiet fejn il-liġi ma tippermettix dan, jiġifieri fejn ma jistgħux jiġu ppreżentati kontroprovi (l-Artikolu 350(2) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-valur ta’ kull mezz ta’ prova jvarja skont in-natura tiegħu.

Id-dokumenti awtentiċi għandhom valur probatorju sħiħ fir-rigward ta’ ċerti fatti, li jistgħu jiġu kkontestati biss permezz ta’ prova kuntrarja (l-Artikoli 369 sa 372 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Id-dokumenti privati għandhom valur probatorju sħiħ jekk il-kaligrafija u l-firma, jew sempliċement il-firma, ikunu rikonoxxuti jew ma jkunux ikkontestati, sakemm ma jiġux ikkontestati bħala foloz (l-Artikoli 373 sa 379 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Hemm dispożizzjonijiet speċjali rigward il-valur probatorju ta’ rekords, dokumenti bil-miktub, noti, ċertifikati, estratti ta’ ċertifikati, kopji awtentikati u fotokopji (l-Artikoli 380 sa 387 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Il-qorti tivvaluta liberament evidenza minn xhieda esperti, evidenza miksuba minn spezzjonijiet ġudizzjarji u evidenza ta’ xhieda (l-Artikoli 389, 391 u 396 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Il-preżunzjonijiet legali huma permessi biss fl-istess każijiet u kundizzjonijiet permessi għal evidenza ta’ xhieda (l-Artikolu 351 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Il-valutazzjoni libera tal-evidenza mill-qorti ma tkoprix fatti li għalihom il-liġi teħtieġ formalitajiet speċjali biex jiġu pprovati, jew dawk li jistgħu jiġu pprovati biss b’dokumenti jew li huma pprovati kompletament b’dokumenti, bi ftehim jew b’konfessjoni tal-partijiet (l-Artikolu 607(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Il-qorti għandha tqis l-evidenza kollha prodotta, kemm jekk toriġina mill-parti li kellha tipproduċiha jew le, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jiddikjaraw li d-dikjarazzjoni ta’ fatt hija irrilevanti jekk ma ssirx minn ċerta parti interessata (l-Artikolu 413 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Kull dubju dwar il-veraċità ta’ fatt jew l-oneru tal-provi jissolva kontra l-parti li tibbenefika mill-fatt (l-Artikolu 414 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-liġi Portugiża tistabbilixxi l-“prinċipju inkwiżitorju”, jiġifieri d-dmir tal-imħallef li jwettaq jew jordna, ex officio, l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tiġi ddeterminata l-verità u s-soluzzjoni ġusta tat-tilwima fir-rigward tal-fatti li hu legalment intitolat li jeżamina (l-Artikolu 411 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

L-imħallef jista’, f’kull stadju tal-proċedimenti, iħarrek lill-partijiet biex jidhru personalment biex jixhdu dwar il-fatti li jkunu ta’ rilevanza għad-deċiżjoni kkonċernata (l-Artikolu 452(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Hija r-responsabbiltà tal-qorti, b’inizjattiva tagħha stess jew b’talba ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet, li titlob informazzjoni, parir tekniku, pjanti, ritratti, tpinġijiet, oġġetti jew dokumenti oħrajn neċessarji biex tkun iċċarata l-verità. Dawn it-talbiet jistgħu jsiru lil korpi uffiċjali, il-partijiet li jikkontestaw il-kawża jew terzi (l-Artikolu 436(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Il-qorti, kull meta tqis li jkun xieraq li jsir hekk, tista’’ b’inizjattiva tagħha stess jew b’talba minn kwalunkwe waħda mill-partijiet, tinvestiga affarijiet jew nies. Dan irid isir b’tali mod li jissalvagwardja l-privatezza, il-ħajja familjari u d-dinjità tal-bniedem u għandu jkun immirat lejn il-kjarifikazzjoni ta’ kwalunkwe fatt li jkun rilevanti għad-deċiżjoni kkonċernata. Il-qorti tista’ twettaq żjara fil-post jew tordna li ssir rikostruzzjoni tal-avvenimenti, jekk il-qorti temmen li jkun meħtieġ (l-Artikolu 490(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Meta, matul kawża l-qorti, ikun hemm raġunijiet biex ikun preżunt li persuna li ma tkunx tħarrket biex tixhed tkun taf fatti li huma importanti biex tittieħed id-deċiżjoni t-tajba fil-kawża, l-imħallef għandu jordna li dik il-persuna titħarrek biex tixhed il-qorti (l-Artikolu 526(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

L-imħallef jista’ wkoll, fuq inizjattiva tiegħu stess, jordna li tingħata evidenza minn esperti (l-Artikolu 477 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Id-dmir tal-kooperazzjoni tal-persuni kollha biex tinkixef il-verità huwa stabbilit fl-Artikolu 417 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

L-evidenza hija ġeneralment iddikjarata mill-partijiet fis-sottomissjonijiet tagħhom, partikolarment fid-dikjarazzjoni tat-talba u fid-difiża (eż. l-Artikoli 552 u 572 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Ir-rikors għall-evidenza jista’ jiġi emendat fis-smigħ ta’ qabel il-proċess u l-lista tax-xhieda tista’ tinbidel sa 20 jum qabel il-proċess (l-Artikolu 598 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Fis-seduta ta’ qabel il-proċess jew b’ordni, kif applikabbli, il-qorti tiddetermina liema mezzi ta’ prova huma ammissibbli u jistgħu jiġu ppreżentati (l-Artikoli 591 u 593 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Bħala regola ġenerali, l-evidenza tinġabar fis-seduta finali. Fuq bażi eċċezzjonali, madankollu, il-qorti tista’ tippermetti li tingħata evidenza fi stadju aktar bikri (l-Artikolu 419 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Ħlief f’każijiet fejn l-imħallef ibiddel l-ordni ta’ avvenimenti legali, skont l-Artikolu 604(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż, l-evidenza tittieħed fl-ordni li ġejja:

  • id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet;
  • vidjows jew reġistrazzjonijiet ta’ smigħ;
  • kjarifiki verbali minn esperti;
  • eżami tax-xhieda.

Jekk, wara li jintemm il-proċess, l-imħallef jemmen li ma għandhomx biżżejjed informazzjoni, jista’ jerġa’ jiftaħ l-proċess biex jisma’ lin-nies li jixtieq jew biex jordna l-produzzjoni ta’ mezzi oħra ta’ prova (l-Artikolu 607(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Ir-rikors biex tinkiseb evidenza jista’ jkun miċħud jekk ikun ippreżentat wara li jiskadi ż-żmien stipulat mil-liġi għal din il-fini jew jekk l-evidenza tkun inammissibbli.

Hawn taħt hawn xi eżempji li jistgħu jagħtu lok għal ċħid, sħiħ jew parzjali, ta’ rikors biex tinkiseb evidenza:

  • jekk l-għadd tax-xhieda jaqbeż l-għadd permess mil-liġi, l-għadd tax-xhieda li jaqbżu l-limitu ma jiġux ammessi, mingħajr preġudizzju għall-imħallef li jippermetti l-eżami tax-xhieda li jaqbżu l-limitu legali stabbilit, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali (l-Artikolu 511 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  • jekk parti hija elenkata bħala xhud (l-Artikolu 496 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  • jekk, matul l-eżami preliminari ta’ xhud, l-imħallef isib li mhumiex idonei biex jixhdu (l-Artikolu 513 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  • jekk il-parti tintalab tixhed dwar fatti li ma tkunx f’pożizzjoni li tiddikjara (l-Artikolu 454 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  • b’mod ġenerali, jekk l-imħallef, waqt li jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu, iħoss li l-evidenza hija irrilevanti jew dilatorja (l-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Skont l-Artikolu 417(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż, fejn mezz ta’ prova jirriżulta fi ksur tal-integrità fiżika jew morali ta’ persuna, intrużjoni fil-ħajja privata jew familjari tagħhom, id-dar, il-korrispondenza jew it-telekomunikazzjonijiet, jew jikser is-segretezza professjonali, il-kunfidenzjalità ta’ impjegati taċ-ċivil jew sigrieti tal-Istat, il-persuna msejħa biex tixhed tista’ tirrifjuta li tikkoopera mal-qorti. Madankollu, jekk dak ir-rifjut ikun ibbażat fuq dmir ta’ kunfidenzjalità, il-qorti tista’ tivverifika jekk ir-rifjut huwiex ġustifikat u teħles lill-persuna minn dak id-dmir ta’ kunfidenzjalità.

Għalhekk, jekk qorti Portugiża tintalab tipproduċi evidenza li tista’ tirriżulta fi ksur ta’ kunfidenzjalità, il-qorti fl-Istat Membru ta’ oriġini għandha tindika fil-formola ta’ applikazzjoni li tixtieq li l-qorti Portugiża tieħu l-inizjattiva li tirrinunzja għad-dmir ta’ kunfidenzjalità.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Jeżistu l-mezzi ta’ prova li ġejjin:

  1. Preżunzjonijiet (l-Artikolu 349 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż);
  2. Konfessjonijiet miksuba mix-xhieda ta’ parti (l-Artikolu 352 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż);
  3. Dikjarazzjonijiet minn parti li huma differenti mill-konfessjonijiet miksuba (l-Artikolu 466 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  4. Dokumenti (l-Artikolu 362 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż u l-Artikolu 423(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż. L-evidenza dokumentarja tinkludi l-opinjonijiet ta’ avukati, ġurikonsulti jew esperti li ma jinkisbux minn evidenza esperta ordnata mill-qorti (l-Artikolu 426 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  5. Evidenza esperta (l-Artikolu 388 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż u l-Artikolu 467(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  6. Spezzjonijiet ġudizzjarji (l-Artikolu 390 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż u l-Artikolu 490(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż). L-evidenza miksuba minn spezzjonijiet ġudizzjarji tinkludi valutazzjoni ġudizzjarja mhux kwalifikata (l-Artikolu 494 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  7. Evidenza ta’ xhieda (l-Artikolu 392 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż u l-Artikolu 495(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  8. Preżentazzjoni ta’ oġġetti (l-Artikolu 416(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Il-liġi tal-proċedura ċivili Portugiża hija bbażata fuq il-proċedimenti orali u l-immedjatezza. Bħala tali, u bħala regola, huwa waqt is-seduta u l-proċess li:

  • ix-xhieda u l-partijiet (l-Artikoli 452, 456, 457, 466, 500, 501, 503, 506, 518 u 520 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż) jinstemgħu personalment mill-imħallef li jippresjedi. Jekk jirrisjedu barra mill-post fejn tinsab il-qorti, ix-xhieda u l-partijiet jinstemgħu permezz tal-vidjowkonferenzi. F’sitwazzjonijiet speċifiċi (eż. mard jew diffikultà estrema biex jidhru), ix-xhieda u l-partijiet jistgħu jinstemgħu bit-telefon, bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni diretta indikata mill-qorti, jew bil-miktub, jew il-qorti tista’ tmur fil-post fejn huma jinsabu biex jiġu eżaminati. Eċċezzjonalment, xi xhieda jgawdu l-prerogattiva li jipprovdu xhieda bil-miktub;
  • il-qorti tista’ ssejjaħ esperti biex jipprovdu kjarifika orali matul is-seduta. Esperti minn stabbilimenti uffiċjali jistgħu jinstemgħu wkoll permezz ta’ vidjowkonferenzi mill-post tax-xogħol tagħhom (l-Artikolu 486 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  • il-qorti tista’ twettaq spezzjonijiet fuq il-post jew tordna rikostruzzjoni tal-fatti, f’liema każ l-imħallef ikun akkumpanjat minn speċjalista jekk jitqies xieraq (l-Artikoli 490 u 492 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż);
  • l-argumenti tal-għeluq mill-avukati jsiru oralment quddiem l-imħallef.

B’kuntrast, rapporti, dokumenti, opinjonijiet u evidenza ta’ esperti bil-miktub b’mod ġenerali, ritratti, vidjows, reġistrazzjonijiet ta’ smigħ, u l-preżentazzjoni ta’ oġġetti mobbli huma inklużi fil-fajls tal-kawża minn qabel sabiex ikunu jistgħu jiġu kkontestati u eżaminati matul il-proċess (l-Artikolu 416 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Oġġetti fissi jew mobbli li ma jistgħux jiġu inklużi fil-proċedimenti jistgħu jiġu spezzjonati mill-qorti matul is-seduta finali jew tista’ tordna eżami espert jew valutazzjoni ġudizzjarja mhux kwalifikata tagħhom (l-Artikolu 416 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

F’sitwazzjonijiet urġenti u ġustifikati, l-imħallef jista’ jordna l-produzzjoni bikrija ta’ kwalunkwe mezz ta’ prova (l-Artikolu 419 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Meta persuni li għandhom jinstemgħu jirrisjedu barra mill-pajjiż, jistgħu jiġu eżaminati qabel is-seduta, permezz ta’ ittri rogatorji jew, meta jkunu ċittadini Portugiżi, b’ittri rogatorji mibgħuta lill-konsulat Portugiż (l-Artikolu 500(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż). Fejn l-evidenza tinkiseb barra mill-pajjiż permezz tal-vidjowkonferenzi, din ġeneralment tittieħed matul il-proċess.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Iva, il-valur probatorju jvarja skont in-natura ta’ kull mezz ta’ prova (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1.3).

Hawn taħt hawn xi eżempji fejn ċerti mezzi ta’ prova huma aktar b’saħħithom minn oħrajn.

Ma tiġix ammessa evidenza ta’ xhieda jekk id-dikjarazzjoni tan-negozju, bil-liġi jew kif stipulata mill-partijiet, trid tkun bil-miktub jew trid tkun ippruvata bil-miktub (l-Artikolu 393(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Ma tiġix ammessa evidenza ta’ xhieda meta l-avveniment ikun ġie ppruvat bis-sħiħ b’dokumenti jew b’mezzi oħrajn b’valur probatorju sħiħ (l-Artikolu 393(2) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

L-evidenza ta’ xhieda mhix ammissibbli jekk tkun ibbażata fuq kwalunkwe ftehim li jmur kontra jew iżid mal-kontenut ta’ dokumenti awtentiċi jew privati b’valur probatorju sħiħ, irrispettivament minn jekk il-ftehimiet ikunux saru qabel, wara jew fl-istess ħin tal-ħolqien tad-dokument (l-Artikolu 394(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Konfessjoni ġudizzjarja bil-miktub għandha valur probatorju sħiħ kontra l-konfessur (l-Artikolu 358(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Konfessjoni mhux ġudizzjarja, fil-forma ta’ dokument awtentiku jew privat, titqies li tkun ippruvata skont it-termini applikabbli għal dawk id-dokumenti u, jekk tkun saret lill-parti l-oħra jew lir-rappreżentant tagħha, titqies li għandha valur probatorju sħiħ (l-Artikolu 358(2) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Konfessjoni mhux ġudizzjarja li ma tiħux il-forma ta’ dokument ma tistax tkun ippruvata minn xhieda f’każijiet meta ma tkunx ammessa evidenza ta’ xhieda; meta din tkun ammessa, il-qorti tqis liberament il-valur probatorju tagħha (l-Artikolu 358(3) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Konfessjonijiet ġudizzjarji mhux miktuba u konfessjonijiet mhux ġudizzjarji lil parti terza jew li qegħdin f’testment jiġu kkunsidrati liberament mill-qorti (l-Artikolu 358(4) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

Konfessjoni mhix evidenza kontra l-persuna li tikkonfessa (l-Artikolu 354 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż) jekk: tkun dikjarata insuffiċjenti skont il-liġi jew tkun tiddependi minn fatti li r-rikonoxximent jew l-eżaminazzjoni tagħhom hija pprojbita mil-liġi; tkun tiddependi minn fatti relatati ma’ drittijiet inaljenabbli; il-fatt ikkonfessat ikun impossibbli jew ineżistenti b’mod ċar.

L-evidenza ta’ xhieda dwar ftehim jew tranżazzjoni fittizja mhix ammissibbli meta invokata mill-awturi tal-fatt fittizju (l-Artikolu 394 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Iva, speċifikament fil-każijiet li ġejjin:

  • meta l-liġi titlob, bħala forma ta’ dikjarazzjoni tan-negozju, dokument b’ċertu livell ta’ formalità, tali dokument ma jkunx jista’ jiġi sostitwit minn mezz ieħor ta’ prova jew minn dokument ieħor sakemm dan ma jkollux valur probatorju ogħla (l-Artikolu 364(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż);
  • meta l-liġi teħtieġ formalità speċifika għall-eżistenza jew il-prova ta’ fatt legali, din ma tistax titneħħa (l-Artikolu 220 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż).

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Il-persuni kollha, kemm jekk ikunu partijiet fil-kawża u kemm jekk le, huma meħtieġa jikkooperaw biex tinstab il-verità. Huma għandhom iwieġbu għall-mistoqsijiet li jsirulhom, jissottomettu ruħhom għall-investigazzjonijiet meħtieġa, jipprovdu dak li huma mitluba minnhom, u jwettqu atti li huma stipulati (l-Artikolu 417(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Il-persuni li ġejjin jistgħu jirrifjutaw li jixhdu, ħlief fi proċeduri mmirati biex jivverifikaw it-twelid jew il-mewt ta’ tfal (l-Artikolu 497 (1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż):

  • qraba fil-linja axxendenti f’kawżi li jinvolvu d-dixxendenti tagħhom, u ġenituri adottivi f’kawżi li jinvolvu t-tfal adottati tagħhom u viċi versa;
  • ġenituri tar-rispett f’kawża li tinvolvi l-iben tar-rispett jew il-bint tar-rispett tagħhom u viċi versa;
  • kwalunkwe konjuġi jew eks-konjuġi f’kawżi fejn waħda mill-partijiet hija l-konjuġi jew l-eks-konjuġi l-ieħor;
  • kull min jgħix jew għex f’koabitazzjoni b’kundizzjonijiet simili għal dawk ta’ konjuġi flimkien ma’ kwalunkwe waħda mill-partijiet fil-kawża.

Hija r-responsabbiltà tal-imħallef li jagħti parir lin-nies imsemmija hawn fuq li jistgħu jirrifjutaw li jixhdu (l-Artikolu 497(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Xhieda marbuta bis-sigriet professjonali, bis-sigriet tal-impjegati taċ-ċivil u b’sigrieti Statali jistgħu jirrifjutaw leġittimament li jixhdu fir-rigward ta’ fatti koperti minn din is-segretezza (l-Artikolu 497(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Ir-rifjut li tieħu ġurament huwa ttrattat bħala rifjut li tixhed u, f’kull każ, il-qorti tista’ timponi multa fuq ix-xhud (l-Artikoli 417(2), 459 u 513 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Jekk xhud jonqos milli jidher b’mod mhux iġġustifikat, il-qorti tista’ timponi multa jew tordna lix-xhud jidher taħt kustodja (l-Artikolu 508(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Li tagħti xhieda falza huwa reat (l-Artikolu 360 tal-Kodiċi Kriminali Portugiż).

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Persuni li mhumiex mentalment idonei biex jixhdu dwar il-fatti li għandhom jiġu ppruvati ma jistgħux iservu bħala xhieda (l-Artikolu 495 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż). Hija r-responsabbiltà tal-imħallef li jivvaluta l-kompetenza tal-persuni mħarrka biex jixhdu bħala xhieda.

Persuni li jistgħu jixhdu bħala partijiet fil-kawża huma pprojbiti li jixhdu bħala xhieda (l-Artikolu 496 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Persuni b’kapaċità legali, adulti assistiti, persuni li jindukraw it-tfal, persuni ġuridiċi u kumpaniji jistgħu jagħtu xhieda bħala partijiet, f’konformità mal-Artikolu 453 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Ix-xhieda jixhdu fis-seduta finali personalment jew permezz ta’ vidjowkonferenza (l-Artikolu 500 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż), għajr fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • meta l-evidenza tinġabar fi stadju aktar bikri (dan jista’ jsir meta jkun hemm biża’ fondata li jista’ jkun impossibbli jew diffiċli ħafna li tinstema’ x-xhieda minn ċertu persuna);
  • l-evidenza tinġabar b’ittri rogatorji mibgħuta lil konsulat Portugiż;
  • l-evidenza tinġabar fir-residenza ta’ persuna jew il-kwartieri tas-servizz (prerogattiva mogħtija lill-President tar-Repubblika u lil aġenti diplomatiċi barranin bil-kundizzjoni ta’ reċiproċità);
  • ikun impossibbli għall-persuna li tidher il-qorti;
  • tintuża l-prerogattiva li jixhdu bil-miktub.

Ix-xhud għandu jixhed b’mod preċiż, billi jindika r-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-għarfien tagħhom tal-fatti; ir-raġuni invokata għall-għarfien trid, kemm jista’ jkun, tkun imniżżla fid-dettall u fondata (l-Artikolu 516(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

L-eżami jsir mill-avukat tal-parti li tkun sejħet lix-xhud. L-avukat tal-parti l-oħra jista’, fir-rigward tal-fatti koperti fix-xhieda, jagħmel mistoqsijiet lix-xhud biex jikkompleta jew jiċċara x-xhieda (l-Artikolu 516(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

L-imħallef irid jipprevjeni lill-avukati milli juru nuqqas ta’ rispett lejn ix-xhieda u milli jagħmlu mistoqsijiet jew kunsiderazzjonijiet li huma irrilevanti, kontroversjali, qarrieqa jew ta’ dannu (l-Artikolu 516(3) tal-Kodiċi Portugiż tal-Proċedura Ċivili).

L-eżami u l-kontroeżami jsiru minn rappreżentanti tal-partijiet, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-imħallef jew kwalunkwe mistoqsija li l-imħallef jista’ jqis xieraq li jistaqsi sabiex tiġi stabbilita l-verità (l-Artikolu 516(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

L-imħallef iwettaq l-eżami hu stess fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li x-xhud jibqa’ kalm jew biex itemm kontroeżami mhux xieraq (l-Artikolu 516(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Qabel ma x-xhud iwieġeb il-mistoqsijiet li jkunu sarulu jista’ jikkonsulta l-fajl tal-kawża, jitlob li jkun muri ċerti dokumenti li jagħmlu parti mill-fajl tal-kawża, jew jippreżenta dokumenti bl-għan li jikkorroboraw it-testimonjanza tiegħu; huma biss dokumenti li l-parti rispettiva ma setgħetx toffri li jintlaqgħu u jiġu inklużi fil-fajl tal-kawża (l-Artikolu 516(6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Iva, b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet previsti fl-artikoli li ġejjin tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż:

  • 421 - limiti fuq il-valur ekstra-proċedurali tal-evidenza
  • 444, 446 u 451 - oġġezzjoni għal dokumenti, kontestazzjoni tal-awtentiċità tad-dokumenti u l-falsità ta’ atti ġudizzjarji
  • 464 - dikjarazzjoni ta’ konfessjoni invalida
  • 490 - ksur tad-dritt għall-privatezza u l-ħajja familjari u d-dinjità tal-bniedem
  • 514 - kontestazzjoni ta’ evidenza ta’ xhieda għall-istess raġunijiet li għalihom l-imħallef għandu joġġezzjona għax-xhieda.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva, konfessjoni li biha l-parti tirrikonoxxi fatt li huwa ta’ detriment għaliha u ta’ benefiċċju għall-kontroparti tinkiseb permezz tax-xhieda tal-parti (l-Artikolu 352 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż u l-Artikolu 452 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

L-istess japplika għal dikjarazzjonijiet mitluba minn parti mill-partijiet, sal-bidu tas-sottomissjonijiet fl-ewwel istanza, dwar fatti li fihom kienu involuti personalment jew li għandhom għarfien dirett tagħhom (l-Artikolu 466(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

Il-qorti tikkunsidra liberament id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet, ħlief fejn jinvolvu konfessjoni (l-Artikolu 466(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż).

F’dan ir-rigward, ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.6

Links relatati

Il-Kodiċi Ċivili Portugiż

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż

L-aħħar aġġornament: 23/11/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.