

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-bażi legali ewlenija hija pprovduta mill-: Artikoli 249 sa 365 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Codul de procedură civilă).
Allegazzjoni li ssir matul il-proċedimenti trid tiġi ppruvata mill-parti li tagħmilha, ħlief f’ċerti każijiet previsti espressament mil-liġi. Rikorrent jeħtieġlu jagħti prova tal-każ tiegħu. Għal oġġezzjonijiet imressqa mill-intimat, l-oneru tal-provi jaqa’ fuq l-intimat. Iżda fil-każ ta’ preżunzjonijiet l-oneru tal-prova jaqleb mill-parti li altrimenti kellha dak l-oneru għall-kontroparti.
Ħadd ma hu mitlub jipprova dak li l-qorti bilfors trid tkun taf.
Huwa preżunt li l-qorti għandha għarfien tal-liġi fis-seħħ fir-Rumanija. Iżda liġi li ma tkunx ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija (Monitorul Oficial) jew b’xi mezzi oħra, konvenzjonijiet, trattati, u ftehimiet internazzjonali applikabbli fir-Rumanija iżda li ma ġewx inkorporati fil-leġiżlazzjoni, u d-dritt internazzjonali konswetudinarju jridu jiġu ppruvati mill-parti interessata. Ir-regoli stipulati f’dokumenti kklassifikati jridu jiġu ppruvati u kkonsultati dejjem skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi. Il-qorti, ex ufficio, tista’ tieħu nota tal-liġi ta’ stat barrani dejjem jekk ġiet iċċatata quddiem il-qorti. Il-liġi barranija trid tiġi ppruvata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili (Codul civil) li jindirizzaw is-sustanza tal-liġi barranija..
Jekk fatt ikun magħruf b’mod ġenerali jew ma jiġix ikkontestat, il-qorti tista’ tiddeċiedi li fiċ-ċirkostanzi tal-każ ma hemmx għalfejn jiġi pprovat. L-użi, ir-regoli tal-kondotta u prattiki stabbiliti bejn il-partijiet iridu jiġu ppruvati mill-parti li tiddependi fuqhom. Ir-regoli u r-regolamenti lokali jridu jiġu ppruvati mill-parti li tiddependi fuqhom biss jekk il-qorti titlob dan.
Preżunzjoni hija konklużjoni li l-liġi jew il-qorti tasal għaliha minn fatt magħruf sabiex tistabbilixxi fatt mhux magħruf. Preżunzjoni legali (prezumţiă legală) teżenta lill-persuna li tibbenefika minnha mill-piż li tipprova l-fatt li l-liġi tqis bħala ppruvat. Preżunzjoni legali tista’ tiġi kkonfutata minn evidenza għall-kuntrarju, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.
L-evidenza trid tkun ammissibbli u trid tkun rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-proċedimenti. Wara li l-qorti tkun ippermettiet evidenza għal fatti partikolari, il-kwistjoni dwar jekk dawk il-fatti ntwerewx tiġi deċiża b’mod liberu mill-qorti, kif jidhrilha, ħlief meta l-liġi tiddetermina mod ieħor.
Ix-xhieda trid tiġi proposta mir-rikorrent fir-rikors tiegħu, u mill-intimat fid-difiża tiegħu, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor; inkella l-evidenza tista’ tiġi eskluża. Jekk l-evidenza proposta ma tkunx biżżejjed għal riżoluzzjoni sħiħa tal-kawża, il-qorti tordna lill-partijiet biex jissupplimentawha. Il-qorti, ex ufficio, tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-partijiet lejn il-ħtieġa għal aktar evidenza, u tista’ tordna biex tittieħed aktar evidenza jekk il-partijiet ma jaqblux.
Il-partijiet jistgħu jitolbu li tittieħed l-evidenza li ġejja: dokumenti, rapporti ta’ esperti, testimonjanza tax-xhieda, aċċess fuq il-post, u mistoqsijiet ta’ parti jekk il-kontroparti titlob li dik il-parti tintalab tagħti xhieda. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid jirregola wkoll l-evidenza fiżika; dan jista’ jkun rilevanti f’ċerti kategoriji ta’ azzjonijiet ċivili (eż. azzjonijiet ta’ divorzju).
Il-qorti l-ewwel tqis jekk l-evidenza proposta mill-partijiet hijiex ammissibbli, u mbagħad tagħmel ordni li tistabbilixxi l-fatti li jridu jiġu pppruvati, l-evidenza permessa, u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward tat-teħid tal-evidenza. Sa fejn possibbli, l-evidenza tittieħed fl-istess seduta li fiha tiġi permessa.
It-teħid tal-evidenza huwa rregolat minn xi regoli essenzjali: l-evidenza tittieħed fl-ordni determinata mill-qorti; kemm jista’ jkun, l-evidenza għandha tittieħed fl-istess seduta; l-evidenza tittieħed qabel jibda l-argument dwar il-merti; l-evidenza u l-kontroevidenza jittieħdu fl-istess ħin sakemm dan ikun possibbli.
L-evidenza tittieħed f’seduta pubblika quddiem il-qorti li tisma’ l-kawża, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. Jekk, għal raġunijiet oġġettivi, l-evidenza tkun tista’ tittieħed biss f’post ieħor, din tista’ tittieħed abbażi ta’ ittri rogatorji minn qorti fl-istess livell, jew minn qorti inferjuri jekk ma jkun hemm l-ebda qorti ta’ livell simili f’dik il-lokalità.
Evidenza tista’ tintuża biss jekk tissodisfa ċerti kundizzjonijiet fir-rigward tal-legalità (legalitate), il-kredibbiltà (verosimilitate), ir-rilevanza (pertinenţă) u l-qawwa (concludenţă) tagħha.). F’dak li jikkonċerna l-legalità, l-evidenza proposta trid tikkostitwixxi evidenza skont il-liġi u ma tistax tiġi pprojbita bil-liġi. F’termini ta’ kredibbiltà, l-evidenza mitluba ma tistax tmur kontra l-liġijiet naturali rikonoxxuti fuq livell universali. F’termini ta’ rilevanza, l-evidenza trid tkun relatata mas-suġġett tal-proċess kriminali, jiġifieri mal-fatti li għandhom jintwerew b’appoġġ għar-rikors jew ir-risposta ppreżentati mill-partijiet. Sabiex tkun ammissibbli l-evidenza trid tkun ukoll kredibbli u rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-proċedimenti.
Il-qorti trid tirrifjuta rikors biex jiġi infilzat dokument meta l-kontenut tad-dokument ikun jikkonċerna materji personali ħafna relatati mad-dinjità jew il-privatezza ta’ persuna; meta l-att tal-infilzar tad-dokument bħala evidenza ma jkunx konsistenti ma’ obbligu tal-kunfidenzjalità; jew meta jwassal għal proċedimenti kriminali fir-rigward tal-parti, il-konjuġi tal-parti, jew kwalunkwe qarib mill-qrib jew qarib biż-żwieġ sa u inkluż it-tielet grad ta’ parentela.
It-testimonjanza tax-xhieda mhijiex ammissibbli biex jiġu ppruvati tranżazzjonijiet legali ta’ valur ’il fuq minn RON 250, li għalihom il-liġi teħtieġ evidenza bil-miktub. Barra minn hekk, it-testimonjanza tax-xhieda tkun inammissibbli jekk tmur kontra jew lil hinn mill-kontenut ta’ dokument formali.
L-evidenza tiġi proposta mir-rikorrent fir-rikors jew mill-intimat fir-risposta. Evidenza mhux proposta b’dan il-mod tista’ tintalab u tkun permessa mill-qorti fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin: il-ħtieġa għall-evidenza toriġina minn modifika tat-talba; il-ħtieġa għall-evidenza tinħoloq matul il-proċeduri, u l-parti ma setgħetx tipprevediha; il-parti turi lill-qorti li, għal raġuni tajba, ma setgħetx tressaq l-evidenza mitluba fiż-żmien permess; it-teħid tal-evidenza ma jwassalx għal differiment tal-proċedimenti; il-partijiet kollha qablu espressament.
Tranżazzjoni legali jew fatt jista’ jiġi ppruvat minn dokumenti, xhieda, preżunzjonijiet, ammissjoni ta’ parti jew oħra (fuq inizjattiva tagħha jew bħala rispons għal mistoqsijiet), rapport ta’ esperti, evidenza fiżika, aċċess fuq il-post jew kwalunkwe forma oħra ta’ evidenza prevista mil-liġi.
Ix-xhieda jiġu proposti mill-partijiet, jew mir-rikorrent fir-rikors jew mill-intimat fir-risposta. Wara li tippermetti l-evidenza tax-xhieda, il-qorti tħarrek lix-xhieda biex jattendu s-smigħ.
Jekk il-qorti ssib li hija idea tajba li tikseb l-opinjoni ta’ speċjalisti sabiex tiċċara l-fatti, fuq talba tal-partijiet jew ex ufficio, hija taħtar espert jew tlieta, u tagħmel ordni li tistabbilixxi l-aspetti li fir-rigward tagħhom dawn għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom u l-limitu ta’ żmien għall-ħidma tagħhom. Il-konklużjonijiet tal-espert jiġu rreġistrati f’rapport tal-esperti. Jista’ jintalab rapport ġdid minn espert ieħor, fejn ġustifikat, fuq talba tal-partijiet jew tal-qorti.
Fir-rigward tal-evidenza dokumentarja, kull parti tista’ tissottometti d-dokumenti li tixtieq tuża matul il-proċedimenti fil-għamla ta’ kopja debitament iċċertifikata. Il-parti jrid ikollha wkoll l-oriġinali magħha u tkun kapaċi tipproduċiha fil-qorti fuq talba, u jekk tonqos tagħmel dan id-dokument ma jiġix ikkunsidrat. Il-qorti tista’ tordna l-produzzjoni ta’ dokument fil-pussess tal-kontroparti jekk id-dokument ikun komuni għall-partijiet fil-proċedimenti, jekk il-kontroparti stess tkun għamlet referenza għad-dokument matul il-proċedimenti, jew jekk tkun obbligata tippreżentah bħala evidenza. Jekk dokument ikun miżmum minn parti u ma jkunx jista’ jiġi ppreżentat fil-qorti, jista’ jiġi ddelegat imħallef li fil-preżenza tiegħu l-partijiet jistgħu jeżaminaw id-dokument fil-post fejn ikun jinsab. Jekk dokument jinżamm minn parti terza, dik il-persuna tista’ titħarrek bħala xhud u tintalab iġġib id-dokument.
L-evidenza tittieħed f’sessjoni magħluqa mill-qorti b’ġurisdizzjoni. Meta l-evidenza tkun trid tittieħed f’post ieħor, din tittieħed minn qorti ddelegata tal-istess livell, jew minn qorti inferjuri jekk ma jkun hemm l-ebda qorti tal-istess livell f’dik il-lokalità. Jekk it-tip ta’ evidenza tippermetti dan u l-partijiet jaqblu, il-qorti li tieħu l-evidenza tista’ ma tħarrikx lill-partijiet.
Il-metodi ta’ prova għandhom l-istess qawwa, ħlief fil-każijiet espressament previsti mil-liġi.
Dokumenti f’forma awtentika (forma autentică) spiss jiġu aċċettati mill-partijiet minħabba fil-vantaġġi li għandhom, inkluża preżunzjoni ta’ awtentiċità, li jfisser li persuna li tiddependi fuq dokument awtentiku tinħeles mill-oneru tal-provi.
Bħala prova ta’ tranżazzjoni legali b’valur ta’ aktar minn RON 250 evidenza dokumentata biss hija permessa, iżda hemm ċerti eċċezzjonijiet fejn l-evidenza tax-xhieda hija aċċettata wkoll.
Sakemm ma jiġix iddikjarat falz, dokument f’forma awtentika jipprovdi prova konklużiva, f’negozjati ma’ kwalunkwe persuna, tal-konstatazzjonijiet fattwali li tkun għamlet il-persuna li tkun awtentikat id-dokument f’konformità mal-liġi. Iżda dikjarazzjonijiet li jkunu saru mill-partijiet u rreġistrati f’dokument awtentiku jikkostitwixxu provi biss sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor.
Meta jifdal preżunzjonijiet għad-diskrezzjoni tal-qorti, il-qorti tista’ tiddependi fuqhom biss jekk dawn ikollhom il-valur u s-saħħa li jagħmlu l-fatt allegat probabbli; tali preżunzjonijiet jistgħu jiġu aċċettati biss meta l-liġi tippermetti l-evidenza tax-xhieda.
Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.11.
Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ma tistabbilixxix ir-raġunijiet li abbażi tagħhom xhud jista’ jirrifjuta li jixhed, iżda sempliċiment tispeċifika l-persuni li ma jistgħux jinstemgħu bħala xhieda u l-persuni li huma eżenti milli jidhru bħala xhieda. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.11.
Il-qorti timmulta xhud li jonqos milli jidher jew li jirrifjuta li jixhed. Meta xhud jonqos milli jidher b’rispons għall-ewwel taħrika, il-qorti tista’ toħroġ mandat li dik il-persuna tinġieb fil-qorti (mandat de aducere). F’materji urġenti, il-qorti tista’ toħroġ tali mandat anke għall-ewwel smigħ.
Jekk persuna tonqos milli tidher jew tirrifjuta li twieġeb mistoqsijiet, il-qorti tista’ tqis dan bħala ammissjoni sħiħa jew evidenza inizjali biss favur il-parti li tkun ipproponiet l-interrogazzjoni.
Dawn li ġejjin ma jistgħux ikunu xhieda: qraba mid-demm u qraba biż-żwieġ sa u inkluż it-tielet grad ta’ parentela; konjuġi, eks-konjuġi, persuni li tgħarrsu biex jiżżewġu jew konkubini; persuni f’relazzjonijiet ta’ mibegħda jew f’relazzjonijiet ta’ interess ma’ kwalunkwe parti; persuni ddikjarati bħala li ma għandhomx kapaċità ġuridika (sub interdicţie judecătorească); u persuni kkundannati għal ġurament falz. F’kawżi li jikkonċernaw il-filjazzjoni, id-divorzju u relazzjonijiet oħra tal-familja, il-qorti tista’ tisma’ l-qraba mid-demm u lill-qraba biż-żwieġ, bl-eċċezzjoni tad-dixxendenti.
Dawn li ġejjin huma eżenti milli jidhru bħala xhieda:
Il-qorti tħarrek lix-xhieda u tiddetermina l-ordni li fiha għandhom jinstemgħu. Qabel jinstema’ ix-xhud jiġi identifikat u mitlub jieħu ġurament. Kull xhud għandu jinstema’ b’mod separat. Ix-xhud l-ewwel iwieġeb il-mistoqsijiet mistoqsija mill-president tal-qorti, u mbagħad bil-permess tal-president, il-mistoqsijiet mistoqsija mill-parti li pproponietu u mill-kontroparti. Xhud li ma jistax jidher quddiem il-qorti jista’ jinstema’ fil-post fejn jinsab.
Ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tirregola r-reġistrazzjonijiet tas-smigħ jew tal-vidjo tax-xhud, iżda tali reġistrazzjonijiet huma ammissibbli. Dawn imbagħad jistgħu jiġu traskritti fuq talba ta’ parti interessata f’konformità mal-liġi.
Jekk parti li tkun issottomettiet dokument tinsisti li tużah anke jekk jiġi allegat li huwa falz u dik l-allegazzjoni ma tkunx ġiet irtirata, u jekk ikun hemm indikazzjoni tal-awtur tal-falsifikazzjoni jew kompliċi, il-qorti tista’ tissospendi l-proċedimenti u minnufih tgħaddi l-allegat dokument falz lill-uffiċċju tal-prosekutur kompetenti, b’rapport imfassal b’appoġġ għal talba li l-falsifikazzjoni tiġi investigata. Meta l-proċedimenti kriminali ma jkunux jistgħu jitressqu jew jitkomplew, l-inkjesta dwar il-falsifikazzjoni titwettaq mill-qorti ċivili.
Min-naħa l-oħra, il-qorti timponi multa fuq l-awtur ta’ kontestazzjoni li ssir b’mala fede għall-kitba jew l-iffirmar ta’ dokument jew għall-awtentiċità ta’ reġistrazzjoni tas-smigħ jew tal-vidjo.
Fil-valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda, il-qorti tqis is-sinċerità tax-xhieda u ċ-ċirkustanzi li permezz tagħhom saru jafu bil-fatti li jiffurmaw is-suġġett tad-dikjarazzjonijiet tagħhom. Jekk mill-proċedimenti l-qorti tissuspetta li xhud ikun ħa ġurament falz jew ġie mxaħħam, hija tfassal rapport u tirreferi l-kwistjoni lill-korp ta’ prosekuzzjoni kompetenti.
Jekk kwalunkwe parti tammetti fatt li l-kontroparti użat bħala raġuni għar-rikors jew għad-difiża tagħha, l-ammissjoni tikkostitwixxi evidenza. Ammissjoni magħmula fil-qorti tikkostitwixxi evidenza sħiħa kontra l-persuna li għamlitha u ma tistax titqies f’partijiet separati sakemm ma jkunux relatati ma’ fatti separati li m’għandhom l-ebda konnessjoni ma’ xulxin. Ammissjonijiet barra mill-qorti jistgħu jiġu vvalutati liberament mill-qorti. Dawn huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-ammissibbiltà u t-teħid ta’ evidenza li jirregolaw evidenza oħra taħt il-liġi ordinarja.
Il-qorti tista’ taqbel li tħarrek lil kwalunkwe parti sabiex tiġi mistoqsija rigward fatti personali jekk jitqiesu rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawża.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.