Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Smigħ ta' xhieda

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

L-istandard tal-provi f’każijiet ċivili fl-Iskozja jistrieħ fuq il-bilanċ tal-probabbiltajiet, bl-oneru tal-prova fuq il-parti li trid li kwistjoni partikolari tiġi deċiża favur tagħha. Sabiex tagħmel hekk, dik il-parti trid tippreżenta biżżejjed evidenza biex issostni l-argument tagħha. Jekk l-evidenza tkun ibbażata fuq kwistjoni speċifika li tħalli l-kwistjoni kkonċernata f’bilanċ delikat, il-parti li tkun qed tiddependi fuqha bħala parti mill-kawża tagħha tista’ titlef fuq dik il-kwistjoni.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Hemm ċerti ċirkostanzi li fihom l-oneru tal-prova fuq kwistjoni partikolari ikun jinkombi lil parti iżda dik il-parti ma tkunx meħtieġa tippreżenta l-evidenza diretta kollha jew xi parti minnha biex issostniha. Hemm 4 sitwazzjonijiet prinċipali meta dan jirriżulta:

(i) meta preżunzjoni topera favur parti

(ii) meta l-kwistjoni tiġi nnotata b'mod ġudizzjarju, jiġifieri l-punti inkwistjoni jkunu kwistjonijiet li jistgħu jiġu immedjatament aċċertati minn sorsi ta' preċiżjoni inkontestabbli

(iii) meta kwistjoni bejn il-partijiet tingħad li tkun res judicata, jiġifieri li tipprevjeni kwistjoni li tkun diġà ġiet aġġudikata milli tiġi aġġudikata f’okkażjonijiet sussegwenti

(iv) meta l-punt ikun ammess formalment mill-parti l-oħra fil-bidu

Hemm 3 kategoriji ġenerali ta’ preżunzjonijiet.

Dawn huma:

  1. preżunzjonijiet tal-liġi li ma jistgħux jiġu konfutati – dawn huma prinċipji legali fissi li ma jistgħux jiġu “konfutati” jew argumentati permezz ta’ evidenza kuntrarja.
  2. preżunzjonijiet konfutabbli tal-liġi - dawn jistgħu jiġu opposti b’evidenza li turi li fil-każ partikolari ma jkunx sikur li wieħed jasal għal konklużjoni partikolari purament fuq il-bażi ta’ fatt partikolari. Madankollu, sakemm ma tiġix prodotta xi evidenza li tikkonfutaha, x’aktarx li l-qorti tasal għal dik il-konklużjoni.
  3. preżunzjonijiet konfutabbli ta’ fatt – dawn jirriżultaw mill-fatti ta’ każijiet partikolari derivati minn esperjenza umana komuni. Fir-rigward ta’ preżunzjoni ta’ fatt konfutabbli, il-Fatt A normalment ifisser il-Fatt B iżda peress li dan ma jkunx dejjem il-każ il-qorti tisma’ evidenza li tikkonfutah.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

M’hemm l-ebda regola legali li tirregola l-“piż” li jingħata lil xi element partikolari ta’ evidenza u din hija kwistjoni għall-imħallef u l-ġurija. Il-qorti għandha tkun sodisfatta mill-parti li jkun hemm l-oneru tal-prova fuqha fuq kwistjoni partikolari, li l-verżjoni tagħha tal-fatti tkun aktar probabbli minn dik tal-avversarji tagħha.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Imħallef ma jistax jagħmel investigazzjonijiet f'każ f'ismu stess, jew isejjaħ xhieda jew jinterrogahom fil-privat. Kull meta l-każ jitlob prova, l-imħallef jisma’ lill-partijiet dwar l-evidenza li jkunu ddeċidew li jippreżentaw quddiemu, u mbagħad jieħu deċiżjoni dwar il-każ.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

B’mod ġenerali, ladarba l-partijiet ikunu ffinalizzaw in-noti tagħhom bil-miktub, ikunu jistgħu jitolbu lill-qorti biex tiġi stabbilita prova. Fil-prova, il-partijiet jippreżentaw lill-imħallef l-evidenza li jixtiequ jwasslu biex jipprovaw il-każ tagħhom.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

F'każijiet fejn il-qorti tiddeċiedi li biċċa evidenza partikolari ma tkunx ammissibbli.

Sabiex l-evidenza tkun ammissibbli, din trid tissodisfa żewġ rekwiżiti. Trid tkun rilevanti u trid tikkonforma mar-regoli perentorji tal-evidenza.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Hemm 3 tipi ta’ smigħ fejn tista’ tingħata l-evidenza fil-merti ta’ każ. Dawn huma provi, provi qabel ma tingħata tweġiba u ġurijiet. Prova qabel ma tingħata tweġiba hija prova f’każ li fih il-qorti tqis li jkun meħtieġ li tisma’ l-evidenza taż-żewġ partijiet qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe mistoqsija legali li jista’ jkollha tiġi riżolta sabiex tittieħed deċiżjoni finali fil-każ. Kważi s-seduti kollha tal-evidenza huma bil-provi jew provi qabel ma tingħata tweġiba u huwa rari ħafna li l-każijiet jgħaddu għal ġuri. Il-ġurijiet huma disponibbli biss fil-Qorti tas-Sessjoni (Court of Session) f’tipi ta' azzjoni partikolari, u fil-Qorti speċjalizzata tax-Xeriff tad-Dannu Personali (Sheriff Personal Injury Court).

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Normalment l-evidenza tinkiseb bi 3 modi: permezz ta’ evidenza orali, reali u dokumentarja ta’ xhud.

L-evidenza orali tinkludi xhieda fuq kliem ħaddieħor li hija meta xhud sempliċiment jirrakkonta dak li xi ħadd ra jew sema’. Sa fejn hu possibbli, il-prassi hija li x-xhieda jkunu preżenti fil-qorti biex jagħtu x-xhieda tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu eżaminati u kontroeżaminati.

L-evidenza reali hija xi ħaġa tanġibbli u fiżika u trid tiġi ppreżentata bħala “produzzjoni”. Normalment, mill-inqas xhud wieħed irid jitkellem dwar l-evidenza sabiex din tkun ammissibbli.

L-evidenza dokumentarja tista’ tkun miktuba, stampata, jew irreġistrata b’xi mod affidabbli ieħor bħal fuq tejp, vidjo, CD jew elettronikament, u għandha tiġi ppreżentata bħala produzzjoni wkoll . Normalment ix-xhieda esperti jkunu meħtieġa jattendu l-qorti biex jagħtu x-xhieda tagħhom eż. biex jixhdu dwar rapport ippreżentat bħala produzzjoni.

Evidenza bil-miktub bħal affidavits hija regolarment ammessa u aċċettata bħala evidenza fi proċedimenti ċivili. Normalment, xhieda esperti jmorru l-qorti biex jagħtu l-opinjoni tagħhom bħala evidenza fil-proċedimenti. F’ħafna każijiet, espert jitkellem favur rapport ippreżentat bħala produzzjoni.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Hemm regola ġenerali li trid tiġi prodotta l-aħjar evidenza fil-każ. Fl-Iskozja, tingħata importanza kbira lill-evidenza orali ta’ xhud aktar milli lil forom oħra ta’ evidenza, għaliex ix-xhud ikun jista’ jipprovdi lill-qorti rendikont dirett ta’ dak li jkun ra jew sema’.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

F’ċerti ċirkostanzi huwa meħtieġ dokument bil-miktub. Pereżempju għall-kostituzzjoni ta’ kuntratt relatat mal-art, fi trust fejn persuna tiddikjara lilha nnifisha bħala l-fiduċjarju waħdieni tal-proprjetà tagħha stess jew ta’ kwalunkwe proprjetà li tista’ takkwista jew meta tagħmel kwalunkwe testment, dispożizzjoni testamentarja fiduċjarja u saldu jew addendum.

Barra minn hekk, f’każijiet fejn wieħed għandu jiddependi fuq evidenza dokumentata, l-oriġinal tad-dokument għandu jiġi ppreżentat sakemm il-partijiet ma jaċċettawx kopja tal-oriġinal jew kopja li tkun ġiet awtentikata kif xieraq bħala kopja vera mill-persuna li tkun qed tagħmel il-kopja.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

B’mod ġenerali, kull xhud li jissejjaħ biex jixhed huwa obbligat li jagħmel hekk.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

F’każijiet fejn xhieda jkollhom privileġġ li ma jwiġbux mistoqsijiet eż. komunikazzjonijiet bejn konsulent legali u l-klijent tiegħu. Hemm ukoll regola ġenerali fil-liġi tal-Iskozja li persuna ma tistax tiġi mġiegħla tinkrimina ruħha. Xhud huwa intitolat jirrifjuta li jwieġeb mistoqsija jekk tweġiba veritiera tista’ twassal għal reat jew tinvolvi l-ammissjoni ta' adulterju peress li tweġiba mhux veritiera tista' twassal għal akkuża ta' sperġur.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Jekk persuna tirrifjuta li tixhed, allura hija tista' tiġi imġiegħla tixhed b'theddida ta' akkuża ta' disprezz tal-qorti. Jekk xhud jirrifjuta li jixhed, huwa possibbli wkoll li tiġi ppreżentata bħala evidenza dikjarazzjoni preċedenti ta’ dak l-istess xhud.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Le. L-Att tal-2004 dwar ix-Xhieda Vulnerabbli (l-Iskozja) (Vulnerable Witnesses (Scotland) Act) neħħa t-“test ta’ kompetenza” għax-xhieda fi proċedimenti kriminali u ċivili u għalhekk l-evidenza mhijiex inammissibbli biss għax xhud ma jifhimx id-dmir li jagħti evidenza vera jew id-differenza bejn il-verità u l-gideb. Ikun f’idejn l-imħallef jew il-ġurija li jiddeċiedu jekk ix-xhieda hijiex affidabbli u kredibbli fid-dawl tal-evidenza kollha fil-każ.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Ir-rwol tal-imħallef huwa li jiżgura li l-partijiet jagħmlu mistoqsijiet b’mod ġust lix-xhieda meta jixhdu. L-imħallef irid jaġixxi wkoll b'imparzjalità. L-imħallef jista’ wkoll jistaqsi mistoqsijiet sabiex pereżempju jiċċara kwistjoni li tibqa’ oskura jew biex jiftaħ linja oħra ta’ inkjesta li jidher li tkun rilevanti. Ir-rwol tal-partijiet huwa li jippreżentaw ix-xhieda rispettivi tagħhom li mbagħad kull wieħed minnhom jiġi kontroeżaminat mill-parti jew partijiet l-oħra.

Skont l-Att tal-2004 dwar ix-Xhieda Vulnerabbli (l-Iskozja) (Vulnerable Witnesses (Scotland) Act) xhieda vulnerabbli (kif definiti fl-Att) huma intitolati jitolbu miżuri speċjali (eż. konnessjoni diretta tat-televiżjoni, skrin, sostenitur) biex jgħinuhom jagħtu l-evidenza tagħhom. F’ċerti proċedimenti taħt l-Att dwar it-Tfal (l-Iskozja) tal-1995 l-evidenza ta’ xhud tista’ tittieħed ukoll permezz ta’ konnessjoni diretta tat-televiżjoni.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-qorti għandha diskrezzjoni jekk teskludix evidenza li tkun inkisbet b’mod mhux xieraq li tkun soġġetta għall-għan prevalenti tal-interessi tal-ġustizzja.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Jekk parti f’kawża ċivili tagħti xhieda, il-qorti tqis dan flimkien ma’ kwalunkwe evidenza oħra li tkun semgħet meta tkun qed tieħu deċiżjoni dwar il-każ.

L-aħħar aġġornament: 09/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.