Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Il-miżuri kawtelatorji u dawk ta' prevenzjoni huma eżempji ta' miżuri kawtelatorji. Il-liġi Awstrijaka tipprovdi għall-proċedimenti kawtelatorji li ġejjin:

  • miżuri għall-protezzjoni tal-provi;
  • miżuri biex isir il-bejgħ obbligatorju tal-kollateral;
  • mandati kawtelatorji ta' inibizzjoni.

Il-fattur komuni f'dawn il-miżuri kawtelatorji kollha huwa li l-partijiet m'għandhomx għalfejn iġibu prova konkreta ta' dak li jsostnu; iżda biss provi prima facie tiegħu (jiġifieri li juruh b’mod kredibbli).

Il-mandati kawtelatorji ta’ inibizzjoni huma l-aktar importanti fost dawn il-miżuri, u huwa għalhekk li n-noti ta’ hawn taħt huma limitati għalihom biss.

Il-mandati kawtelatorji ta' inibizzjoni huma deċiżjonijiet tal-qorti fil-forma ta' ordni li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni fil-futur, tirregola ċ-ċirkostanzi preżenti għal ċerti tul ta' żmien jew tikseb issodisfar provviżorju ta' xi pretensjoni.

Il-mandati kawtelatorji ta' inibizzjoni jinqasmu fis-sottodiviżjonijiet li ġejjin:

  • dawk li jiggarantixxu pretensjoni għal pagament fi flus;
  • dawk li jiggarantixxu pretensjoni li titwettaq xi azzjoni;
  • dawk li jipproteġu dritt jew relazzjoni legali.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Il-mandati kawtelatorji ta' inibizzjoni jingħataw biss wara li ssir talba. Il-partijiet huma r-rikorrent u l-intimat. Il-qrati li ġejjin għandhom ġuriżdizzjoni biex joħorġu mandat kawtelatorju ta’ inibizzjoni:

  • meta jkunu diġà bdew il-proċedimenti: il-qorti fejn ikun qed isir il-proċess fl-istess istanza;
  • waqt il-proċess ta' eżekuzzjoni: il-qorti ta' eżekuzzjoni;
  • qabel l-azzjoni ewlenija fi proċedimenti kontenzjużi jew bejn il-proċess u l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni: il-qorti distrettwali (Bezirksgericht) fid-distrett fejn hemm il-ġuriżdizzjoni ġenerali tal-intimat;
  • inkella, il-post ta’ ġuriżdizzjoni tas-suġġett tal-mandat ta’ inibizzjoni jew tal-post ta’ residenza permanenti jew temporanju tad-debitur terz, jew il-qorti distrettwali fejn issir l-ewwel seduta ta’ eżekuzzjoni.

Peress li l-proċedimenti huma konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni, ir-rappreżentanza legali mhux obbligatorja fl-ewwel istanza.

L-atti propja ta' eżekuzzjoni (bħal pereżempju sekwestru mill-qorti) isiru ex officcio (mill-marixxal tal-Qorti). Bħala regola, l-ispejjeż ta' mandat kawtelatorju ta' inibizzjoni, li jiddependu fuq il-valur tal-pretensjoni, inizjalment jitħallsu mir-rikorrent. Rikorrenti jista' jitlob rimborż tal-ispejjeż biss jekk jingħata raġun fil-proċedimenti ewlenija. Madankollu, jekk intimat jingħata raġun fil-mument tad-deċiżjoni dwar il-mandat kawtelatorju ta' inibizjoni, dan diġà jkun intitolat għar-rimborż tal-ispejjeż.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Sabiex jinkiseb mandat kawtelatorju ta' inibizzjoni, il-parti leża trid tippreżenta rikors li jasserixxi u jipprovdi provi prima facie ta’ pretensjoni monetarja, pretensjoni mhux monetarja għal xi prestazzjoni oħra jew għal xi dritt ikkontestat jew relazzjoni legali kif ukoll li jkun jeżisti riskju.

Sabiex jinkiseb mandat kawtelatorju ta’ inibizzjoni bħala garanzija għal pretensjoni monetarja, ir-rikorrent irid jipprovdi prova prima facie ta’ riskju suġġettiv; jiġifieri prova prima facie li, mingħajr il-mandat, l-intimat se jieħu miżuri li jfixklu jew jikkumplikaw il-ġbir tal-pretensjoni monetarja.

Fil-każ tat-tipi kollha l-oħra ta’ mandati kawtelatorji ta’ inibizzjoni, hija meħtieġa biss prova prima facie ta’ riskju oġġettiv, jiġifieri li, mingħajr il-mandat kawtelatorju ta’ inibizzjoni, is-segwitu u l-ġbir tal-pretensjoni permezz tal-qrati jiġu ostakolati jew jiġu kkumplikati b’mod konsiderevoli, speċjalment bħala riżultat ta’ bidla fis-sitwazzjoni preżenti tas-suġġett tal-mandat ta’ inibizzjoni.

Fil-każ ta’ mandati kawtelatorji ta’ inibizzjoni biex jiġu eżegwiti pretensjonijiet monetarji u forom oħra ta’ mandati kawtelatorji, ikun biżżejjed bħala prova prima facie tar-riskju li l-pretensjoni jkollha tiġi eżegwita f’pajjiżi li fihom l-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet la tkun garantita minn Trattati internazzjonali u lanqas mid-dritt tal-UE.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Il-mezzi kollha biex il-pretensjoni monetarja tiġi eżegwita huma nklużi fil-Kodiċi ta' Eżekuzzjoni (Exekutionsordnung). Il-miżuri huma dawn:

  • miżuri biex jiġu sekwestrati u amministrati assi mobbli;
  • ordni li tipprojbixxi d-disponiment jew ir-rahan ta' assi fiżiċi mobbli
  • ordni ta’ projbizzjoni ta’ partijiet terzi;
  • miżuri għall-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-intimat;
  • ordni li tipprojbixxi d-disponiment jew l-iskrizzjoni ta' piżijiet fuq proprjetà jew drittijiet reġistrati fir-Reġistru tal-Artijiet.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

L-effetti ta’ dawn il-miżuri jvarjaw skont il-garanzija pprovduta. Is-sekwestru u l-amministrazzjoni ta' assi fiżiċi tneħħi dawn l-assi mill-influwenza diretta tal-intimat. Fil-prinċipju, anki d-disponiment legali tal-assi sekwestrati u amministrati huwa null u bla effett. Il-liġi tikkonċedi lill-qrati diskrezzjoni wiesgħa biex tagħti direttivi "neċessarji jew utli" waqt li l-oġġetti jkunu qed jinżammu jew amministrati sabiex ma jsirux tibdiliet li jistgħu jnaqqsulhom il-valur jew id-dħul minnhom. Tali struzzjonijiet jistgħu, pereżempju, jinkludu l-bejgħ ta' oġġetti sekwestrati li jitħassru.

Id-disponimenti kollha li jiksru projbizzjoni fuq id-disponiment jew l-għoti bħala rahan ta' assi mobbli u tanġibbli huma nulli u bla effett.

Ordnijiet ta' projbizzjoni ta' parti terza konċessi mill-qorti jipprojbixxu li l-intimat jiddisponi minn jew jiġbor kull pretensjoni kontra partijiet terzi. Fl-istess ħin, il-partijiet terzi jiġu ordnati biex ma jħallsu l-ebda dejn li jkollhom mal-intimat u biex ma jikkonsenjaw l-ebda oġġett li jkun dovut lilu jew li jagħmlu xi ħaġa oħra li tista' ttellef jew tikkomplika b'mod konsiderevoli l-eżekuzzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-pretensjoni jew l-oġġetti dovuti jew li għandhom jiġu kkonsenjati sakemm il-qorti ma toħroġx avviż ieħor. Fi kliem ieħor, id-debituri terzi jistgħu jiġu pprojbiti biss milli jwettqu obbligu jew itellfu l-eżekuzzjoni; ma jistgħux jiġu pprojbiti li jagħmlu pagament lill-rikorrent jew milli jeżerċitaw xi dritt. Partijiet terzi li ma jikkonformawx ruħhom mal-ordni huma responsabbli għal danni. Jekk id-disponimenti bi ksur ta' mandati ta' inibizzjoni humiex nulli u bla effett mhux regolati espressament bil-liġi u l-opinjoni legali fl-Awstrija hija maqsuma dwar dan is-suġġett.

Sabiex tiġi amministrata l-proprjetà immobbli tal-intimat, jinħatar amministratur li jkun sussegwentement taħt is-superviżjoni tal-qorti.

Fir-Reġistru tal-Artijiet tiddaħħal annotazzjoni fis-sens li d-debitur ikun ipprojbit milli jiddisponi minn jew li jsiru xi piżijiet fuq il-proprjetajiet jew id-drittijiet tiegħu reġistrati fir-Reġistru tal-Artijiet. Meta ssir dik l-annotazzjoni, id-disponiment volontarju tal-proprjetà jew tad-drittijiet mill-intimat, u l-annotazzjonijiet korrispondenti fir-Reġistru tal-Artijiet jibqgħu possibbli, iżda b'effett limitat fejn jidħol ir-rikorrent. Ikun biss f'każ li l-pretensjoni tar-rikorrent tiġi miċħuda mill-qorti f'sentenza finali, jew jekk il-mandat kawtelatorju ta' inibizzjoni jiġi xort'oħra kkanċellat li l-parti terza tkun tista' tidħol f'pussess sħiħ tad-drittijiet tagħha, inkluż fejn jidħol ir-rikorrent, u l-projbizzjoni tkun tista' titneħħa.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Mandat kawtelatorju ta' inibizzjoni jkun validu biss għal perjodu speċifiku ta' żmien, għalkemm jista' jiġi estiż fuq talba tar-rikorrent. Jekk mandat kawtelatorju ta’ inibizzjoni jiġi ordnat b’mod separat mill-proċedimenti sostantivi, il-qorti trid tistabbilixxi terminu raġonevoli biex il-pretensjoni ggarantita tiġi ssostanzjata u biex tiġi ppreżentata talba jew rikors għall-eżekuzzjoni. L-intimat jista' jissospendi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' inibizzjoni u jħassar il-mandati ta' inibizzjoni li jkunu diġà fis-seħħ billi jiddepożita somma għall-fidi.

Il-mandati kawtelatorji ta’ inibizzjoni jkunu jridu jiġi kkanċellati fuq talba, jew ex officio, jekk:

  • l-iskadenza biex tiġi ssostanzjata l-pretensjoni tkun għaddiet;
  • il-mandat kawtelatorju ta’ inibizzjoni jkun ġie eżegwit b’mod aktar wiesa’ milli kien meħtieġ għall-protezzjoni tar-rikorrent;
  • ma jkunux għadhom issodisfati l-kundizzjonijiet biex ikun hemm mandat;
  • l-intimat ikun ħallas somma għall-fidi jew ikun ipprovda garanzija;
  • ma jkunx għad hemm raġuni għall-mandat.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Hemm żewġ tipi ta' appell skont il-proċedura tal-mandati kawtelatorji ta’ inibizzjoni, li l-ebda wieħed minnhom ma jtawwal il-proċedimenti:

  • oġġezzjoni għall-mandat kawtelatorju stess: jekk l-intimat u d-debitur terz ma jkunux instemgħu qabel, dawn jistgħu jippreżentaw oġġezzjoni fi żmien 14-il jum. Tista' tiġi ppreżentata evidenza ġdida sabiex jiġi żgurat smigħ ġust. Il-qorti tal-ewwel istanza tiddeċiedi dwar dawn l-oġġezzjonijiet permezz ta' ordni u s-seduta tal-appell ma tkunx miftuħa għall-pubbliku;
  • huwa disponibbli wkoll appell magħruf bħala Rekurs kontra kull ordni mogħtija fi proċedimenti ta' mandat kawtelatorju ta' inibizzjoni. Il-perjodu ta' żmien biex jiġi ppreżentat appell bħal dan huwa ta' 14-il jum. Il-proċess tal-appell huwa proċedura purament bil-miktub li fiha tapplika ma jistgħux jiġu ppreżentati provi ġodda. Jista' jiġi ppreżentat ukoll appell dwar punt legali kontra xi ordni kkonfermat li jikkonċedi mandat ta' inibizjoni, iżda mhux jekk ikun ġie miċħud ir-rikors għal mandat ta' inibizzjoni.

Regoli speċjali:

Il-liġi tipprevedi dan li ġej:

  • akkomodazzjoni temporanja għall-konjuġi (ddivorzjata);
  • regolazzjoni temporanja, l-użu jew is-salvagwardja ta' assi matrimonjali u tfaddil matrimonjali;
  • akkomodazzjoni temporanja għat-tfal;
  • mandati kawtelatorji ta’ inibizzjoni kontra l-vjolenza domestika;
  • mandati kawtelatorji ta’ inibizzjoni kontra l-vjolenza b’mod ġenerali;
  • mandati kawtelatorji ta’ inibizzjoni kontra l-invażjoni tal-privatezza;
  • miżuri biex jiġi ssodisfat il-bżonn urġenti ta’ akkomodazzjoni ta’ konjuġi.
  • kera temporanja.

Fost dawn ir-regoli speċjali, il-mandati ta' inibizzjoni kawtelatorji kontra l-vjolenza għandhom importanza speċjali. L-Awstrija għandha sistema sempliċi ħafna iżda effiċjenti ta' protezzjoni kontra l-vjolenza li tippermetti residenti vjolenti li jitkeċċa mid-dar u ma jitħalliex jirritorna. Persuna li minħabba l-imġieba vjolenta tagħha ma jkunx raġonevoli li tistenna li l-persuna l-oħra tiltaqa' magħha tista' wkoll tiġi pprojbita milli tiffrekwenta ċerti postijiet jew li tagħmel kuntatt magħha. L-aktar fattur importanti huwa li din is-sistema tipprovdi għal kooperazzjoni mill-qrib għall-prevenzjoni tal-vjolenza domestika bejn il-pulizija, il-qrati, iċ-ċentru lokali dwar il-vjolenza domestika u, fejn ikunu involuti l-minuri, l-aġenziji tal-protezzjoni taż-żgħażagħ. F’ċerti każijiet jiġi pprovdut rappreżentant minn organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi.

Il-forzi tal-ordni għandhom il-poter skont il-liġijiet tal-pulizija li joħorġu ordni ta' tkeċċija jew ta' trażżin ta' ġimgħatejn għal persuni li jkunu pperikolaw il-ħajja, is-saħħa jew il-libertà ta' persuni oħra. Jekk jiġi ppreżentat rikors għal mandat kawtelatorju ta’ inibizzjoni lill-qorti, l-ordni tiġi estiza għal massimu ta’ erba’ ġimgħat. Il-pulizija trid tinforma wkoll liċ-ċentru lokali dwar il-vjolenza domestika, sabiex dan ikun jista' jipprovdi sostenn lill-vittmi.

Jekk persuna tagħmel il-koabitazzjoni kontinwament intollerabbli għall-persuna l-oħra b’attakk fiżiku, bit-theddid ta’ attakk fiżiku, jew bi kwalunkwe imġiba li tagħmel ħsara kbira lis-saħħa mentali tal-persuna l-oħra, il-Qorti għandha, meta l-persuna l-oħra tressaq rikors:

  • tordna lill-ewwel persuna biex titlaq mir-residenza u mill-viċinat tagħha u
  • li ma tirritornax lejn id-dar jew il-viċinat waqt li d-dar tkun qed tintuża biex tissodisfa l-bżonn urġenti tar-rikorrent għall-akkomodazzjoni.

Il-qorti tista' wkoll tipprojbixxi li l-persuna mkeċċija tiffrekwenta ċerti postijiet speċifiċi (bħat-triq barra d-dar jew l-iskola tat-tfal) u tordnala biex ma tiltaqax jew ma tikkuntattjax lir-rikorrent, sakemm ma jkunx hemm kunflitt mal-interessi serji tal-intimat stess.

Il-mandati kawtelatorji ta' inibizzjoni, mogħtija b'rabta mal-proċedimenti ewlenin, bħal ma huma l-proċedimenti ta' divorzju, proċedimenti ta' annullament, proċedimenti dwar id-diviżjoni tal-proprjetà jew il-proċedimenti biex jikkjarifikaw id-drittijiet ta' użu tad-dar, japplikaw sakemm tingħata s-sentenza finali fil-proċedimenti ewlenin. Il-mandati kawtelatorji ta' inibizzjoni jistgħu jinħarġu irrispettivament minn jekk il-partijiet ikunux għadhom jgħixu flimkien jew le, kif ukoll indipendentement mill-proċedimenti ewlenin. Madankollu, jekk il-proċedimenti ewlenin ikunu pendenti, ma jistax jinħareġ mandat ta' inibizzjoni għal aktar minn sitt xhur.

Jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet, mandat kawtelatorju ta' inibizzjoni jrid jiġi infurżat immedjatament jew ex officcio jew inkella fuq talba. L-awtorita tal-eżekuzzjoni (l-uffiċjal ġudizzjarju) trid toħroġ lill-intimat mid-dar u teħodlu ċ-ċwievet kollha tad-dar li jkollu u tiddepożitahom il-qorti. Meta jkun qed jiġi infurzat ordni ta' protezzjoni kontra l-vjolenza domestika, il-qorti tista' tagħti struzzjonijiet lill-forzi tal-ordni biex tuża l-uffiċċjali tal-forzi tal-ordni li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Dan iseħħ ta’ spiss fil-prattika, li jfisser li l-mandati kawtelatorji ta’ inibizzjoni kontra l-vjolenza ġeneralment jiġu eżegwiti mill-pulizija aktar milli minn uffiċjal ġudizzjarju.

L-aħħar aġġornament: 01/08/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.