Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Bulgarija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Il-proċess huwa kkaratterizzat ġeneralment minn perjodu itwal jew iqsar ta’ żmien. Dan id-dewmien, li jirriżulta minħabba l-fażijiet differenti u l-istanzi differenti li jgħaddi minnhom il-proċess, kultant jista’ jwassal biex il-protezzjoni legali tkun ineffikaċi minħabba dewmien fl-għoti ta’ sentenza u fid-dħul fis-seħħ tagħha. B’kont meħud ta’ dan, il-leġiżlatur ippreveda sett ta’ miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw l-effikaċja tal-protezzjoni ġudizzjarja mitluba li jirrestrinġu l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet ta’ proprjetà mill-intimat.

Il-kwistjonijiet marbutin mal-garanzija tal-pretensjoni huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 389-404 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (KPĊ).

Skont l-Artikolu 391 tal-KPĊ, il-garanzija tat-talba hija permessa meta, mingħajr dawn il-miżuri provviżorji, ikun impossibbli jew diffiċli għar-rikorrent biex jimplimenta d-drittijiet mogħtija lilu mis-sentenza u meta: a) it-talba hija appoġġjata minn evidenza dokumentata jew b) il-garanzija trid tingħata f’ammont determinat mill-qorti skont l-Artikoli 180 u 181 tal-Att dwar l-Obbligi u l-Kuntratti (OCA). Garanzija tista’ tintalab skont id-diskrezzjoni tal-qorti anke meta jkun hemm evidenza dokumentata.

Rekwiżit fundamentali u kundizzjoni obbligatorja għall-għoti ta’ miżuri provviżorji huwa r-riskju tal-inabilità tar-rikorrent li jimplimenta d-drittijiet tiegħu mogħtija mis-sentenza li jista’ jkun li tingħata fir-rigward ta’ talba potenzjalment sostanzjata.

Sabiex tippermetti illi t-talba tiġi garantita, il-qorti jivvaluta jeżistux il-prerekwiżiti li ġejjin: il-bżonn ta’ garanzija għat-talba, ġustifikazzjoni potenzjali għat-talba u miżura provviżorja, kif speċifikat mir-rikorrent, li hija xierqa u adegwata għall-bżonnijiet tal-każ partikolari u l-protezzjoni legali mitluba.

Skont l-Artikolu 397(1) tal-KPĊ, il-liġi tipprevedi l-miżuri provviżorji li ġejjin:

  1. il-qbid tal-proprjetà immobbli,
  2. is-sekwestru tal-assi mobbli u r-riċevibbli, inkluż is-sekwestru tal-ishma f’kumpanija,
  3. miżuri xierqa oħra determinati mill-qorti, inkluż it-teħid ta’ vettura u s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

Il-qorti tista’ tagħti wkoll diversi miżuri kawtelatorji sal-ammont tat-talba (mingħajr il-ħtieġa li jiġi żgurat aktar minn dak l-ammont).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?


2.1 Il-proċedura

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 34 tal-KPĊ, il-garanzija tat-talba hija permessa:

  1. skont l-Artikolu 389 tal-KPĊ – għal kull tip ta’ talba – fir-rigward ta’ kull stadju tal-każ, qabel il-konklużjoni tal-inkjesta ġudizzjarja matul il-proċedimenti fl-appell,
  2. skont l-Artikolu 390 tal-KPĊ, il-pretensjonijiet kollha jistgħu jiġu garantiti anke qabel tinfetaħ il-kawża (garanzija ta’ talba futura).

Ir-rikors għal miżuri provviżorji pendente lite:

Dan ir-rikors jiġi ppreżentat mir-rikorrent quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni biex tisma’ l-kwistjoni legali. Biex tiġi tingħata garanzija għal pretensjoni, iridu japplikaw il-prerekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 391 tal-KPĊ: ġustifikazzjoni probabbli tal-pretensjoni, l-eżistenza tal-ħtieġa li tiġi garantita l-pretensjoni, jiġifieri riskju tal-effetti tad-deċiżjoni tal-qorti li tilqa’ t-talba (jekk tali deċiżjoni tinħareġ) li tiġi mfixkla minħabba li l-intimat ikun iddispona mill-proprjetà tiegħu li tista’ tinqabad, kif ukoll l-adegwatezza tal-miżura speċifikata. Skont l-Artikolu 391(2)(3) tal-KPĊ, meta ma jkunx hemm biżżejjed provi, biex tkun ipprovata l-ġustifikazzjoni probabbli tal-pretensjoni, il-qorti tista’, fid-diskrezzjoni tagħha, titlob ukoll il-ħlas ta’ garanzija finanzjarja f’ammont iddeterminat minnha.

Il-garanzija tat-talba hija permessa wkoll anke waqt li l-każ ikun sospiż.

Ir-rikors għall-garanzija ta’ talba futura:

Ir-rikors jiġi ppreżentat fil-post fejn ir-rikorrent għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn tinsab il-propjetà li se sservi bħala garanzija tat-talba. Meta jkun hemm talba għal miżura provviżorja għas-”sospensjoni tal-eżekuzzjoni”, ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni minħabba l-post ta’ eżekuzzjoni.

Meta l-miżuri provviżorji jingħataw fir-rigward ta’ talba futura, il-qorti tiffissa perjodu ta’ żmien għas-sottomissjoni tat-talba, li ma jistax ikun itwal minn xahar. Il-prerekwiżiti materjali għall-għoti ta’ dawn il-miżuri provviżorji huma l-istess bħal dawk li jikkonċernaw l-għoti ta’ miżuri provviżorji rigward każ pendenti.

Ir-rikors għandu jindika l-miżuri provviżorja mixtieqa u l-valur tat-talba. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat lill-qorti reġjonali jew qorti distrettwali rilevanti, skont il-ġuriżdizzjoni u l-kompetenza tal-qorti skont l-Artikolu 104 tal-KPĊ.

Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat mill-persuna kkonċernata jew mir-rappreżentant proċedurali tiegħu (l-avukat). Mhix meħtieġa kopja peress li tali kopja ma tiġix innotifikata lill-parti avversarja minħabba li l-proċedimenti interlokutorji huma proċedimenti ex parte: dawn isiru mingħajr il-parteċipazzjoni tal-parti l-oħra (li l-patrimonju tagħha jkun affettwat mill-miżura mogħtija).

Il-miżuri provviżorji mogħtija mill-qorti huma imposti permezz ta’:

  • qbid tal-proprjetà immobbli – mill-Uffiċju tar-Reġistratur,
  • sekwestru tal-assi mobbli u tar-riċevibbli - mill-istat jew minn bailiff privat, inkluż bin-notifika, min-naħa tiegħu, ta’ partijiet terzi bħal banek u istituzzjonijiet ta' kreditu oħra,
  • miżuri provviżorji fil-konfront ta’ karozzi - mis-servizzi rilevanti tal-Pulizija tat-Traffiku,
  • miżura provviżorja tas-“sospensjoni tal-eżekuzzjoni” – trid tiġi ppreżentata kopja tas-sentenza tal-qorti lill-bailiff rilevanti li beda l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni biex jingħata l-permess,
  • miżuri oħra previsti mil-liġi - mill-istat jew bailiff privat rilevanti, magħżula mill-persuna.

Madankollu, l-Att dwar l-Insolvenza Bankarja (Zakon za bankovata nesastoyatelnost) (ZBN), bħala liġi speċjali, jipprevedi espressament il-garanzija ta’ talbiet għar-rikostituzzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza ta’ bank. Skont l-Artikolu 53(2) taz-ZBN, garanzija ta’ pretensjoni trid tingħata meta t-talba tkun sostnuta minn evidenza suffiċjenti li twassal għall-preżunzjoni li t-talba tkun iġġustifikata. Jekk x’aktarx li t-talba ma tkunx iġġustifikata, il-liġi ġenerali tippermetti l-għoti ta’ miżuri kawtelatorji meta tingħata garanzija, filwaqt li l-liġi speċjali tirrigwarda ġustifikazzjoni probabbli bħala kundizzjoni sine qua non għall-garanzija ta’ talba li għadha trid tiġi milqugħa. Għalhekk, il-garanzija ta’ talba għandha tkun milqugħa meta l-argumenti u l-evidenza ppreżentati jwasslu għall-konklużjoni li t-talba probabbilment hi ġġustifikata. Dan huwa raġonevoli, meta jitqies li skont l-Artikolu 403 KPĊ, il-parti ggarantita hija responsabbli għad-danni kkawżati mill-miżuri kawtelatorji lill-parti avversarja. Il-leġiżlatur jirrikonoxxi li l-obbligi għall-indennizz tad-danni ma għandhomx jiġu mill-patrimonju ta’ bank insolventi (għax dan inaqqas il-patrimonju tal-insolvenza u jikkawża dannu fuq il-kredituri) u, għalhekk, jistabbilixxi rekwiżit li l-garanzija ta’ talba mressqa għandha tingħata biss jekk tiġi ppreżentata biżżejjed evidenza li tagħti prova tal-ġustifikazzjoni probabbli tagħha.

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 629a(1) tal-Att dwar il-Kummerċ (Targovski zakon) (TZ), il-miżuri msemmija fil-punt 4 tal-Artikolu 630(1) tat-TZ jistgħu jingħataw bħala miżuri kawtelatorji ex ante fi proċedimenti tal-insolvenza jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi ppreservata l-proprjetà tad-debitur. Dawn il-miżuri jinkludu l-impożizzjoni ta’ mandat ta’ sekwestru, il-ħatra ta’ riċevitur provviżorju, l-ordni ta’ sospensjoni tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni pendenti, l-issiġillar ta’ bini, tagħmir, eċċ. Ir-regola ikkonċernata tippresupponi li t-talba skont l-Artikolu 625 tat-TZ għandha tkun ammissibbli, li għandha tkun sostnuta minn provi bil-miktub li jistabbilixxu l-manifestazzjoni probabbli tal-fatti li t-talba hija bbażata fuqhom u, jekk ma tkunx sostnuta minn tali evidenza, li l-attur għandu jipprovdi garanzija f’ammont stabbilit mill-qorti biex jikkumpensa lid-debitur għad-danni kkawżati f’każ li ma jiġix stabbilit li d-debitur huwa insolventi jew, rispettivament, eċċessivament midjun (l-Artikolu 629a(2) tat-TZ) u li għandu jkun hemm interess li tingħata garanzija (meta d-debitur jonfoq, jeqred u/jew jaħbi l-proprjetà tiegħu u b’hekk jipperikola l-interessi tal-kredituri u sakemm il-miżuri mitluba ma jiġux imposti, il-kredituri jistgħu jġarrbu danni minħabba li ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati meta l-proprjetà tad-debitur tiġi monetizzata). Il-liġi tirrikjedi wkoll li l-miżura kawtelatorja mitluba tkun adegwata u rilevanti għall-ħtieġa li tiġi ggarantita t-talba.

Mir-regola tal-Artikolu 629a(1) tat-TZ jirriżulta li l-garanzija ex ante fil-proċedimenti għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza tingħata biss jekk ikun hemm riskju reali li d-debitur jiddisponi mill-proprjetà tiegħu sabiex jikkawża dannu lill-kredituri. Huwa biss jekk dan il-prerekwiżit jeżisti li l-qorti tkun marbuta tikkunsidra jekk jeżistux ukoll il-prerekwiżiti l-oħrajn previsti fl-Artikolu 629a(2) tat-TZ.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Il-prerekwiżiti materjali għall-awtorizzazzjoni tal-miżuri provviżorji (kif deskritti hawn fuq) huma stabbiliti fl-Artikolu 391 tal-KPĊ.

Il-garanzija ta’ talba għal manteniment hija permessa anke mingħajr ma jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 391 tal-KPĊ fejn il-qorti tista’ tordna miżuri provviżorji ex officio.

Il-garanzija parzjali tat-talba wkoll hija permessa, iżda biss b’rabta mal-partijiet li fuqhom hemm biżżejjed provi.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

B’mod ġeneral, kwalunkwe propjetà tad-debitur tista’ tkun soġġetta għal miżuri provviżorja. Il-garanzija ta’ talba finanzjarja permezz tas-sekwestru tar-riċevibbli li mhumiex soġġetti għall-eżekuzzjoni mhix permessa.

Skont l-Artikolu 393(1) tal-KPĊ, il-garanzija ta’ talba finanzjarja kontra l-Istat, l-istituzzjonijiet tal-Istat u tal-faċilitajiet tas-saħħa skont l-Artikolu 5(1) tal-Att dwar il-Faċilitajiet tas-Saħħa mhix permessa.

It-tip ta’ assi li jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri provviżorji:

  • riċevibbli ta’ intimat minn istituzzjonijiet ta’ kreditu fuq kontijiet bankarji miftuħa magħhom,
  • beni mobbli;
  • beni immobbli;
  • karozzi, fir-rigward tat-teħid tagħhom,
  • attivitajiet ta’ eżekuzzjoni,
  • beni partikolari tad-debitur li mitlub iħallas kif evalwati f’każijiet oħrajn stabbiliti b’mod espliċitu fil-liġi.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Kwalunkwe dispożizzjoni tas-suġġett tal-miżura kawtelatorja, li ssir mid-debitur, hija ineffettiva fil-konfront tal-persuna li l-miżuri kawtelatorji jkunu ġew imposti wara talba minnha. Fir-rigward tal-beni immobbli, l-invalidità għandha effett biss fir-rigward tat-trasferimenti mwettqa wara li tkun tniżżlet il-preklużjoni tad-dritt ipotekarju - skont l-Artikolu 452 tal-KPĊ. Minbarra l-ineffikaċja relattiva (nuqqas ta’ dipendenza), id-dispożizzjonijiet effettwati jkunu kompletament effikaċi u jipproduċu l-effetti legali tagħhom.

L-Artikolu 453 tal-KPĊ jirregola l-ipoteżi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, min-naħa tal-kreditur u tal-kredituri assoċjati, tad-drittijiet miksuba wara li l-preklużjoni tad-dritt ipotekarju titniżżel fir-reġistru u tasal in-notifika tas-sekwestru.

Skont l-Artikolu 401 tal-KPĊ, il-kreditur garantit jista’ jiftaħ kawża kontra parti terza responsabbli għall-ammont jew għall-assi li din tal-aħħar tirrifjuta li titrasferixxi b’mod volontarju.

L-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti għal garanzija ta’ talba jitħallsu mill-persuna li fuq talba tagħha ngħataw il-miżuri provviżorji, kif provdut mill-Artikolu 514 tal-KPĊ b’referenza għall-Artikolu 401 tal-KPĊ, li jirregola l-miżuri provviżorji.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

L-awtorizzazzjoni għall-garanzija ta’ talba tingħata abbażi tal-prinċipju illi fir-rigward ta’ kawża pendenti, il-miżura provviżorja rilevanti tiġi imposta qabel il-konklużjoni tal-kawża permezz tas-sentenza korrispondenti li tkun daħħlet fis-seħħ.

Meta l-miżuri provviżorji jingħataw fir-rigward ta’ talba futura, il-qorti tiffissa perjodu ta’ żmien għas-sottomissjoni tat-talba, li ma jistax ikun itwal minn xahar. Jekk ma jkun hemm l-ebda prova illi t-talba ġiet ippreżentata fiż-żmien stabbilit, il-qorti tikkanċella l-miżuri provviżorji ex officio - skont l-Artikolu 390(3) tal-KPĊ.

F’każ ta’ sottomissjoni ta’ talba li fir-rigward tagħha ġew ordnati miżuri provviżorji, kif normalment ikun il-każ, il-miżuri provviżorji jibqgħu fis-seħħ u għandhom effett sakemm tiġi konkluża l-kawża.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 402 tal-KPĊ jirregola l-proċedura ta’ kanċellament għall-miżuri provviżorji milqugħa. Huwa jipprovdi illi l-parti interessata trid tippreżenta rikors u kopja tiegħu tagħtih lill-persuna li talbet għall-miżuri provviżorji. Dan tal-aħħar jista’ jippreżenta oġġezzjoni fi żmien tliet ijiem. Il-qorti, f’seduta bil-bibien magħluqa, tikkanċella l-miżura provviżorja jekk tkun sodisfatta għal kollox illi r-raġuni li għaliha ngħatat il-miżura ma għadhiex teżisti jew illi l-intimat ippreżenta garanzija, fiż-żmien stabbilit, billi ddepożita l-ammont kollu mitlub mir-rikorrent (l-Artikolu 398(2) tal-KPĊ). Is-sentenza tal-qorti għall-kanċellament tal-miżuri provviżorji hija soġġetta għal appell permezz ta’ ilment privat fi żmien ġimgħa.

Is-sostituzzjoni tal-miżuri provviżorji mogħtija, skont l-Artikolu 398 tal-KPĊ, tista’ ssir f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet:

  • skont il-paragrafu 1 - il-qorti, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tista’, wara li tinnotifika lill-parti l-oħra u tikkunsidra l-oġġezzjonijiet tagħha sottomessi fi żmien tliet ijiem wara n-notifika, tippermetti s-sostituzzjoni ta’ miżura provviżorja b’oħra,
  • skont il-paragrafu 2- f’każ ta’ garanzija ta’ talba li tista’ tiġi kkwantifikata f’termini finanzjarji, l-intimat jista’ f’kull ħin jissostitwixxi l-garanzija awtorizzata, mingħajr il-kunsens tal-parti l-oħra, bi pleġġ ta’ flus jew titoli oħra, skont l-Artikolu 180 u 181 tal-OCA.

Fil-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 398(1)(2) tal-KPĊ, il-qbid jew is-sekwestru jiġu mħassra.

Il-liġi ma teskludix lill-intimat milli jressaq talba kontra r-rikorrent għal kumpens minħabba d-danni li kkawżawlu l-miżuri provviżorji, jekk it-talba soġġetta għall-miżuri provviżorji tiġi mħassra jew ma tiġix ippreżentata fil-perjodu ta’ żmien stabbilit, kif ukoll jekk il-kawża tispiċċa (l-Artikolu 403 tal-KPĊ).

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Skont l-Artikolu 396 tal-KPĊ, is-sentenza tal-qorti rigward il-garanzija ta’ talba tista’ tiġi appellata permezz ta’ ilment privat fi żmien ġimgħa. Għar-rikorrent, dan il-perjodu ta’ ġimgħa jibda meta tingħata s-sentenza, filwaqt li għall-intimat (il-persuna li kontriha ngħataw il-miżuri provviżorji) dan jibda mid-data li fiha ġie notifikat bil-miżuri provviżorji mill-bailiff, mill-Uffiċju tar-Reġistratur jew mill-qorti. Kopja tal-ilment privat għandha tintbagħat lill-parti opposta, li trid twieġeb fi żmien ġimgħa.

Il-partijiet terzi, ukoll, huma rikonoxxuti li jkollhom interess ġuridiku biex iressqu appell jekk il-patrimonju tagħhom ikun affettwat mill-miżura kawtelatorja. Fil-proċedimenti interlokutorji ex parte, il-qorti ma teżaminax jekk l-intimat ikollux id-drittijiet li ntalbet restrizzjoni tas-setgħa ta’ disponiment tiegħu fuqhom. Għal din ir-raġuni, jista’ jiġi impost sekwestru fuq proprjetà immobbli li ma tkunx il-proprjetà tad-debitur. Is-sid attwali f’dan il-każ ikollu locus standi biex jappella d-deċiżjoni li tilqa’ s-sekwestru anki jekk dak is-sid ikun parti terza fir-rigward tal-proċedimenti.

Meta deċiżjoni li tiċħad l-għoti garanzija tat-talba tiġi appellata, ma tiġi nnotifikata kopja tal-appell tal-parti li tagħmel it-talba lill-intimat għax f’din il-fażi, ukoll, il-proċedimenti jibqgħu ex parte.

Jekk il-qorti tal-appell tikkonferma sentenza li tawtorizza jew tiċħad miżuri provviżorji, is-sentenza mhix soġġetta għal appell fil-kassazzjoni. Jekk il-qorti tal-appell tkun awtorizzat miżuri provviżorji li kienet irrifjutat il-qorti tal-prim’istanza, is-sentenza ta’ din tal-aħħar hija soġġetta għal appell permezz ta’ ilment privat quddiem il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni jekk il-prerekwiżiti tal-Artikolu 280 tal-KPĊ għal dan l-appell jiġi sodisfatti.

Skont il-KPĊ attwalment fis-seħħ, kemm il-miżuri provviżorji awtorizzati u l-ammont tal-garanzija determinati mill-qorti bħala kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-miżuri provviżorji huma soġġetti għal appell. Madankollu, l-appell quddiem il-qorti tal-appell ma jistax jissospendi l-miżuri provviżorji qabel ma tkun ingħatat sentenza dwar l-appell mill-qorti ogħla u jkun deċiż illi l-miżuri jitħassru.

L-aħħar aġġornament: 22/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.