Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna Kroat ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

L-Att dwar l-Eżekuzzjonijiet (Ovršni zakon) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 112/12, 25/13, 93/14, 55/16 u 73/17; minn hawn ’il quddiem: OZ) fit-tielet taqsima intitolata: Garanzija permezz ta’ miżuri preliminari (Osiguranje), jippreskrivi l-miżuri li ġejjin:

• garanzija permezz tal-istabbiliment obbligatorju ta’ dritt ta’ rahan fuq proprjetà immobbli - it-titolu 28

• garanzija ġudizzjarja u notarili permezz ta’ rahan fuq il-bażi ta’ ftehim tal-partijiet - it-titolu 29,

• garanzija ġudizzjarja u notarili permezz ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ oġġetti u trasferiment tad-drittijiet - it-titolu 30,

• garanzija permezz ta’ eżekuzzjoni preliminari - it-titolu 31,

• garanzija permezz ta’ miżuri preliminari - it-titolu 32,

• miżuri interim - titolu 33.

Skont l-OZ, huma biss il-miżuri definiti bħala tali minn dan l-Att jew minn Att ieħor li jistgħu jiġu ddeterminati bħala miżuri ta’ prekawzjoni. Mhumiex permessi miżuri kawtelatorji fuq oġġetti u drittijiet li, skont l-OZ, jistgħu ma jkunux soġġetti għal eżekuzzjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn dik il-liġi.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Bħala miżura (fit-tul) skont it-tifsira tal-garanzija obbligatorja tal-pretensjonijiet, l-OZ jippermetti l-garanzija permezz tal-istabbiliment obbligatorju ta’ dritt ta’ rahan fuq proprjetà immobbli u beni mobbli (eż. pretensjonijiet monetarji, introjtu - salarju, pensjoni, eċċ., kont tal-bank, titoli u ishma) u l-garanzija permezz ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ oġġetti u trasferiment ta’ drittijiet. Il-garanzija permezz tal-istabbiliment ta’ dritt ta’ rahan tista’ tkun volontarja jew obbligatorja, filwaqt li l-garanzija permezz ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ oġġetti u trasferiment ta’ drittijiet tista’ tkun biss volontarja, fi proċedimenti quddiem qorti jew nutar pubbliku.

Miżuri oħrajn irregolati mill-OZ huma garanzija permezz ta’ eżekuzzjoni preliminari, garanzija permezz ta’ miżuri preliminari u miżuri interim. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu ddeterminati biss mill-qorti b’mod obbligatorju, fuq talba ta’ parti jew ex officio.

Il-qrati tal-muniċipalità huma kompetenti sabiex jordnaw u jimplimentaw garanzija, sakemm dan il-kompitu ma jkunx ġie fdat lil xi qorti oħra skont il-liġi, filwaqt li l-qrati kummerċjali huma kompetenti sabiex jordnaw u jimplimentaw garanzija f’kawżi fejn ikunu kompetenti sabiex jordnaw l-eżekuzzjoni.

Il-ġuriżdizzjoni sabiex tiġi ordnata u implimentata garanzija ex officio tinsab f’idejn il-qorti b’ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-mozzjoni tal-kreditur garantit, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi.

Il-ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-mozzjonijiet għall-garanzija ta’ pretensjonijiet monetarji permezz tal-istabbiliment obbligatorju ta’ drittijiet ta’ rahan fuq proprjetà immobbli tinsab f’idejn il-qorti li żżomm ir-reġistru tal-artijiet li fih għandu jsir id-dħul abbażi tad-dokument eżegwibbli li jiddetermina l-pretensjoni monetarja. L-iskop tad-determinazzjoni ta’ din il-miżura huwa li tiġi garantita l-pretensjoni monetarja permezz tal-istabbiliment ta’ dritt ta’ rahan fuq il-proprjetà immobbli mid-dħul. L-effett ta’ dħul ta’ rahan huwa tali li l-eżekuzzjoni fuq din il-proprjetà immobbli tista’ tiġi implimentata wkoll kontra terzi li sussegwentement jakkwistaw din il-proprjetà immobbli.

Il-qorti tista’ tordna l-garanzija ġudizzjarja ta’ pretensjoni monetarja permezz tal-istabbiliment ta’ rahan fuq il-bażi ta’ ftehim bejn il-partijiet fuq it-talba konġunta tal-kreditur garantit u d-debitur garantit għal ċerti oġġetti sabiex tiġi garantita l-pretensjoni monetarja. Il-ġuriżdizzjoni territorjali għall-aġġudikazzjoni dwar mozzjonijiet sabiex jiġu garantiti l-pretensjonijiet monetarji tal-kreditur garantit fuq l-oġġetti u d-drittijiet tad-debitur garantit u għall-implimentazzjoni tal-garanzija tiġi ddeterminata permezz tal-applikazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tal-OZ dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti fi proċedimenti tal-eżekuzzjoni għall-ġbir ta’ pretensjonijiet monetarji fuq tipi individwali ta’ oġġetti ta’ eżekuzzjoni. Il-minuti tal-qorti jirreġistraw il-ftehim tal-partijiet dwar l-eżistenza ta’ pretensjoni u ż-żmien tal-maturità tagħha, kif ukoll il-qbil tal-partijiet li din il-pretensjoni għandha tiġi garantita permezz tal-istabbiliment ta’ dritt ta’ rahan. Il-ftehim iffirmat għandu l-effett ta’ soluzzjoni bil-qorti.

Il-garanzija notarili ta’ pretensjoni monetarja permezz tal-istabbiliment ta’ rahan fuq il-bażi ta’ ftehim bejn il-partijiet hija possibbli abbażi ta’ ftehim ta’ kreditur u debitur, magħmul fil-forma ta’ dokument notarili jew dokument privat legalizzat fir-rigward tal-kontenut, li jinkludi wkoll id-dikjarazzjoni tal-qbil tad-debitur li jista’ jinħoloq rahan fuq xi oġġetti minn tiegħu.

Il-garanzija ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ oġġetti u trasferiment ta’ drittijiet hija possibbli abbażi ta’ ftehim bejn il-partijiet li jiddaħħal fil-minuti tas-seduta ta’ smigħ ftehim bejniethom dwar it-trasferiment tas-sjieda (ta’ wħud mill-oġġetti tad-debitur garantit lill-kreditur garantit sabiex tiġi garantita l-pretensjoni monetarja speċifika ta’ kreditur garantit) jew it-trasferiment ta’ wħud mid-drittijiet tad-debitur garantit (lill-kreditur garantit għall-istess skop). Il-pretensjonijiet futuri jistgħu jiġu garantiti wkoll. Il-ftehim għandu l-effett ta’ soluzzjoni bil-qorti. Il-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali għall-aġġudikazzjoni dwar mozzjonijiet sabiex jiġu garantiti l-pretensjonijiet monetarji permezz tat-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġetti u t-trasferiment tad-drittijiet tiġi ddeterminata permezz tal-applikazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tal-OZ dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti fi proċedimenti tal-eżekuzzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet monetarji fuq tipi individwali ta’ oġġetti ta’ eżekuzzjoni.

Il-garanzija notarili permezz tat-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġetti u t-trasferiment ta’ drittijiet, jiġifieri t-trasferiment ta’ ishma jew parteċipazzjoni huwa possibbli abbażi ta’ ftehim bejn il-kreditur u d-debitur, magħmul fil-forma ta’ dokument notarili jew dokument privat legalizzat fir-rigward tal-kontenut. L-awtorizzazzjoni ta’ nutar pubbliku sabiex iwettaq azzjonijiet individwali ta’ garanzija tiġi ddeterminata f’konformità mar-regoli dwar l-uffiċċju rreġistrat u t-territorju tan-nutara pubbliċi.

Il-ġuriżdizzjoni territorjali għall-aġġudikazzjoni dwar mozzjonijiet għall-eżekuzzjoni preliminari u għall-implimentazzjoni ta’ tali eżekuzzjoni hija tal-qorti li kien ikollha ġuriżdizzjoni għall-eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument ta’ titolu ta’ eżekuzzjoni. Il-garanzija permezz ta’ eżekuzzjoni preliminari tiġi ordnata u implimentata mill-qorti. Abbażi ta’ sentenza mogħtija fi proċeduri ta’ qorti ċivili, il-qorti tordna eżekuzzjoni preliminari sabiex tiggarantixxi pretensjoni mhux monetarja li ma tistax tiġi garantita permezz ta’ dħul preliminari fir-reġistru pubbliku jekk il-kreditur tal-eżekuzzjoni juri li hemm riskju probabbli, minħabba d-diferiment tal-eżekuzzjoni sakemm is-sentenza ssir legalment effettiva, li l-eżekuzzjoni ssir impossibbli jew ferm aktar diffiċli u jekk il-kreditur tal-eżekuzzjoni jipprovdi garanzija għad-dannu li jista’ jġarrab id-debitur tal-eżekuzzjoni minħabba tali eżekuzzjoni.

Il-ġuriżdizzjoni territorjali għall-aġġudikazzjoni dwar mozzjonijiet għall-garanzija permezz ta’ miżuri preliminari u għall-implimentazzjoni ta’ tali miżuri hija tal-qorti li kien ikollha ġuriżdizzjoni abbażi ta’ dokument ta’ titolu ta’ eżekuzzjoni li f’konformità miegħu tkun ġiet ordnata l-garanzija. It-test sabiex jiġi ddeterminat jekk jistgħux jiġu ordnati miżuri preliminari huwa bbażat fuq jekk il-kreditur garantit jurix li hemm riskju probabbli li, mingħajr dawn il-miżuri, l-issodisfar tal-pretensjoni jkun impossibbli jew ferm aktar diffiċli. F’ċerti kawżi, il-qorti tista’ tikkundizzjona l-miżura preliminari fuq l-għoti ta’ garanzija għad-danni li d-debitur garantit jista’ jġarrab minħabba l-ordni tagħha. Deċiżjoni motivata li tordna miżura preliminari trid tinkludi indikazzjoni tal-valur tal-pretensjoni li tkun qed tiġi garantita, inklużi l-imgħax u l-ispejjeż, il-miżura użata sabiex tiġi garantita l-pretensjoni u ż-żmien li għalih tkun qed tiġi ordnata (mhux aktar minn 15-il jum wara li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni).

Qabel jiġu istitwiti proċedimenti ta’ litigazzjoni jew kwalunkwe proċedimenti ġudizzjarji oħrajn fuq pretensjoni li tkun qed tiġi garantita, il-ġuriżdizzjoni territorjali għall-aġġudikazzjoni dwar mozzjonijiet għall-garanzija permezz ta’ miżuri interim hija tal-qorti li altrimenti kien ikollha ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-mozzjonijiet biex issir l-eżekuzzjoni. Il-ġuriżdizzjoni territorjali għall-implimentazzjoni ta’ miżuri interim tinsab f’idejn il-qorti li altrimenti kien ikollha ġuriżdizzjoni sabiex timplimenta l-eżekuzzjoni. Wara li jiġu istitwiti l-proċedimenti, il-ġuriżdizzjoni għall-aġġudikazzjoni dwar mozzjonijiet għall-garanzija permezz ta’ miżuri interim hija tal-qorti li l-proċedimenti ġew istitwiti quddiemha. Jekk iċ-ċirkostanzi ta’ kawża individwali hekk jiġġustifikaw, tista’ titressaq ukoll mozzjoni quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali sabiex timplimenta l-eżekuzzjoni. Il-qorti li kien ikollha ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikors għal eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument ta’ titolu ta’ eżekuzzjoni prodott fi proċedimenti amministrattivi għandu jkollha wkoll ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar mozzjonijiet sabiex tordna miżuri interim wara t-terminazzjoni ta’ tali proċedimenti. Il-miżuri interim jiġu ordnati mill-qorti abbażi ta’ rikors ippreżentat qabel l-istituzzjoni ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji jew matulhom u wara t-terminazzjoni ta’ dawn il-proċedimenti, sakemm tiġi implimentata l-eżekuzzjoni. Id-deċiżjonijiet dwar l-ordni ta’ miżuri interim għandhom l-awtorità ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni. It-tipi ta’ miżuri interim jiddependu mill-fatt jekk il-miżura interim tiggarantix pretensjoni monetarja jew mhux monetarja. Il-qorti tista’, skont iċ-ċirkostanzi tal-kawża, tordna diversi miżuri interim, jekk ikunu meħtieġa.

Il-gravami, id-drittijiet jew il-projbizzjonijiet fuq beni mobbli, ishma jew parteċipazzjonijiet jiddaħħlu, abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti, jiġifieri dokument notarili jew dokument privat legalizzat fir-rigward tal-kontenut, fir-Reġistru tal-pretensjonijiet tal-kredituri soġġett għal garanzija tal-qorti u notarili (Reġistru ta’ rahan) (Upisnik založnih prava) li jinżamm fl-Aġenzija Finanzjarja, li huwa bażi ta’ data tal-gravami, id-drittijiet jew il-projbizzjonijiet imdaħħlin, filwaqt li d-dħul ta’ rahan jew bidliet fid-drittijiet tal-proprjetà ta’ proprjetà immobbli jiġi rreġistrat permezz ta’ entrati fir-reġistri tal-artijiet.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Meta tordna garanzija permezz tal-istabbiliment obbligatorju ta’ dritt ta’ rahan fuq il-proprjetà immobbli, il-qorti tiddeċiedi dwar mozzjoni sabiex tiggarantixxi pretensjonijiet monetarji abbażi ta’ dokument ta’ titolu ta’ eżekuzzjoni li f’konformità miegħu ġiet ordnata l-pretensjoni monetarja. Ma jeżisti ebda rekwiżit speċjali sabiex tiġi ordnata l-garanzija u, abbażi tal-mozzjoni, il-qorti tordna l-garanzija u, abbażi tal-proprjetà immobbli mdaħħla fir-reġistru tal-artijiet, iddaħħal dritt ta’ rahan tal-kreditur garantit, kif ukoll tindika l-eżegwibilità tal-pretensjoni. Jekk id-debitur garantit ma jiddaħħalx fir-reġistru tal-artijiet bħala s-sid tal-proprjetà immobbli, il-kreditur garantit għandu, flimkien mal-mozzjoni, jippreżenta dokument addattat għad-dħul tad-dritt ta’ sjieda tad-debitur garantit.

Il-kreditur garantit u d-debitur garantit jistgħu, bl-iskop li jipprovdu garanzija għal pretensjoni monetarja ta’ kreditur garantit billi jiksbu rahan fuq ċerti oġġetti ta’ garanzija, jitolbu b’mod kunsenswali lill-qorti sabiex tordna u timplimenta, għall-benefiċċju tal-kreditur garantit, ir-reġistrazzjoni ta’ rahan fuq il-proprjetà immobbli, beni mobbli, pretensjoni monetarja u oġġetti u drittijiet oħrajn tad-debitur garantit, jew inkella jistgħu jilħqu ftehim bħal dan fil-forma ta’ dokument notarili jew dokument privat, inkluża d-dikjarazzjoni ta’ qbil ta’ debitur li jista’ jinħoloq rahan fuq xi oġġetti minn tiegħu.

L-att ġudizzjarju ffirmat, jiġifieri dokument notarili jew dokument privat legalizzat fir-rigward tal-kontenut, għandu wkoll l-awtorità ta’ soluzzjoni bil-qorti kontra l-persuna li tkun qablet li jinħoloq rahan fuq l-oġġett jew id-dritt tagħha, u abbażi ta’ dawn id-dokumenti, sabiex tinġabar il-pretensjoni garantita, jipproponi direttament eżekuzzjoni kontra l-persuna li r-rahan ikun inkiseb fuq l-oġġett tagħha għall-fini ta’ garanzija ta’ pretensjoni.

Il-partijiet jistgħu b’mod konġunt jitolbu lill-qorti sabiex tiskeda seduta ta’ smigħ u ddaħħal fil-minuti ta’ din is-seduta ta’ smigħ, il-ftehim tagħhom dwar it-trasferiment tas-sjieda ta’ wħud mill-oġġetti tad-debitur garantit lill-kreditur garantit bl-iskop li tiġi garantita l-pretensjoni monetarja partikolari ta’ kreditur garantit, jew jiġu ttrasferiti wħud mid-drittijiet tad-debitur garantit lill-kreditur garantit għal dak l-iskop. Il-pretensjonijiet futuri jistgħu jiġu garantiti wkoll. Ftehim bħal dan jista’ jiġi ffirmat bħala dokument notarili jew dokument privat, legalizzat fir-rigward tal-kontenut. Il-ftehim għandu jkun fih dispożizzjoni dwar iż-żmien tal-maturità tal-pretensjoni garantita, kif ukoll dwar kif se jiġi ddeterminat dan. Id-debitur garantit jista’ jkun ukoll persuna li kontriha l-kreditur garantit ma jkollux il-pretensjoni li tkun qed tiġi garantita, jiġifieri parti terza li tagħti l-kunsens sabiex din ix-xorta ta’ pretensjoni tiġi garantita. Il-ftehim jista’ japplika wkoll għall-garanzija ta’ pretensjonijiet mhux monetarji, madankollu, f’dan il-każ, il-ftehim irid jispeċifika l-valur monetarju tal-pretensjoni. Il-pretensjoni għandha tkun aċċertata jew tista’ tiġi aċċertata. Ma’ ftehim tista’ tiżdied ukoll dikjarazzjoni tal-kunsens mid-dikjarazzjoni tad-debitur garantit li tippermetti lill-kreditur garantit sabiex jitlob direttament, skont il-minuti, eżekuzzjoni kontrih għaċ-ċediment tal-oġġett tal-garanzija wara l-maturità tal-pretensjoni garantita. Il-minuti li fihom dikjarazzjoni bħal din jikkostitwixxu dokument ta’ titolu ta’ eżekuzzjoni. Meta s-sjieda ta’ proprjetà immobbli mdaħħla fir-reġistru tal-artijiet tiġi ttrasferita permezz tal-ftehim, dan il-ftehim għandu jkun fih id-dikjarazzjoni ta’ kunsens tad-debitur garantit li t-trasferiment jista’ jiġi eżegwit direttament fir-reġistru tal-artijiet abbażi tal-ftehim u li d-dħul fir-reġistru tal-artijiet jittrasferixxi s-sjieda tal-proprjetà immobbli lill-kreditur garantit, b’annotazzjoni li t-trasferiment twettaq bl-iskop li tiġi garantita pretensjoni speċifika ta’ kreditur garantit. Sakemm ma jiġix previst mod ieħor, id-debitur garantit huwa awtorizzat li jkompli juża l-oġġett li s-sjieda tiegħu tkun ġiet ittrasferita lill-kreditur garantit, jiġifieri jeżerċita d-dritt ittrasferit lill-kreditur garantit, filwaqt li l-kreditur garantit huwa awtorizzat li jbigħ il-proprjetà jew id-dritt ittrasferit lilu mal-maturità tal-pretensjoni tiegħu, jew inkella li jagħmel tajjeb għall-proprjetà immobbli b’ipoteka.

Il-garanzija permezz ta’ miżuri preliminari tista’ tiġi ordnata sabiex jiġu garantiti pretensjonijiet monetarji abbażi ta’ deċiżjoni ta’ qorti jew korp amministrattiv li jkun għadu ma sarx legalment effettiv, abbażi ta’ ftehim magħmul quddiem qorti jew korp amministrattiv, jekk il-pretensjoni ddeterminata fih tkun għadha ma mmaturatx, jew abbażi ta’ deċiżjoni notarili jew dokument notarili, jekk il-pretensjoni ddeterminata fihom tkun għadha ma mmaturatx. Il-qorti għandha, abbażi ta’ dawn id-dokumenti, tordna miżura preliminari jekk il-kreditur garantit juri bħala probabbli r-riskju li r-realizzazzjoni tal-pretensjoni ssir impossibbli jew ferm aktar diffiċli jekk ma tkunx garantita. Ir-riskju jitqies bħala probabbli jekk l-ordni ta’ miżura preliminari tkun ġiet proposta abbażi ta’ ordni ta’ ħlas jew mandat ta’ eżekuzzjoni, abbażi ta’ dokument awtentiku maħruġ skont dokument pubbliku jew dokument legalizzat minn nutar pubbliku, kambjala jew ċekk, li kontrihom tkun tqajmet oġġezzjoni fi żmien debitu; sentenza mogħtija fi proċedimenti kriminali dwar pretensjoni tal-liġi tal-proprjetà li kontriha huwa possibbli li jsir proċess ġdid; deċiżjoni li trid tiġi eżegwita barra l-pajjiż; sentenza abbażi ta’ ammissjoni li jkun tressaq appell kontriha; ftehim li jiġi kkontestat bil-mod previst mil-liġi; deċiżjoni jew dokument notarili, jekk il-pretensjoni ddeterminata fihom tkun għadha ma mmaturatx, li jkunu qegħdin jiġu kkontestati bil-mod previst mil-liġi. Il-qorti għandha tirrifjuta l-mozzjoni li tiggarantixxi b’miżura preliminari, jiġifieri tirrevoka miżura preliminari partikolari u tissospendi l-proċedimenti, jekk id-debitur garantit juri bħala probabbli li ma hemm ebda riskju jew li tali riskju ntemm.

Il-garanzija permezz ta’ miżura interim tista’ tiġi proposta qabel l-istituzzjoni tal-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji jew matulhom u wara t-terminazzjoni ta’ dawn il-proċedimenti, sakemm tiġi implimentata l-eżekuzzjoni. F’mozzjoni li tordna miżura interim, kreditur garantit irid iressaq talba li fiha għandu jindika eżattament il-pretensjoni li jrid jiggarantixxi, jiddetermina t-tip ta’ miżura li qed ifittex u t-tul ta’ żmien tagħha u, fejn meħtieġ, il-mezzi tal-garanzija li permezz tagħhom il-miżura interim tiġi eżegwita b’mod obbligatorju, kif ukoll l-oġġett tal-garanzija. Il-mozzjoni jrid ikun fiha indikazzjoni tal-fatti li fuqhom tkun ibbażata t-talba sabiex tiġi ordnata miżura interim u tressaq evidenza li tikkorrobora dawn id-dikjarazzjonijiet. Il-kreditur garantit huwa obbligat li jehmeż din l-evidenza, jekk possibbli, mal-mozzjoni. Tista’ tiġi ordnata miżura interim sabiex tiggarantixxi pretensjonijiet kundizzjonali u li ma mmaturawx u din ma tkunx permessa jekk ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet sabiex tiġi ordnata miżura preliminari li permezz tagħha jkun jista’ jintlaħaq l-istess effett ta’ garanzija. Tista’ tiġi ordnata miżura interim sabiex tiggarantixxi pretensjoni monetarja jekk il-kreditur garantit juri bħala probabbli l-eżistenza tal-pretensjoni u r-riskju li, mingħajr miżura bħal din, id-debitur garantit jimpedixxi jew jagħmel ferm aktar diffiċli l-ġbir tal-pretensjoni billi jittrasferixxi t-titolu tal-proprjetà tiegħu, jaħbiha jew jiddisponi minnha b’xi mod ieħor. Kreditur garantit ma għandux bżonn jipprova riskju jekk huwa juri li probabbli li d-debitur garantit ikun se jġarrab biss dannu insinifikanti mill-miżura proposta u jitqies li r-riskju jkun intwera jekk il-pretensjoni trid tiġi eżegwita barra l-pajjiż. Sabiex tiġi garantita pretensjoni mhux monetarja, tista’ tiġi ordnata miżura interim jekk il-kreditur garantit juri li l-eżistenza tal-pretensjoni tiegħu hija probabbli u jekk huwa juri bħala probabbli r-riskju li, mingħajr din il-miżura, id-debitur garantit jimpedixxi jew jagħmel ferm aktar diffiċli l-eżekuzzjoni tal-pretensjoni, b’mod partikolari billi jbiddel is-sitwazzjoni attwali, jew jekk juri li l-miżura probabbilment tkun meħtieġa sabiex tiġi evitata l-vjolenza jew l-okkorrenza ta’ ħsara irreparabbli. Barra minn hekk, kreditur garantit ma għandux bżonn jipprova riskju jekk huwa juri li huwa probabbli li d-debitur garantit ikun se jġarrab biss dannu insinifikanti mill-miżura proposta u jitqies li r-riskju jkun intwera jekk il-pretensjoni trid tiġi eżegwita barra l-pajjiż. Il-qorti tista’ tordna miżura interim fuq proposta tal-kreditur garantit anki meta huwa ma jkunx wera bħala probabbli l-eżistenza ta’ pretensjoni u riskju, jekk qabel ikun ipprovda, f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-qorti, garanzija għad-dannu li d-debitur garantit jista’ jġarrab mill-ordni u l-implimentazzjoni ta’ miżura interim. Jekk il-kreditur garantit ma jipprovdix id-depożitu tal-garanzija fil-limitu ta’ żmien stabbilit, il-qorti għandha tirrifjuta l-mozzjoni sabiex tagħmel il-garanzija. Il-qorti tista’, fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta’ kawża partikolari, tordna diversi miżuri interim, jekk dan ikun meħtieġ; jekk f’kawża partikolari, ikun possibbli li jiġu ordnati diversi miżuri interim, il-qorti għandha tordna dik li tkun l-aktar addattata sabiex jintlaħaq l-iskop tal-garanzija (u jekk kollha jkunu ugwalment xierqa, il-qorti għandha tordna dik li tkun l-inqas oneruża għad-debitur garantit).

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Is-suġġett tal-miżuri ta’ garanzija u l-miżuri interim jista’ jkun oġġett jew dritt tad-debitur garantit, pereżempju, proprjetà immobbli, beni mobbli, pretensjonijiet monetarji, pensjonijiet, benefiċċji tad-diżabilità, depożiti ta’ flus f’kontijiet tal-bank jew kontijiet tat-tfaddil u drittijiet ta’ proprjetà oħrajn, sa fejn dawn ma jkunux oġġetti eżentati mill-eżekuzzjoni skont il-liġi jew ma jkun hemm ebda dritt legalment ristrett għall-eżekuzzjoni fuq oġġetti (pereżempju, oġġetti li mhumiex fiċ-ċirkolazzjoni, pakketti agrikoli u bini tal-farms tal-bdiewa sal-limitu meħtieġ għas-sussistenza u s-sussistenza ta’ membri tal-familja immedjati u persuni oħrajn li legalment jeħtieġu appoġġ, eċċ.).

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Il-garanzija tal-proprjetà immobbli permezz tal-istabbiliment ta’ dritt ta’ rahan (volontarju jew obbligatorju, ġudizzjarju jew notarili) tiġi stabbilita permezz tad-dħul tar-rahan fir-reġistru tal-artijiet, li fih tkun iddaħħlet il-proprjetà immobbli.

Permezz ta’ garanzija notarili u ġudizzjarja li tinvolvi t-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġetti u t-trasferiment ta’ drittijiet, il-kreditur garantit isir is-sid ta’ oġġett jew dritt permezz ta’ entrata fil-kotba jew ir-reġistri pubbliċi legalment meħtieġa. Il-kreditur garantit u d-debitur garantit jistgħu, bl-iskop li jipprovdu garanzija għal pretensjoni monetarja ta’ kreditur garantit billi jiksbu rahan fuq ċerti oġġetti ta’ garanzija, jitolbu b’mod kunsenswali lill-qorti sabiex tordna u timplimenta, għall-benefiċċju tal-kreditur garantit:

1. ir-reġistrazzjoni ta’ rahan fuq il-proprjetà immobbli tad-debitur garantit,

2. l-iddepożitar ta’ ftehim bejn il-partijiet dwar l-istabbiliment tad-dritt ta’ rahan fuq il-proprjetà immobbli mhux imdaħħla fir-reġistri tal-artijiet fil-qorti tar-reġistru tal-artijiet,

3. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq il-beni mobbli tad-debitur garantit,

4. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq il-pretensjoni monetarja tad-debitur garantit,

5. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq parti mill-introjtu tad-debitur garantit abbażi ta’ kuntratt ta’ impjieg jew servizz,

6. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq parti mill-pensjoni, il-benefiċċju ta’ diżabilità jew il-kumpens għall-introjtu mitluf,

7. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq il-pretensjoni tad-debitur garantit fuq kont tal-bank jew ktieb tat-tfaddil,

8. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq pretensjoni għaċ-ċediment jew il-konsenja ta’ beni mobbli jew għaċ-ċediment ta’ proprjetà immobbli,

9. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq proprjetà oħra jew fuq drittijiet reali,

10. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq ċertifikati ta’ ishma u titoli oħrajn u l-konsenja tagħhom għal kustodja,

11. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq ishma li għalihom ma nħarġux ċertifikati ta’ ishma u fuq ishma u parteċipazzjonijiet f’kumpaniji,

12. l-istituzzjoni ta’ titoli miżmuma għand il-Kumpanija Depożitarja (Depozitno društvo).

Garanzija permezz ta’ eżekuzzjoni preliminari: Sabiex jiġi pprovdut titolu għal eżekuzzjoni mhux monetarju li ma jistax jiġi garantit permezz ta’ reġistrazzjoni kundizzjonali fi ktieb pubbliku, il-qorti tista’, abbażi ta’ sentenza mogħtija fi proċeduri ta’ qorti ċivili, tordna eżekuzzjoni preliminari.

Garanzija permezz ta’ miżuri preliminari: il-qorti tista’ tordna l-miżuri preliminari li ġejjin:

1. Ir-reġistrazzjoni ta’ rahan fuq il-proprjetà immobbli ta’ debitur garantit jew fuq dritt imdaħħal fuq proprjetà immobbli,

2. l-iddepożitar tal-ftehim bejn il-partijiet dwar l-istabbiliment tad-dritt ta’ rahan fuq il-proprjetà immobbli mhux imdaħħla fir-reġistri tal-artijiet fil-qorti tar-reġistru tal-artijiet,

3. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq il-beni mobbli tad-debitur garantit,

4. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq il-pretensjoni monetarja tad-debitur garantit,

5. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq parti mill-introjtu tad-debitur garantit abbażi ta’ kuntratt ta’ impjieg jew servizz,

6. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq parti mill-pensjoni, il-benefiċċju ta’ diżabilità jew il-kumpens għall-introjtu mitluf,

7. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq il-pretensjoni tad-debitur garantit fuq kont tal-bank jew ktieb tat-tfaddil,

8. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq il-pretensjoni għaċ-ċediment jew il-konsenja ta’ beni mobbli jew għaċ-ċediment ta’ proprjetà immobbli,

9. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq proprjetà oħra jew fuq drittijiet reali,

10. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq ċertifikati ta’ ishma u titoli oħrajn u l-konsenja tagħhom għal kustodja,

11. l-istituzzjoni ta’ rahan fuq ishma li għalihom ma nħarġux ċertifikati ta’ ishma u fuq ishma u parteċipazzjonijiet f’kumpaniji,

12. l-istituzzjoni ta’ titoli miżmuma għand il-Kumpanija Depożitarja (Depozitno društvo).

13. Il-projbizzjoni ta’ bank li jħallas, mill-kont ta’ debitur garantit jew ta' terzi, ammont li għalih tkun ġiet ordnata miżura preliminari.

Kreditur garantit jista’ jikseb rahan fuq l-oġġett ta’ garanzija abbażi ta’ miżura preliminari. Meta tkun ġiet ordnata projbizzjoni ta’ ħlas fuq ammont ta’ flus tad-debitur garantit miżmum f’bank, dak l-ammont ma jistax jiġi ttrasferit mill-kont għat-tul tal-projbizzjoni, ħlief sabiex titħallas il-pretensjoni garantita.

Miżuri interim

- Għall-fini tal-garanzija ta’ pretensjoni monetarja, tista’ tiġi ordnata kwalunkwe miżura li tilħaq dak l-għan u, speċifikament, dawn li ġejjin:

1. li tipprojbixxi lid-debitur garantit milli jittrasferixxi t-titolu tal-beni mobbli jew jaggravahom, sabiex jikkonfiska dawn l-oġġetti u jafdahom lill-kreditur garantit jew lil parti terza għall-kustodja;

2. li tikkonfiska u tiddepożita flus, titoli u simili lil qorti jew nutar pubbliku;

3. li tipprojbixxi lid-debitur garantit milli jittrasferixxi t-titolu ta’, jew jaggrava, proprjetà immobbli jew drittijiet in rem li huma rreġistrati fuq il-proprjetà immobbli favur tiegħu, b’annotazzjoni ta’ din il-projbizzjoni f’reġistru tal-artijiet;

4. li tipprojbixxi lid-debitur tad-debitur garantit milli jissodisfa l-obbligu tiegħu lid-debitur garantit volontarjament u li tipprojbixxi lid-debitur garantit milli jirċievi l-issodisfar ta’ dan l-obbligu, jiġifieri li jiddisponi mill-pretensjonijiet tiegħu;

5. li tordna lil bank jirrifjuta pagament mill-kont tad-debitur garantit lid-debitur garantit jew lil terzi fuq talba tad-debitur garantit, fl-ammont li għalih tkun ġiet ordnata l-miżura interim.

- Għall-fini tal-garanzija ta’ pretensjoni mhux monetarja, tista’ tiġi ordnata kwalunkwe miżura li tilħaq l-għan ta’ tali garanzija u, speċifikament, dawn li ġejjin:

1. li tipprojbixxi t-trasferiment tat-titolu u l-gravami tal-beni mobbli li kontra tagħhom tkun indirizzata l-pretensjoni, il-konfiska tagħhom u l-inkarigu tagħhom għal kustodja lill-kreditur garantit jew lil terzi;

2. li tipprojbixxi t-trasferiment tat-titolu u l-gravami tal-ishma jew tal-parteċipazzjonijiet li l-pretensjoni tkun indirizzata kontrihom, b’annotazzjoni tal-projbizzjoni fir-reġistru tal-ishma u, fejn meħtieġ, fil-minuti tal-qorti; li tipprojbixxi l-użu jew l-eżerċitar tad-drittijiet abbażi ta’ tali ishma jew ishma azzjonarji; li l-ishma jew il-parteċipazzjonijiet jiġu fdati lill-maniġment ta’ parti terza; li jitwaqqaf bord maniġerjali interim f’kumpanija;

3. li tipprojbixxi t-trasferiment tat-titolu u l-gravami ta’ drittijiet oħrajn li l-pretensjoni tkun indirizzata kontrihom u li tafda l-immaniġġjar ta’ dawn id-drittijiet lil parti terza;

4. li tipprojbixxi t-trasferiment tat-titolu u l-gravami tal-proprjetà immobbli li l-pretensjoni tkun indirizzata kontriha jew tad-drittijiet in rem irreġistrati fuq il-proprjetà immobbli li l-pretensjoni tkun indirizzata kontriha, b’annotazzjoni tal-projbizzjoni fir-reġistru tal-artijiet; li tikkonfiska l-proprjetà immobbli u tafdaha lill-kreditur garantit jew lil parti terza għal kustodja;

5. li tipprojbixxi lil debitur tad-debitur garantit milli jċedi oġġett, jittrasferixxi dritt jew iwettaq kwalunkwe obbligu mhux monetarju ieħor li l-pretensjoni tkun indirizzata kontrih lid-debitur garantit;

6. li tipprojbixxi lid-debitur garantit milli jwettaq kwalunkwe azzjonijiet li jistgħu jikkawżaw dannu lill-kreditur garantit u li tipprojbixxi kwalunkwe bidliet fl-oġġetti li l-pretensjoni tkun indirizzata kontrihom;

7. li tordna lid-debitur garantit iwettaq ċerti azzjonijiet meħtieġa sabiex jippreserva l-beni mobbli jew il-proprjetà immobbli jew jippreserva l-istat attwali tal-oġġetti;

8. li tawtorizza lill-kreditur garantit sabiex iżomm l-oġġetti tad-debitur garantit li jinżammu miegħu u li l-pretensjoni tirreferi għalihom sakemm tiġi riżolta l-litigazzjoni;

9. li tawtorizza lill-kreditur garantit sabiex iwettaq ċerti azzjonijiet jew jikseb ċerti oġġetti waħdu jew bi prokura, speċjalment bl-iskop li jerġa’ jinkiseb stat preċedenti tal-affarijiet;

10. li tippermetti lill-impjegat jirritorna temporanjament għax-xogħol; li jitħallas kumpens waqt tilwima fuq ix-xogħol, jekk dan ikun meħtieġ għall-manteniment tiegħu u għall-manteniment tal-persuni li huwa obbligat li jmantni skont il-liġi.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Il-garanzija notarili u ġudizzjarja permezz ta’ rahan jew permezz ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ oġġetti u trasferiment tad-drittijiet huma, bħala regola, validi sal-konklużjoni finali tal-proċedura.

Deċiżjoni li tordna miżura preliminari trid tinkludi indikazzjoni tal-valur tal-pretensjoni li tiġi garantita, inklużi imgħax u spejjeż, il-miżura użata sabiex tiġi garantita l-pretensjoni u ż-żmien li għalih qed tiġi ordnata. Iż-żmien li għalih tiġi ordnata miżura preliminari jista’ jdum għal mhux aktar minn 15-il jum wara li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni. Jekk iż-żmien jgħaddi qabel ma d-deċiżjoni, li abbażi tagħha ġiet ordnata l-miżura preliminari, issir eżekutorja, il-qorti għandha, fuq il-proposta tal-kreditur garantit ippreżentata lill-qorti qabel l-iskadenza tal-perjodu li l-miżura preliminari tkun ġiet ordnata għalih, testendi dan iż-żmien, diment li ma jkunux inbidlu ċ-ċirkostanzi li fihom kienet ordnata din il-miżura.

Id-deċiżjoni li permezz tagħha tiġi ordnata miżura interim tiddefinixxi wkoll it-tul ta’ żmien ta’ din il-miżura u, jekk il-miżura tiġi ordnata qabel ma tkun tressqet azzjoni jew ma jkun istitwit xi proċediment ieħor, hija tiddefinixxi wkoll il-limitu ta’ żmien li matulu l-kreditur garantit irid iressaq azzjoni, jiġifieri mozzjoni sabiex jinbdew proċedimenti oħrajn, bil-għan li tiġi ġġustifikata l-miżura. Il-qorti għandha, fuq il-proposta tal-kreditur garantit, testendi t-tul ta’ żmien tal-miżura interim, diment li ma jkunux inbidlu ċ-ċirkostanzi li fihom kienet ordnata l-miżura.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Appell kontra deċiżjoni meħuda fil-prim’istanza jista’ jiġi ppreżentat fi żmien tmint ijiem minn dakinhar li tiġi nnotifikata d-deċiżjoni tal-prim’istanza, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor mill-OZ. Bħala regola, appell ma jipposponix l-eżegwibilità ta’ sentenza. Qorti tal-appell tiddeċiedi dwar l-appell.

Appell kontra deċiżjoni dwar mozzjoni sabiex tinħareġ miżura interim ma jintbagħatx lill-parti opposta għal risposta, u l-qorti tal-appell tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar l-appell fi żmien tletin jum minn meta tirċevih.

Ma hemm ebda rimedju ġudizzjarju disponibbli kontra dokument notarili jew dokument privat legalizzat fir-rigward tal-kontenut, madankollu, debitur jista’ jressaq l-oġġezzjonijiet tiegħu kontra garanzija notarili f’litigazzjoni speċjali li fiha għandu jikkontesta l-ftehimiet. Il-partijiet terzi jistgħu jressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom kontra garanzija notarili fi proċedura quddiem il-qorti f’konformità mar-regoli li japplikaw għall-oġġezzjonijiet kontra garanzija ġudizzjarja.

Reviżjoni fil-garanzija tal-proċedimenti hija permessa biss jekk is-sentenza mogħtija fit-tieni istanza tkun tiddependi fuq is-soluzzjoni ta’ materja proċedurali jew sostantiva importanti għall-iżgurar ta’ applikazzjoni uniformi tal-liġi u għall-ugwaljanza tal-partijiet kollha fl-applikazzjoni tagħha, f’konformità mar-regoli tal-litigazzjoni. Mhuwiex permess li jsir proċess ġdid u t-treġġigħ lura ta’ status preċedenti huwa permess biss jekk tinqabeż l-iskadenza għall-appelli jew l-oġġezzjonijiet.

L-aħħar aġġornament: 06/02/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.