Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Ċipru
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Α. Kull qorti, fl-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni ċivili tagħha, tista' tordna l-ħruġ ta' mandat ta' inibizzjoni (interlokutorju, permanenti jew obbligatorju) jew taħtar riċevitur fil-każijiet fejn il-qorti jidhrilha li huwa ġust jew xieraq, anke jekk ma jkunux intalbu jew ingħataw danni jew rimedji oħra. Inibizzjoni interlokutorja ma tingħatax jekk il-qorti ma tkunx issodisfata illi hemm kwistjoni serja li għandha tiġi trattata waqt is-seduta ta' smigħ, li hemm il-possibbiltà illi r-rikorrent għandu dritt għal kumpens u li, jekk l-inibizzjoni interlokutorja ma tingħatax, ikun diffiċli jew impossibbli li ssir ġustizzja fi stadju ulterjuri (l-Artikolu 32(1) tal-Att dwar il-Qrati 14/1960, kif emendat).

B. Il-qorti tista', f'kull ħin filwaqt li hemm kawża ċivili pendenti quddiemha, tordna l-ħruġ ta' mandat ta' inibizzjoni għas-sekwestru, preservazzjoni, kustodja, bejgħ, żamma jew spezzjoni tal-proprjetà li hija l-oġġett tal-kawża jew mandat ta' inibizzjoni sabiex ma jkunx hemm telf jew ħsara jew effett avvers li, jekk ma jinħariġx il-mandat, ikollhom jiġġarrbu mill-persuna jew il-proprjetà sakemm tingħata s-sentenza finali fuq kwistjoni li tikkonċerna lil dik il-persuna jew proprjetà jew sakemm tiġi eżegwita s-sentenza tal-qorti (l-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Proċedura Ċivili, Kapitolu 6). L-għan tal-inibizzjoni mogħtija skont din id-dispożizzjoni hija li tħares (bl-għoti tal-inibizzjonijiet speċifiċi msemmija hawn qabel) il-proprjetà oġġett tal-kawża filwaqt li għadha pendenti jew sakemm tiġi eżegwita s-sentenza.

C. Kull qorti li quddiemha hemm pendenti kawża ċivili dwar djun jew danni tista', kull ħin wara l-ftuħ tal-kawża, tordna illi l-konvenut jiġi pprojbit milli jiddisponi minn kwantità ta' proprjetà immobbli rreġistrata f'ismu jew li fuqha għandu dritt jirreġistra lilu nnifsu bħala s-sid li, fid-diskrezzjoni tal-qorti, hija biżżejjed biex tissodisfa l-pretensjoni tar-rikorrent u l-ispejjeż tal-kawża. L-inibizzjoni ma tingħatax jekk il-qorti ma tkunx tal-fehma illi l-bażi għall-kawża tar-rikorrent hija soda u illi, wara l-bejgħ jew it-trasferiment tal-proprjetà lil terzi, ir-rikorrent ma jkunx jista' jeżegwixxi s-sentenza tal-qorti li tista' tingħata (l-Artikolu 5(1) u (2), Kapitolu 6). Dan l-Artikolu japplika għal kawżi dwar djun jew danni u jawtorizza l-ħruġ ta' inibizzjonijiet relatati ma' proprjetà immobbli li hija rreġistrata f'isem il-konvenut jew li fuqha l-konvenut għandu dritt jiġi rreġistrat bħala s-sid. L-Artikolu għandu l-għan li jiffriża l-proprjetà immobbli sakemm tingħata sentenza aktar 'il quddiem favur ir-rikorrent.

Is-setgħa tal-qorti deskritta fil-paragrafu A msemmi aktar 'il fuq tidher biċ-ċar li hija aktar wiesgħa minn dik deskritta fil-paragrafi B u C u tistabbilixxi il-parametri tal-ġuriżdizzjoni ġenerali tal-qrati biex jordnaw inibizzjonijiet interlokutorji restrittivi. Il-paragrafi B u C jindikaw it-tipi speċifiċi ta' inibizzjonijiet li jistgħu jordnaw il-qrati.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema, is-setgħa ġenerali msemmija fil-paragrafu A (l-Artikolu 32 tal-Att dwar il-Qrati) hija wiesgħa u tippermetti l-għoti ta' mandat ta' inibizzjoni kawtelatorju fuq proprjetà li mhix l-oġġett tal-kawża prinċipali. Skont il-ġurisprudenza, il-qrati ta' Ċipru għandhom is-setgħa illi, skont l-Artikolu 32 tal-Att dwar il-Qrati, joħorġu mandati ta' inibizzjoni interlokutorji Mareva [inibizzjonijiet biex jiffriżaw l-assi (flus jew assi mobbli) li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti, sabiex ma jkunux jistgħu jinħarġu mill-ġuriżdizzjoni jew jintefqu].

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Ir-rikors għal mandat ta' inibizzjoni kawtelatorju jista' jiġi ppreżentat f'kull stadju tal-proċedimenti li dwarhom għad hemm kawża pendenti. Il-proċedimenti għall-preżentata tar-rikors huma regolati mir-Regolamenti Proċedurali dwar il-Proċedura Ċivili. Kull dewmien min-naħa tar-rikorrent li jitlob miżura kawtelatorja huwa fattur li għandu jitqies mill-qorti.

Skont il-liġi Ċiprijotta, mandat ta' inibizzjoni kawtelatorju jista' jinħareġ mingħajr avviż lill-parti l-oħra (ex parte, ara l-Artikolu 9 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili, Kapitolu 6). Dawn il-proċedimenti huma miżura eċċezzjonali u, f'dan il-każ, l-urġenza tal-kwistjoni hija kundizzjoni proċedurali li trid tiġi ssodisfata sabiex il-qorti tkun tista' teżerċita d-diskrezzjoni tagħha mingħajr ma tisma' lill-parti l-oħra. Il-qrati japplikaw dan il-prinċipju partikolari b'mod restrittiv ħafna. Il-konsegwenzi tar-rikkorent li ma jiddikjarax fatti materjali wkoll huma serji f'rikors (ex parte) unilaterali għall-għoti ta' mandat ta' inibizzjoni kawtelatorju.

Mandat ta' inibizzjoni kawtelatorju mogħti unilateralment għandu effett immedjat man-notifika lill-konvenut, iżda jista' jerġa' jitressaq quddiem il-qorti malajr kemm jista' jkun wara n-notifika sabiex il-konvenut ikun jista' jiddikjara jekk għandux oġġezzjoni għall-ħruġ tal-mandat. Kull parti terza li tkun affettwata direttament mill-inibizzjoni tista' titlob lill-qorti biex tisma' l-fehma tagħha fuq il-kwistjoni. Jekk il-konvenut jikkontesta l-inibizzjoni, il-qorti żżomm seduta ta' smigħ sabiex tiddeċiedi jekk l-inibizzjoni għandhiex tibqa' fis-seħħ jew għandhiex tiġi revokata jew emendata. Jekk l-inibizzjoni tiġi revokata, ir-rikorrent għandu dritt jerġa' jindirizza lill-qorti, jekk ikunu nbidlu ċ-ċirkostanzi materjali tal-każ. Għandu jiġi nnutat illi f'kull każ fejn tingħata inibizzjoni kawtelatorja bbażata fuq rikors unilaterali (ex parte), il-qorti tordna lir-rikorrent sabiex, abbażi ta' dispożizzjoni ġuridika espliċita, jagħti garanzija ta' ammont partikolari kif stabbilit mill-qorti bħala garanzija għal kull telf li jista' jġarrab il-konvenut. Skont il-ġurisprudenza, il-qorti ma għandhiex setgħa biex tordna l-ħruġ tal-inibizzjoni jekk ir-rikorrent innifsu ma jipprovdix il-garanzija.

Madanakollu l-inibizzjoni kawtelatorja tista' tinħareġ permezz ta' rikors b'avviż (jiġifieri billi tiġi avżata l-parti l-oħra). F'dak il-każ, madanakollu, il-fattur ta' urġenza ma' jiġix meqjus mill-qorti.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

L-għoti ta' inibizzjoni interlokutorja restrittiva jitħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti. Hemm tliet kundizzjonijiet ewlenin li jridu jiġu ssodisfati qabel il-qorti tiddeċiedi li teżerċita d-diskrezzjoni tagħha, skont il-bżonn, dwar jekk tordnax il-ħruġ jew le tal-inibizzjoni mitluba:

  • irid ikun hemm kwistjoni serja li trid tinstema' (żvelar ta' preżunzjoni dibattibbli bbażata fuq il-każ huwa biżżejjed);
  • hemm il-possibbiltà ta' suċċess (possibbiltà ċara ta' suċċess/prospett ċar illi r-rikorrent għandu dritt għal kumpens);
  • jekk ma tingħatax l-inibizzjoni tkun diffiċli jew impossibbli li ssir ġustizzja fi stadju ulterjuri (minkejja li l-għoti ta' kumpens lir-rikorrent fl-aħħar stadju mhux biżżejjed biex jiġu assigurati d-drittijiet tiegħu).

Kif imsemmi aktar 'il fuq, il-kwistjoni ta' jekk għandhiex tingħata jew le inibizzjoni kawtelatorja titħalla fid-diskrezzjoni assoluta tal-qorti. Inibizzjoni ma tingħatax awtomatikament meta ma jiġux issodisfati t-tliet kundizzjonijiet msemmija qabel. Il-qorti tiġi msejħa sabiex tqis ikunx ġust u xieraq li tordna l-ħruġ tal-inibizzjoni mitluba lilha fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Il-ġurisprudenza wriet illi n-natura/tip ta' assi mhux fattur li jista' jillimita s-setgħa eżerċitata mill-qorti. In-natura tal-assi, madanakollu, tista' tkun fattur rilevanti fl-evalwazzjoni tal-qorti tal-bilanċ ta' adegwatezza meta tkun qed teżerċita d-diskrezzjoni tagħha fl-għoti ta' inibizzjoni. Huwa aktar faċli għar-rikorrent biex juri li hemm riskju li jitlef il-flus minn kont tal-bank milli li hemm riskju ta' aljenazzjoni tal-proprjetà immobbli.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Mal-ħruġ tal-inibizzjoni, kull parti li għaliha hija maħsuba l-inibizzjoni għandha l-obbligu bil-liġi li tħares dik l-inibizzjoni. In-nuqqas ta' osservanza tal-inibizzjoni jikkostitwixxi disprezz lejn il-qorti u huwa punibbli bil-liġi. Barra minn hekk, kull persuna li tinċita jew tiffaċilita l-ksur ta' inibizzjoni mogħtija mill-qorti tista' tinstab ħatja ta' disprezz lejn il-qorti (l-Artikolu 42 tal-Att dwar il-Qrati 14/1960, kif emendat).

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Inibizzjoni mogħtija mill-qorti tinkludi klawsola speċifika li tistabbilixxi l-perjodu ta' validità tagħha. L-inibizzjoni normalment tibqa' fis-seħħ sakemm tingħata s-sentenza finali fil-kawża prinċipali jew sakemm tiġi revokata jew emendata minn inibizzjoni tal-qorti sussegwenti. Filwaqt li tkun qed tingħata s-sentenza finali għall-kawża prinċipali, il-qorti tista' tinkludi klawsola speċifika fis-sentenza sabiex l-inibizzjoni tibqa' valida għal perjodu ta' żmien speċifiku wara l-għoti tas-sentenza, sabiex tiffaċilita l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Jista' jsir appell minn sentenza tal-qorti li biha tingħata inibizzjoni kawtelatorja quddiem il-Qorti Suprema. Sentenza tal-qorti li tiċħad rikors għal inibizzjoni kawtelatorja tista' tiġi appellata wkoll.

Fis-smigħ tal-kawża, il-Qorti Suprema għandha setgħat wiesa'. Il-qorti tista' tordna l-ħruġ ta' inibizzjoni li ġiet miċħuda mill-qorti tal-prim'istanza jew tista' tirrevoka jew temenda inibizzjoni li ngħatat minn qorti inferjuri. Għandu jiġi nnutat, madanakollu, illi l-proċedimenti fl-appell ma jikkostitwixxux smigħ mill-ġdid tal-kawża. Is-sentenza tal-qorti tal-prim'istanza ma tiġix maqluba fl-appell sempliċement għaliex il-Qorti Suprema kieku kienet teżerċita d-diskrezzjoni tagħha b'mod differenti. Il-Qorti Suprema tintervjeni biss meta tiddeċiedi illi l-qorti tal-prim'istanza eżerċitat id-diskrezzjoni tagħha b'mod żbaljat.

L-aħħar aġġornament: 07/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.