Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?
- L-imħallef li jisma’ rikorsi għal miżuri interim (proċeduri urġenti, ħlasijiet interim, żgumbramenti, interdizzjoni ta’ ċerti azzjonijiet taħt piena ta’ penali, konservazzjoni ta’ provi) huwa intitolat jordna tali miżuri fi kwalunkwe waqt bħala kwistjoni ta’ urġenza.
Ma teżistix lista restrittiva ta’ miżuri interim; tista’ ssir talba għall-miżuri interim urġenti quddiem il-qrati, sakemm ma tkun teżisti l-ebda oġġezzjoni impellanti jew sakemm dawn ikunu ġġustifikati mil-eżistenza ta’ tilwima (ħlasijiet interim, żgumbrament ta’ okkupanti mingħajr titolu, rapport tal-espert jew avviż ta’ danni, eċċ.). Barra minn hekk, il-qorti tista’ tordna b’mod urġenti l-miżuri interim kollha li jitqiesu neċessarji jew sabiex tiġi evitata ħsara imminenti (fost oħrajn, miżuri ta’ protezzjoni tas-sit) jew sabiex jintemm disturb manifestament illegali.
- Jeżisti reġim speċjali għall-miżuri kawtelatorji (mandat ta’ qbid kawtelatorju u ipoteki ġudizzjarji), li jippermettu lill-kreditur, ħafna drabi bl-awtorizzazzjoni tal-qorti, li jċaħħad lid-debitur mill-aċċess għall-assi kollha tiegħu jew parti minnhom jew li jirreġistra dritt speċjali ipotekarju fuq dawn l-assi, sabiex jiggarantixxi l-ħlas tad-dejn li jkun għadu ma ġiex rikonoxxut permezz ta’ sentenza, iżda li l-irkupru tiegħu jidher li huwa mhedded.
Il-miżuri kawtelatorji jistgħu jkunu f’waħda miż-żewġ forom li ġejjin:
- qbid preventiv, li jippermetti l-qbid kawtelatorju ta’ assi tanġibbli (għamara, vetturi, eċċ.), assi mhux tanġibbli (somma flus, drittijiet f’kumpanija, stokks u ishma, eċċ.) jew pretensjonijiet oħra (kontijiet bankarji, ħlasijiet tal-kiri, eċċ.);
- l-ipoteki ġudizzjarji fuq il-propjetà immobbli, avvjament, ishma tal-azzjonisti, jew titoli (iskrizzjoni proviżorja ta’ ipoteka, rahan tal-ishma jew tat-titoli).
2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?
2.1 Il-proċedura
- Miżuri interim: dawn għandhom jitressqu quddiem il-qorti permezz ta’ taħrika (notifikata minn uffiċjal ġudizzjarju (bailiff) (huissier de justice)). Dan jinvolvi proċedura kontenzjuża urġenti. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-miżuri interim jistgħu jiġu ordnati fuq rikors, mingħajr dibattitu kontenzjuż preċedenti.
- Miżuri kawtelatorji: bħala prinċipju, hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti. Madankollu, il-kreditur huwa eżentat minn tali awtorizzazzjoni meta jinvoka titolu eżekuttiv jew deċiżjoni ġudizzjarja li għadha ma hijiex eżegwibbli. L-istess jgħodd f’każ ta’ inadempjenza ta’ ħlas ta’ kambjala aċċettata, ta’ ċedola, ta’ ċekk jew ta’ kera mhux imħallsa dovuta għal propjetà mikrija (fil-każ ta’ kuntratt bil-miktub).
Għall-miżuri proviżorji, il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni tiġi ddeterminata abbażi tan-natura tat-talba. Il-ġuriżdizzjoni ordinarja tiġi eżerċitata mill-President tal-qorti (Tribunal judiciaire). Madankollu, il-qorti lokali (Tribunal de proximité), u l-presidenti tal-Qorti Kummerċjali (Tribunal de commerce), il-Qorti Industrijali (Conseil des prud’hommes) u l-Qorti tal-Qbiela (Tribunal paritaire des baux ruraux) jistgħu wkoll jiddeċiedu dwar miżuri interim fl-ambitu tal-ġuriżdizzjoni tagħhom.
Fil-każ ta’ miżuri kawtelatorji, il-ġuriżdizzjoni hija vestita fl-imħallef li jippresjedi l-qorti tal-posta tal-eżekuzzjoni jew fil-President tal-Qorti Kummerċjali, meta r-rikors, li jiġi ppreżentat qabel kull proċedimenti ġudizzjarji, jitlob il-preservazzjoni ta’ dejn taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kummerċjali.
Il-Qorti li għandha ġuriżdizzjoni hija dik li tinsab fil-post tar-residenza tad-debitur, meta d-domiċilju tiegħu ikun fi Franza. Inkella, il-Qorti li jkollha ġuriżdizzjoni tkun dik tal-post tal-eżekuzzjoni.
Bħala prinċipju, ir-rappreżentazzjoni minn avukat hija obbligatorja quddiem l-imħallef li jkun qiegħed jieħu konjizzjoni ta’ rikors għal miżuri interim u l-imħallef responsabbli għall-eżekuzzjoni, bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ ċerti rikorsi, b’mod partikolari meta dawn ikunu jikkonċernaw ammont inferjuri għal EUR 10,000. Il-mandati ta’ qbid jridu jiġu eżegwiti minn uffiċjal ġudizzjarju (bailiff). Dan ma huwiex neċessarju għall-iskrizzjoni tal-ipoteki ġudizzjarji. Madankollu, minħabba l-kumplessità ġuridika tal-iskrizzjoni ta’ ipoteka, il-kredituri dejjem jiġu assistiti minn professjonist legali.
L-ispejjeż għall-miżuri kawtelatorji eventwalment iridu jitħallsu mid-debitur, anke jekk il-kreditur jista’ jkun meħtieġ jagħmel ħlasijiet bil-quddiem. L-ispejjeż tal-eżekuzzjoni huma soġġetti għal tariffa, li tistabbilixxi r-remunerazzjoni dovuta lill-uffiċjali ġudizzjarji (bailiffs) għal kull att ta’ eżekuzzjoni u kull miżura kawtelatorja.
Skont id-Digriet Nru 96-1080 tat-12 ta’ Diċembru 1996, l-iskala tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali ġudizzjarji (bailiffs) tinkludi somma f’daqqa, espressa kumulattivament jew alternattivament skont il-każ inkwistjoni, f’imposti fissi jew proporzjonali, kif ukoll tariffa amministrattiva, fejn xieraq.
Fir-rigward tal-miżuri kawtelatorji, l-imposti proporzjonali għall-irkupru, ikkalkulati abbażi tal-ammont irkuprat, ikunu dovuti biss jekk l-uffiċjali ġudizzjarji (bailiffs) jiġu ordnati jirkupraw l-ammonti dovuti. Barra minn hekk, il-lista ta’ imposti annessi mad-digriet imsemmi hawn fuq teskludi l-possibbiltà ta’ kull remunerazzjoni addizzjonali li tiġi liberament maqbula, bl-eċċezzjoni tal-qbid kawtelatorju ta’ drittijiet f’kumpanija, u ta’ stokks u ishma.
2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin
Il-qorti ma teżegwixxix miżura kawtelatorja, iżda sempliċiment tawtorizzaha. Il-miżura tiġi eżegwita mill-uffiċjal ġudizzjarju (bailiff), fuq talba tal-benefiċjarju tal-awtorizzazzjoni.
Jekk tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni tal-imħallef, it-talba trid tkun “ibbażata fuq il-prinċipju”.
Fil-każ ta’ miżuri kawtelatorji, ma teżisti l-ebda kundizzjoni espressa ta’ urġenza.
Il-kreditur jenħtieġ li juri illi jeżistu “ċirkostanzi li probabbilment jheddu l-irkupru” tad-dejn (pereżempju il-mala fide tad-debitur li jaħbi l-assi tiegħu, l-eżistenza ta’ diversi kredituri, eċċ.).
3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?
3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?
Il-proprjetà kollha tad-debitur illi ma hijiex iddikjarata mil-liġi bħala li “ma tistax tkun soġġetta għall-qbid” (bħall-assi neċessarji għall-ħajja ta’ kuljum jew biex tiġi eżerċitata professjoni) tista’ tiġi soġġetta għal mandat ta’ qbid kawtelatorju. L-istess jgħodd għad-djun; madankollu, is-salarji ma jistgħu qatt ikunu soġġetti għal miżuri kawtelatorji (anke jekk jistgħu jiġu maqbuda skont deċiżjoni ġudizzjarja jew b’titolu eżekuttiv ieħor, f’konformità mal-proċedura tal-qbid tas-salarju).
3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?
Il-beni maqbuda bħala miżura kawtelatorja isiru inaċċessibbli. Id-debitur xorta jibqa’ fil-pussess tal-assi u jibqa’ responsabbli għalihom iżda ma jistax jiddisponi minnhom. Jekk id-debitur iwettaq approprjazzjoni bla jedd fuq l-assi maqbuda, dan ikun qiegħed iwettaq reat punibbli b’multa jew bi priġunerija.
Is-somom ta’ flus maqbuda jiġu ddepożitati f’kont miżmum minn terzi.
Il-beni soġġetti għal ipoteka ġudizzjarja jistgħu jiġu mibjugħa mid-debitur, imma l-kreditur għandu dritt li jiġi infurmat u li jitħallas mill-prezz tal-bejgħ tal-assi inkwistjoni.
L-assi li jiġu maqbuda bħala miżura kawtelatorja jitpoġġew taħt ir-responsabbiltà tad-debitur li jsir il-“kustodju” tagħhom. Tali qbid ma huwiex eżegwibbli fil-konfront ta’ terzi. Bil-maqlub ta’ dan, l-ipoteki ġudizzjarji, li l-eżistenza tagħhom trid tiġi pubblikata (kummerċjali jew fuq il-propjetà immobbli), huma eżegwibbli fil-konfront ta’ kulħadd.
Il-bankier (u kull debitur terz) li jirċievi talba għal qbid kawtelatorju fir-rigward ta’ wieħed mill-klijenti tiegħu huwa obbligat jinforma immedjatament lill-uffiċjal ġudizzjarju (bailiff) bl-obbligi kollha li għandu fil-konfront tad-debitur (jiġifieri il-kontijiet kollha miftuħa f’isem id-debitur kif ukoll l-ammonti kollha depożitati fil-kontijiet tad-debitur). Jekk il-bankier jirrifjuta li jipprovdi din l-informazzjoni, mingħajr raġuni leġittima, huwa jista’ jiġi kkundannat iħallas id-dejn minflok id-debitur.
3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?
Il-miżura kawtelatorja trid tittieħed azzjoni warajha fi żmien tliet xhur minn meta tkun inħarġet l-ordni mill-qorti awtorizzanti. Inkella, l-awtorizzazzjoni ma tibqax valida.
Jekk il-kreditur ma jkunx għadu beda proċedura għar-rikonoxximent tal-kreditu tiegħu, dan irid isir f’dak ix-xahar li fih tittieħed il-miżura. Inkella, l-awtorizzazzjoni ma tibqax valida.
Il-miżura kawtelatorja trid tiġi notifikata lid-debitur sa mhux iktar tard minn tmint ijiem. Id-debitur għandu dritt jappella quddiem il-qorti tal-eżekuzzjoni sabiex jikkontesta l-miżura jew l-awtorizzazzjoni. Barra minn dan, il-qorti għandha dritt li tistabbilixxi d-data tas-seduta bil-quddiem, li fiha l-partijiet jiġu msejħa biex jiddiskutu l-miżura. Bħala prinċipju, il-kontestazzjoni tad-debitur hija ammissibbli dment li l-qbid kawtelatorju ma jkunx ġie eżegwit wara li l-kreditur ikun kiseb deċiżjoni ġudizzjarja dwar il-pretensjoni tiegħu.
4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?
L-ordni tista’ tiġi kontestata mid-debitur kontestwalment mal-miżura nnifisha.
Il-qorti tal-eżekuzzjoni, li għandha ġuriżdizzjoni biex tagħti awtorizzazzjoni għal miżuri kawtelatorji, tista’ tisma’ wkoll rikorsi kontra l-ordni. Id-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jiġu appellati quddiem il-qorti tal-appell.
Billi d-debitur isir jaf bl-awtorizzazzjoni tal-miżura fl-istess żmien li jsir jaf bil-miżura nnifisha, il-kontestazzjoni tal-ordni tkun soġġetta għall-istess regoli bħall-kontestazzjoni tal-miżura, jiġifieri, hija tkun ammissibbli sakemm il-miżura kawtelatorja ma tkunx ġiet eżegwita.
L-appell ma jwaqqafx l-effett tal-miżura kawtelatorja, li tiġi eżegwita sakemm il-qorti ma tkunx ordnat l-eżenzjoni minnha jew iddikjaratha invalida.
L-ordnijiet għal miżuri interim jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell jekk il-miżuri rriżultaw minn proċedimenti kontenzjużi, jew billi jiġu rtirati jekk irriżultaw minn proċedimenti mhux kontenzjużi.
Links relatati
Is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministère de la Justice)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.