

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Ma teżistix lista restrittiva ta’ miżuri interim; tista’ ssir talba għall-miżuri interim urġenti quddiem il-qrati, sakemm ma tkun teżisti l-ebda oġġezzjoni impellanti jew sakemm dawn ikunu ġġustifikati mil-eżistenza ta’ tilwima (ħlasijiet interim, żgumbrament ta’ okkupanti mingħajr titolu, rapport tal-espert jew avviż ta’ danni, eċċ.). Barra minn hekk, il-qorti tista’ tordna b’mod urġenti l-miżuri interim kollha li jitqiesu neċessarji jew sabiex tiġi evitata ħsara imminenti (fost oħrajn, miżuri ta’ protezzjoni tas-sit) jew sabiex jintemm disturb manifestament illegali.
Il-miżuri kawtelatorji jistgħu jkunu f’waħda miż-żewġ forom li ġejjin:
Għall-miżuri proviżorji, il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni tiġi ddeterminata abbażi tan-natura tat-talba. Il-ġuriżdizzjoni ordinarja tiġi eżerċitata mill-President tal-qorti (Tribunal judiciaire). Madankollu, il-qorti lokali (Tribunal de proximité), u l-presidenti tal-Qorti Kummerċjali (Tribunal de commerce), il-Qorti Industrijali (Conseil des prud’hommes) u l-Qorti tal-Qbiela (Tribunal paritaire des baux ruraux) jistgħu wkoll jiddeċiedu dwar miżuri interim fl-ambitu tal-ġuriżdizzjoni tagħhom.
Fil-każ ta’ miżuri kawtelatorji, il-ġuriżdizzjoni hija vestita fl-imħallef li jippresjedi l-qorti tal-posta tal-eżekuzzjoni jew fil-President tal-Qorti Kummerċjali, meta r-rikors, li jiġi ppreżentat qabel kull proċedimenti ġudizzjarji, jitlob il-preservazzjoni ta’ dejn taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kummerċjali.
Il-Qorti li għandha ġuriżdizzjoni hija dik li tinsab fil-post tar-residenza tad-debitur, meta d-domiċilju tiegħu ikun fi Franza. Inkella, il-Qorti li jkollha ġuriżdizzjoni tkun dik tal-post tal-eżekuzzjoni.
Bħala prinċipju, ir-rappreżentazzjoni minn avukat hija obbligatorja quddiem l-imħallef li jkun qiegħed jieħu konjizzjoni ta’ rikors għal miżuri interim u l-imħallef responsabbli għall-eżekuzzjoni, bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ ċerti rikorsi, b’mod partikolari meta dawn ikunu jikkonċernaw ammont inferjuri għal EUR 10,000. Il-mandati ta’ qbid jridu jiġu eżegwiti minn uffiċjal ġudizzjarju (bailiff). Dan ma huwiex neċessarju għall-iskrizzjoni tal-ipoteki ġudizzjarji. Madankollu, minħabba l-kumplessità ġuridika tal-iskrizzjoni ta’ ipoteka, il-kredituri dejjem jiġu assistiti minn professjonist legali.
L-ispejjeż għall-miżuri kawtelatorji eventwalment iridu jitħallsu mid-debitur, anke jekk il-kreditur jista’ jkun meħtieġ jagħmel ħlasijiet bil-quddiem. L-ispejjeż tal-eżekuzzjoni huma soġġetti għal tariffa, li tistabbilixxi r-remunerazzjoni dovuta lill-uffiċjali ġudizzjarji (bailiffs) għal kull att ta’ eżekuzzjoni u kull miżura kawtelatorja.
Skont id-Digriet Nru 96-1080 tat-12 ta’ Diċembru 1996, l-iskala tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali ġudizzjarji (bailiffs) tinkludi somma f’daqqa, espressa kumulattivament jew alternattivament skont il-każ inkwistjoni, f’imposti fissi jew proporzjonali, kif ukoll tariffa amministrattiva, fejn xieraq.
Fir-rigward tal-miżuri kawtelatorji, l-imposti proporzjonali għall-irkupru, ikkalkulati abbażi tal-ammont irkuprat, ikunu dovuti biss jekk l-uffiċjali ġudizzjarji (bailiffs) jiġu ordnati jirkupraw l-ammonti dovuti. Barra minn hekk, il-lista ta’ imposti annessi mad-digriet imsemmi hawn fuq teskludi l-possibbiltà ta’ kull remunerazzjoni addizzjonali li tiġi liberament maqbula, bl-eċċezzjoni tal-qbid kawtelatorju ta’ drittijiet f’kumpanija, u ta’ stokks u ishma.
Il-qorti ma teżegwixxix miżura kawtelatorja, iżda sempliċiment tawtorizzaha. Il-miżura tiġi eżegwita mill-uffiċjal ġudizzjarju (bailiff), fuq talba tal-benefiċjarju tal-awtorizzazzjoni.
Jekk tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni tal-imħallef, it-talba trid tkun “ibbażata fuq il-prinċipju”.
Fil-każ ta’ miżuri kawtelatorji, ma teżisti l-ebda kundizzjoni espressa ta’ urġenza.
Il-kreditur jenħtieġ li juri illi jeżistu “ċirkostanzi li probabbilment jheddu l-irkupru” tad-dejn (pereżempju il-mala fide tad-debitur li jaħbi l-assi tiegħu, l-eżistenza ta’ diversi kredituri, eċċ.).
Il-proprjetà kollha tad-debitur illi ma hijiex iddikjarata mil-liġi bħala li “ma tistax tkun soġġetta għall-qbid” (bħall-assi neċessarji għall-ħajja ta’ kuljum jew biex tiġi eżerċitata professjoni) tista’ tiġi soġġetta għal mandat ta’ qbid kawtelatorju. L-istess jgħodd għad-djun; madankollu, is-salarji ma jistgħu qatt ikunu soġġetti għal miżuri kawtelatorji (anke jekk jistgħu jiġu maqbuda skont deċiżjoni ġudizzjarja jew b’titolu eżekuttiv ieħor, f’konformità mal-proċedura tal-qbid tas-salarju).
Il-beni maqbuda bħala miżura kawtelatorja isiru inaċċessibbli. Id-debitur xorta jibqa’ fil-pussess tal-assi u jibqa’ responsabbli għalihom iżda ma jistax jiddisponi minnhom. Jekk id-debitur iwettaq approprjazzjoni bla jedd fuq l-assi maqbuda, dan ikun qiegħed iwettaq reat punibbli b’multa jew bi priġunerija.
Is-somom ta’ flus maqbuda jiġu ddepożitati f’kont miżmum minn terzi.
Il-beni soġġetti għal ipoteka ġudizzjarja jistgħu jiġu mibjugħa mid-debitur, imma l-kreditur għandu dritt li jiġi infurmat u li jitħallas mill-prezz tal-bejgħ tal-assi inkwistjoni.
L-assi li jiġu maqbuda bħala miżura kawtelatorja jitpoġġew taħt ir-responsabbiltà tad-debitur li jsir il-“kustodju” tagħhom. Tali qbid ma huwiex eżegwibbli fil-konfront ta’ terzi. Bil-maqlub ta’ dan, l-ipoteki ġudizzjarji, li l-eżistenza tagħhom trid tiġi pubblikata (kummerċjali jew fuq il-propjetà immobbli), huma eżegwibbli fil-konfront ta’ kulħadd.
Il-bankier (u kull debitur terz) li jirċievi talba għal qbid kawtelatorju fir-rigward ta’ wieħed mill-klijenti tiegħu huwa obbligat jinforma immedjatament lill-uffiċjal ġudizzjarju (bailiff) bl-obbligi kollha li għandu fil-konfront tad-debitur (jiġifieri il-kontijiet kollha miftuħa f’isem id-debitur kif ukoll l-ammonti kollha depożitati fil-kontijiet tad-debitur). Jekk il-bankier jirrifjuta li jipprovdi din l-informazzjoni, mingħajr raġuni leġittima, huwa jista’ jiġi kkundannat iħallas id-dejn minflok id-debitur.
Il-miżura kawtelatorja trid tittieħed azzjoni warajha fi żmien tliet xhur minn meta tkun inħarġet l-ordni mill-qorti awtorizzanti. Inkella, l-awtorizzazzjoni ma tibqax valida.
Jekk il-kreditur ma jkunx għadu beda proċedura għar-rikonoxximent tal-kreditu tiegħu, dan irid isir f’dak ix-xahar li fih tittieħed il-miżura. Inkella, l-awtorizzazzjoni ma tibqax valida.
Il-miżura kawtelatorja trid tiġi notifikata lid-debitur sa mhux iktar tard minn tmint ijiem. Id-debitur għandu dritt jappella quddiem il-qorti tal-eżekuzzjoni sabiex jikkontesta l-miżura jew l-awtorizzazzjoni. Barra minn dan, il-qorti għandha dritt li tistabbilixxi d-data tas-seduta bil-quddiem, li fiha l-partijiet jiġu msejħa biex jiddiskutu l-miżura. Bħala prinċipju, il-kontestazzjoni tad-debitur hija ammissibbli dment li l-qbid kawtelatorju ma jkunx ġie eżegwit wara li l-kreditur ikun kiseb deċiżjoni ġudizzjarja dwar il-pretensjoni tiegħu.
L-ordni tista’ tiġi kontestata mid-debitur kontestwalment mal-miżura nnifisha.
Il-qorti tal-eżekuzzjoni, li għandha ġuriżdizzjoni biex tagħti awtorizzazzjoni għal miżuri kawtelatorji, tista’ tisma’ wkoll rikorsi kontra l-ordni. Id-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jiġu appellati quddiem il-qorti tal-appell.
Billi d-debitur isir jaf bl-awtorizzazzjoni tal-miżura fl-istess żmien li jsir jaf bil-miżura nnifisha, il-kontestazzjoni tal-ordni tkun soġġetta għall-istess regoli bħall-kontestazzjoni tal-miżura, jiġifieri, hija tkun ammissibbli sakemm il-miżura kawtelatorja ma tkunx ġiet eżegwita.
L-appell ma jwaqqafx l-effett tal-miżura kawtelatorja, li tiġi eżegwita sakemm il-qorti ma tkunx ordnat l-eżenzjoni minnha jew iddikjaratha invalida.
L-ordnijiet għal miżuri interim jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell jekk il-miżuri rriżultaw minn proċedimenti kontenzjużi, jew billi jiġu rtirati jekk irriżultaw minn proċedimenti mhux kontenzjużi.
Is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministère de la Justice)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.