Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Ġibiltà
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Inġunzjoni hija digriet tal-qorti li titlob li parti jew tieħu ċerti passi jew toqgħod lura milli tieħu ċerti passi. Inġunzjoni proviżorja hija tali digriet li jsir qabel ma tinstema’ l-kawża. Ir-rikorrent jista’ jfittex li jipproteġi l-pożizzjoni tiegħu matul il-proċedimenti legali, jew anki qabel ma jinbdew il-proċedimenti, billi jitlob inġunzjoni proviżorja li timpedixxi lill-intimat milli jaġixxi b’mod li jagħmel ħsara lir-rikorrent.

Hemm ukoll żewġ tipi speċifiċi ta’ inġunzjoni li r-rikorrent jista’ jitlob fejn ikun hemm riskju li l-intimat jieħu passi biex jeqred l-evidenza jew ifixkel kwalunkwe sentenza miksuba mir-rikorrent. L-ewwel wieħed huwa digriet ta' tiftix, li jeħtieġ li l-intimat jippermetti li jsir tiftix fil-bini tiegħu għal dokumenti jew proprjetà; it-tieni hija inġunzjoni ta' ffriżar, li tipprojbixxi lill-intimat milli jkollu x’jaqsam mal-assi jew milli jċaqlaq l-assi 'l barra mill-ġuriżdizzjoni.

Meta r-rikorrent ikun qiegħed jitlob ħlas ta’ somma flus (eż. dejn jew danni), il-qorti tista’ tordna lill-intimat jagħmel ħlas proviżorju fuq kwalunkwe somma li l-intimat jista’ finalment jintalab iħallas, sabiex tiġi evitata tbatija lir-rikorrent b’riżultat ta’ kwalunkwe dewmien fil-kisba ta’ sentenza.

Intimat jista’ jiffaċċja r-riskju li, anke jekk it-talba tiġi miċħuda u r-rikorrent jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż, ikun impossibbli li jiġi eżegwit id-digriet dwar l-ispejjeż. Biex tipproteġi l-intimat, il-qorti tista’, f’ċerti ċirkostanzi, tordna lir-rikorrent jipprovdi garanzija għall-ispejjeż, normalment billi jħallas somma flus lill-qorti.

Il-Qorti Suprema (Supreme Court) għandha s-setgħa li tagħti rimedju proviżorju (interim relief) b'appoġġ għal proċedimenti f'ġuriżdizzjoni oħra jekk ikun jaqbel li tagħmel hekk. Tista’ wkoll tagħti “inġunzjoni ta’ ffriżar madwar id-dinja” (worldwide freezing injunction) li tapplika għal assi f’ġuriżdizzjonijiet oħrajn.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Inġunzjonijiet (inklużi Digrieti ta' Tiftix u Inġunzjonijiet ta' Ffriżar)

Inġunzjonijiet huma ordnijiet tal-qorti. Fin-nuqqas ta' digriet ta' tiftix jew ta' inġunzjoni ta' ffriżar, l-intimat ġeneralment ma jkun taħt l-ebda obbligu li jippermetti li jsir tiftix fil-bini tiegħu jew li joqgħod lura mill-isparpaljar tal-assi tiegħu. Rikors għal digriet ta' tiftix jew inġunzjoni ta' ffriżar isir fil-Qorti Suprema (Supreme Court).

Ir-rikorrent għandu jagħmel divulgazzjoni sħiħa u sinċiera tal-fatti materjali kollha li l-qorti għandha tiġi mgħarrfa bihom (b’mod partikolari meta r-rikors isir mingħajr avviż). Għandu jiġi pprovdut ukoll abbozz ta' digriet, li jispeċifika b'mod preċiż il-passi meħtieġa.

Għall-inġunzjonijiet proviżorji r-rikorrent normalment huwa meħtieġ li jagħti “impenn reċiproku dwar danni (cross undertaking in damages)” – wegħda li jikkumpensa lill-intimat għal kwalunkwe telf ikkawżat mill-inġunzjoni jekk sussegwentement jirriżulta li ma kellhiex tingħata (eż. għax ir-rikorrent jitlef il-kawża).

Ir-rikorsi jistgħu jsiru mingħajr ma jingħata avviż lill-intimat jekk ikun hemm raġunijiet tajba biex ma jiġix avżat. Jistgħu jsiru wkoll qabel ma r-rikorrent ikun ħareġ il-formola tat-talba li tibda l-proċedimenti prinċipali. M’hemm l-ebda rekwiżit formali li r-rikorrent ikun rappreżentat minn avukat matul is-seduta għas-sottomissjonijiet tar-rikors, iżda rikorrent normalment ikollu bżonn ta’ pariri u rappreżentanza legali sabiex jagħmel dan ir-rikors.

Ladarba l-qorti tagħti d-digriet, dan għandu jitfassal u jiġi nnotifikat lill-intimat. L-uffiċjali tal-Qorti ma għandhom l-ebda rwol fin-notifikazzjoni jew fl-eżekuzzjoni ta’ inġunzjonijiet proviżorji. Madankollu, id-digrieti ta’ tiftix jridu jitwettqu skont proċeduri speċjali. Normalment għandhom jiġu nnotifikati minn avukat superviżur (supervising solicitor) li jkun familjari ma’ digrieti ta’ tiftix u indipendenti mill-avukati tar-rikorrent. L-avukat superviżur għandu jispjega d-digriet ta’ tiftix lill-intimat u jagħti parir lill-intimat dwar id-dritt tiegħu li jieħu parir legali. L-avukat superviżur iwettaq jew jissorvelja t-tiftix, u jirrapporta dwar it-tiftix lill-avukati tar-rikorrent.

Ħlasijiet proviżorji u Garanzija għall-Ispejjeż

Il-ħlasijiet proviżorji u l-garanzija għall-ispejjeż jistgħu jiġu pprovduti bi ftehim bejn il-partijiet, iżda fin-nuqqas ta’ ftehim huwa meħtieġ li wieħed jippreżenta rikors il-qorti. Ir-rikors isir billi jiġi ppreżentat avviż ta' rikors sostnut minn evidenza bil-miktub. Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-intimat, li jista’ jippreżenta l-provi b’risposta. Jekk il-qorti tagħti d-digriet, hija tiddetermina l-forma u l-ammont tal-garanzija jew tal-ħlas li għandhom isiru.

L-ispejjeż biex jinkisbu d-digrieti

M’hemm l-ebda skala fissa ta’ spejjeż sabiex jinkiseb xi wieħed mid-digrieti deskritti hawn fuq. Madankollu, hemm tariffi speċifiċi tal-qorti għall-ħruġ ta’ rikors għal digriet li jiddependu fuq jekk ir-rikors isirx b’notifika lill-intimat jew mingħajr notifika. Għal aktar dettalji dwar it-tariffi applikabbli tista’ tikkuntattja lir-Reġistru tal-Qorti Suprema (Supreme Court Registry), 277 Main Street, Ġibiltà, numru tat-telefown (+350) 200 75608.

Ir-rikorrent huwa responsabbli li jħallas it-tariffi tal-avukati tiegħu (u fil-każ ta’ digriet ta’ tiftix, dawk tal-avukat superviżur), għalkemm l-intimat jista’ finalment jiġi ordnat iħallas dawk l-ispejjeż.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Ir-rimedji kollha deskritti f’din it-taqsima huma diskrezzjonali u l-qorti ma tagħtix dawn ir-rimedji jekk tqis li dawn ma jkunux xierqa jew li jkunu sproporzjonati fiċ-ċirkostanzi. Il-qrati għandhom tendenza jeżerċitaw aktar kawtela fir-rigward ta’ digrieti ta’ tiftix u inġunzjonijiet ta’ ffriżar minħabba li huma miżuri partikolarment severi.

Inġunzjonijiet Proviżorji

Meta tiddeċiedi jekk tagħtix inġunzjoni proviżorja, il-qorti l-ewwel tikkunsidra jekk l-azzjoni tqajjimx “kwistjoni serja li għandha tiġi ppruvata” (minflok “frivola jew vessatorja”). Jekk dan ma jkunx il-każ, l-inġunzjoni tiġi miċħuda.

Jekk ikun hemm kwistjoni serja li trid tiġi ppruvata, il-qorti mbagħad tikkunsidra l-“bilanċ tal-konvenjenza”. Dan jinvolvi mistoqsija dwar jekk ikunx agħar li r-rikorrent jintalab jgħaddi mingħajr l-inġunzjoni sal-proċess, jew li l-intimat isofri minħabba l-inġunzjoni. Meta tiddeċiedi din il-kwistjoni, il-qorti għandha tikkunsidra l-kwistjonijiet li ġejjin fl-ordni li ġej:

  • L-għoti tad-danni jkun rimedju adegwat għar-rikorrent jekk ir-rikorrent kellu jirbaħ il-kawża? Jekk id-danni jkunu adegwati, l-inġunzjoni tiġi miċħuda. Jekk ma jkunux (pereżempju minħabba li l-ħsara lir-rikorrent tkun irreparabbli jew mhux pekunarja), għandhom jiġu kkunsidrati l-mistoqsijiet li jkun fadal.
  • Jekk l-intimat kellu jirbaħ il-kawża, l-impenn reċiproku dwar danni (cross undertaking in damages) tar-rikorrent jagħti lill-intimat protezzjoni adegwata? Jekk id-danni jipproteġu b'mod adegwat lill-intimat, dan il-fatt normalment ikun favur l-inġunzjoni.
  • Meta l-fatturi l-oħra jidhru bbilanċjati b’mod ugwali, il-qorti żżomm l-istatus quo. Dan il-fattur normalment jgħodd favur l-inġunzjoni.
  • Jistgħu jiġu kkunsidrati fatturi soċjali jew ekonomiċi oħra, bħall-impatt tal-għoti jew ir-rifjut tal-inġunzjoni fuq l-impjieg jew fuq id-disponibbiltà ta’ mediċini.
  • Bħala l-aħħar alternattiva, il-qorti tista’ tikkunsidra l-merti relattivi tal-kawżi tal-partijiet, iżda biss jekk ikun possibbli li tifforma opinjoni ċara li l-każ ta’ parti waħda jkun ħafna aktar b’saħħtu minn dak tal-oħra.

Digrieti ta’ Tiftix

Jista’ jsir digriet ta’ tiftix bl-għan li tiġi żgurata l-preżervazzjoni tal-evidenza jew tal-proprjetà rilevanti għall-proċedimenti legali. Il-kundizzjonijiet biex jinkiseb digriet ta’ tiftix huma aktar stretti minn dawk għal tipi ta’ inġunzjonijiet oħra, u l-qorti mhijiex se tagħmel digriet sakemm ir-rikorrent ma jurix li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jkunu sodisfatti:

  • Hemm każ prima facie qawwi ħafna kontra l-intimat.
  • L-attivitajiet tal-intimat li jagħtu lok għall-proċedimenti jikkawżaw dannu serju attwali jew potenzjali lir-rikorrent.
  • Hemm evidenza ċara li l-intimat għandu dokumenti jew materjal inkriminanti.
  • Hemm “possibbiltà reali” jew “probabbiltà” li d-dokumenti jew il-materjal rilevanti jisparixxu jekk id-digriet ma jsirx.

Inġunzjonijiet ta’ Ffriżar

Il-qorti għandha s-setgħa li tagħti inġunzjoni ta’ ffriżar meta jkun “ġust u konvenjenti” li tagħmel hekk. Inġunzjoni ta’ ffriżar ma tiġix ordnata sakemm ir-rikorrent ma jkunx jista’ juri li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

  • Ir-rikorrent għandu kawża sostantiva ta’ azzjoni li fuqha l-qrati ta’ Ġibiltà għandhom ġuriżdizzjoni.
  • Ir-rikorrent għandu “każ tajjeb u dibattibbli” kontra l-intimat.
  • Hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-intimat għandu assi fil-ġuriżdizzjoni.
  • Hemm “riskju reali” li l-intimat jittratta l-assi b’mod li jfisser li kwalunkwe sentenza ma tkunx tista’ tiġi eżegwita (eż. billi jeħles mill-assi jew ineħħihom mill-ġuriżdizzjoni).

Il-qorti teżerċita kawtela partikolari qabel ma tagħti inġunzjonijiet ta' ffriżar b'appoġġ għal proċedimenti barranin, speċjalment jekk l-inġunzjoni ta' ffriżar tirkeb jew tmur kontra kwalunkwe digriet ta' ffriżar magħmul mill-qorti barranija fejn ikunu qed isiru l-proċedimenti prinċipali, jew jekk il-qorti barranija tkun irrifjutat li tiffriża l-assi.

Il-qorti ma tagħtix inġunzjoni għall-iffriżar madwar id-dinja jekk l-intimat ikollu biżżejjed assi fil-ġuriżdizzjoni, u jeħtiġilha tikkunsidra jekk inġunzjoni madwar id-dinja tistax tiġi eżegwita fil-pajjiżi fejn l-intimat ikollu assi.

Ħlasijiet Proviżorji

Il-qorti tista’ tordna lill-intimat jagħmel ħlas proviżorju biss jekk l-intimat ikun ammetta r-responsabbiltà li jħallas il-flus lir-rikorrent, jekk is-sentenza tkun diġà ngħatat favur ir-rikorrent għal somma ta’ flus li għandha tiġi evalwata aktar tard, jew jekk il-qorti tkun sodisfatta li fil-kawża r-rikorrent jirkupra “ammont sostanzjali ta’ flus” (jew, f’talba għall-pussess tal-art, ħlas fir-rigward tal-okkupazzjoni tal-art mill-intimat). F’każijiet ta’ danni personali, ħlas jista’ jkun ordnat biss jekk ir-responsabbiltà tal-intimat tkun sodisfatta minn assiguratur jew jekk l-intimat ikun korp pubbliku.

Garanzija għall-Ispejjeż

Il-każijiet l-aktar komuni li fihom il-qorti tista’ tordna lir-rikorrent jipprovdi garanzija huma meta:

  • Ir-rikorrent huwa residenti barra mill-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) u jkun diffiċli li jiġi eżegwit digriet għall-ispejjeż fil-pajjiż ta’ residenza tar-rikorrent.
  • Ir-rikorrent huwa kumpanija jew korp ieħor inkorporat u hemm raġuni biex wieħed jemmen li mhux se jkun jista’ jħallas l-ispejjeż tal-intimat jekk ikun ordnat li jagħmel hekk. (Meta tiddeċiedi jekk tordnax il-garanzija, il-qorti tqis jekk in-nuqqas ta’ flus jew fondi tar-rikorrent ġiex ikkawżat mill-imġiba tal-intimat.)
  • Ir-rikorrent biddel l-indirizz bl-għan li jevita l-konsegwenzi tal-litigazzjoni; jew naqas milli jagħti indirizz korrett fil-formola tat-talba.
  • Ir-rikorrent ħa passi fir-rigward tal-assi tiegħu li jagħmluha diffiċli li jiġi eżegwit digriet għall-ispejjeż kontrih.

Il-qorti tagħmel id-digriet biss jekk tkun sodisfatta li huwa ġust li tagħmel hekk fiċ-ċirkostanzi kollha. Hija tikkunsidra jekk ir-rikors għall-garanzija huwiex qed jintuża biex tinħonoq talba ġenwina, u jekk it-talba għandhiex prospett raġonevoli ta’ suċċess.

Il-qorti għandha wkoll is-setgħa li tordna li l-garanzija trid tiġi pprovduta minn:

  • nonparti li qed tiffinanzja t-talba għal sehem mill-frott tal-proċedimenti, jew li assenjat id-dritt li tressaq it-talba lir-rikorrent sabiex jiġi evitat ir-riskju li tiġi ffaċċjata b’digriet ta’ spejjeż;
  • kwalunkwe parti fil-proċedimenti li, mingħajr raġuni tajba, naqset milli tikkonforma mar-regoli tal-qorti.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Inġunzjonijiet Proviżorji

Inġunzjoni tista’ teħtieġ li parti tieħu jew toqgħod lura milli tieħu passi fir-rigward ta’ kwalunkwe tip ta’ assi.

Digrieti ta’ Tiftix

Digriet ta’ tiftix jeħtieġ li l-intimat jippermetti d-dħul fil-bini tiegħu, iżda ma jippermettix li r-rikorrent jidħol bil-forza. Id-digriet għandu jispeċifika l-postijiet li jistgħu jiġu mfittxa u jelenka l-oġġetti li l-persuni li jwettqu t-tiftix jistgħu jispezzjonaw, jikkupjaw u jneħħu. Id-digriet jista’ jkopri biss provi li jistgħu jkunu rilevanti fil-proċedimenti, jew proprjetà li tista’ tkun is-suġġett tal-proċedimenti jew li tista’ tirriżulta fi kwistjoni matul il-proċedimenti.

Id-digriet tal-formola standard jeħtieġ li l-intimat jgħaddi l-oġġetti kollha elenkati fid-digriet. Meta evidenza rilevanti tkun tista’ tinżamm f’kompjuters, għandu jingħata aċċess għall-kompjuters kollha fil-bini sabiex ikunu jistgħu jiġu mfittxa, u għandhom jiġu pprovduti kopji tal-affarijiet rilevanti kollha li jkunu nstabu.

Inġunzjonijiet ta’ Ffriżar

Il-qorti tista’ tagħmel inġunzjoni ta’ ffriżar fir-rigward tal-proprjetà tal-intimat li tipprojbixxi lill-intimat milli jnaqqas l-assi tiegħu fil-ġuriżdizzjoni taħt valur speċifikat, jew digriet li jiffriża assi speċifiċi. L-intimat xorta jkun jista’ jonfoq somom stipulati fuq spejjeż tal-għajxien u l-pariri u r-rappreżentanza legali, u d-digriet jista’ jippermetti lill-intimat biex jieħu ħsieb l-assi fl-andament ordinarju tan-negozju.

Il-formola standard ta’ inġunzjoni ta’ ffriżar hija digriet ta’ “somma massima” li jiddikjara li japplika għall-assi kollha tal-intimat sa valur iddikjarat. Din tkopri kwalunkwe assi li l-intimat għandu s-setgħa li jġestiha bħala tiegħu stess, inklużi assi miżmuma jew ikkontrollati minn terza persuna skont l-istruzzjonijiet tal-intimat.

Digriet ġenerali jew ta’ “somma massima” għandu jkopri kwalunkwe assi, inklużi proprjetà mobbli u immobbli, vetturi, flus u titoli. Id-digriet jestendi wkoll għal kwalunkwe assi akkwistati wara li jsir id-digriet. Jista’ jispeċifika proprjetajiet partikolari, assi tan-negozju u kontijiet bankarji li huma ffriżati. Kont bankarju konġunt ma jiġix iffriżat sakemm ma jkunx kopert speċifikament fid-digriet.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

L-intimat huwa avżat li n-nuqqas ta' konformità ma' inġunzjoni proviżorja huwa disprezz tal-qorti li l-intimat jista' jiġi arrestat, immultat jew ikollu assi sekwestrati minħabba fih.

Ma jkunx neċessarjament disprezz tal-qorti meta terza persuna tippermetti lill-intimat jeħles minn assi bi ksur ta' inġunzjoni ta' ffriżar. Madankollu, jekk terza persuna li tkun ġiet notifikata bl-inġunzjoni ta' ffriżar b'mod konxju tassisti lill-intimat biex jeħles minn assi ffriżati, dik il-parti tikkommetti disprezz. Ir-rikorrent għandu għalhekk jipprovdi kopji tal-inġunzjoni ta’ ffriżar lil partijiet terzi bħall-bankiera, l-awdituri u l-avukati tal-intimat. (Il-formola standard ta’ digriet tassumi li dan se jsir u twissi lill-partijiet terzi bil-pieni possibbli. Din tinkludi wkoll l-impenji tar-rikorrent li jħallas l-ispejjeż raġonevoli li jġarrbu partijiet terzi biex jikkonformaw mad-digriet, u biex jikkumpensahom kontra l-obbligazzjonijiet li jġarrbu meta jagħmlu hekk.) Anki jekk ikunu ġew innotifikati bid-digriet, il-banek u partijiet terzi oħra xorta jistgħu jeżerċitaw drittijiet ta' garanzija u ta' tpaċija li nħolqu qabel ma saret l-inġunzjoni ta' ffriżar.

Inġunzjoni ta’ ffriżar ma tagħtix lir-rikorrent xi drittijiet ta’ proprjetà fir-rigward tal-assi ffriżati. Id-dritt li jitressqu proċedimenti għal disprezz huwa ġeneralment l-uniku rimedju tar-rikorrent. Kuntratt li jsir bi ksur ta' inġunzjoni huwa illegali u għalhekk jista' ma jkunx eżegwibbli minn parti li tkun taf li se tikser id-digriet. Barra minn hekk, il-qorti xi kultant tkun tista’ tagħti inġunzjoni separata li timpedixxi lill-intimat milli jwettaq kuntratt ma’ terza persuna. Madankollu, is-sjieda tista’ xorta waħda tiġi ttrasferita taħt kuntratt illegali, u ladarba tali kuntratt ikun twettaq, normalment ma jkunx possibbli li jiġu rkuprati l-assi ttrasferiti.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Meta digriet għal inġunzjoni proviżorja jsir fil-preżenza tal-partijiet, jista' jiddikjara li huwa effettiv sal-kawża, sas-sentenza jew sa digriet ulterjuri tal-qorti, jew sa data speċifikata. (Jekk inġunzjoni tkun effettiva “sakemm ma jkunx hemm digriet ulterjuri” din ma tiskadix meta l-qorti tagħti sentenza, iżda biss meta tagħmel digriet li espressament jew impliċitament jittermina l-inġunzjoni.)

Inġunzjoni proviżorja li ssir mingħajr notifika lill-intimat normalment iddum għal perjodu limitat, rarament tkun itwal minn 7 ijiem, u jkun meħtieġ digriet ieħor tal-qorti biex titkompla. Meta tagħti inġunzjoni mingħajr notifika, il-qorti normalment tiffissa “data ta’ ritorn” għal smigħ ulterjuri li fih l-intimat jista’ jattendi u jikkontesta t-tkomplija tad-digriet. Il-formola standard tal-inġunzjoni ta’ ffriżar tiddikjara li tapplika sad-data tar-ritorn jew digriet ulterjuri.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

L-intimat jew kwalunkwe terza persuna li tkun direttament affettwata minn inġunzjoni proviżorja jistgħu japplikaw lill-qorti fi kwalunkwe ħin biex id-digriet jiġi varjat jew terminat (għalkemm rikors fir-rigward ta' digriet ta' tiftix li jkun diġà ġie eżegwit għandu normalment jistenna sal-kawża). Mhuwiex meħtieġ li wieħed jistenna sad-data tar-ritorn biex jikkontesta digriet li jsir mingħajr notifika. L-intimat għandu javża minn qabel lill-avukati tar-rikorrent dwar it-talba. Ir-rikors għandu normalment isir lill-qorti li tat id-digriet, u ta’ spiss jinstema’ mill-istess imħallef.

Ir-raġunijiet li l-intimat jista’ jagħmel tali rikors għalihom jinkludu: in-nuqqas li tiġi sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet tad-digriet, bidla materjali fiċ-ċirkostanzi li tneħħi l-ġustifikazzjoni għad-digriet, l-effett oppressiv tad-digriet, interferenza mhux raġonevoli mad-drittijiet ta’ partijiet terzi innoċenti, u dewmien min-naħa tar-rikorrent fit-twettiq tat-talba. Meta l-inġunzjoni tkun inkisbet mingħajr notifika lill-intimat, ir-raġunijiet għat-terminazzjoni jew għall-varjazzjoni tad-digriet jinkludu wkoll in-nuqqas mir-rikorrent li jiżvela fatti materjali lill-qorti meta kiseb id-digriet, u evidenza insuffiċjenti biex tiġġustifika l-għoti ta' provvediment proviżorju mingħajr notifika.

Jekk il-qorti tannulla d-digriet, l-intimat imbagħad ikun intitolat joqgħod fuq l-impenn reċiproku dwar danni (cross undertaking in damages) tar-rikorrent u jitlob kumpens. Il-qorti tordna “inkjesta dwar id-danni” biex taċċerta t-telf tal-intimat, għalkemm din tista’ tiġi differita sal-proċess jew aktar tard.

Il-qorti għandha wkoll is-setgħat li tittermina jew tvarja digrieti għal ħlasijiet proviżorji u garanzija għall-ispejjeż, u li tordna li l-flus kollha, jew parti minnhom, imħallsa taħt id-digriet jitħallsu lura.

L-aħħar aġġornament: 27/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.