Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Is-sistema legali Taljana tipprovdi għal miżuri interim li jistgħu jkunu ta’ natura antiċipatorja u li huma, fil-prattika, kawtelatorji. Il-miżuri intermi jistgħu jittieħdu “qabel” ma tinfetaħ il-kawża (miżuriante causam) jew matul il-proċedimenti. Jistgħu jiġu mitluba wkoll meta tibda t-tilwima. Ir-regoli ġenerali dwar il-proċedimenti interim qiegħdin fl-Artikoli 669-bis et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Hemm diversi tipi ta’ miżuri interim: (a) miżuri “kawtelatorji” li huma mfassla biex jikkonservaw l-istat attwali matul il-proċedimenti jew biex iħarsu l-assi. Mandat ta’ sekwestru kawtelatorju huwa eżempju wieħed ta’ miżuri li taqa’ f’din il-kategorija. Essenzjalment, il-miżuri kawtelatorji protettivi għandhom l-għan li jiżguraw li minħabba d-durata tal-proċedimenti l-applikazzjoni ta’ ordni eżekuttiv li jinkiseb wara ma jitlifx il-valur tiegħu, minħabba l-fatt li, pereżempju, l-ass li qiegħed jintalab intilef jew ġie meqrud; (b) miżuri “antiċipatorji” huwa dawk li jantiċipaw, qabel l-eżitu tal-proċedimenti, l-effetti tal-ordni finali. Il-miżuri antiċipatorji interim għalhekk għandhom l-għan li jiżguraw li l-persuna li għandha dak id-dritt ma tibqax fi stat fejn mhix sodisfatta, li jwassal għal danni li wara ma jistgħux jiġu kumpensati.

Il-miżuri interim huma, in ġenerali, “tipiċi” u huma previsti wkoll minn liġijiet speċjali, bħal dawk, pereżempju, marbuta mal-kwistjonijiet tal-familja, il-manteniment, il-privattivi eċċ. Madankollu, jistgħu jintalbu wkoll miżuri interim “atipiċi”: dawn huma magħrufa bħala miżuri urġenti, u huma regolati mill-Artikolu 700 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Din id-dispożizzjoni tiżgura li dawk li għandhom biża ġustifikata li ż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni tad-drittijiet tagħhom bil-proċedura ordinarja tista’ potenzjalment tikkawżalhom dannu imminenti u irreparabbli jistgħu jitolbu lill-qorti biex tapplika miżuri urġenti, li jidhru, skont iċ-ċirkostanzi, aktar kapaċi jiżguraw b’mod provviżorju l-effetti tad-deċiżjoni fuq il-mertu.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

Il-ħruġ ta’ miżuri provviżorji huwa soġġett għal żewġ rekwiżiti:

(A) Periculum in mora, jiġifieri l-biża’ fondata li, sakemm tingħata s-sentenza fuq il-mertu, id-dritt li l-miżura provviżorja għandha l-għan li tħares tista’ ssirlu ħsara irreparabbli;

(B) Fumus boni juris, jiġifieri li jrid ikun hemm każ prima facie għall-pretensjoni.

2.1 Il-proċedura

Ir-regoli proċedurali qiegħdin fl-Artikoli 669-bis et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. It-talba ssir permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-qorti kompetenti. Qabel jibdew il-proċedimenti ewlenin, it-talba titressaq quddiem qorti kompetenti fuq il-mertu. Meta l-proċedimenti ewlenin ikunu pendenti, it-talba trid titressaq lill-qorti li qed tiddeċiedi dwar il-kawża. Wara li tkun semgħet lill-partijiet u mingħajr xi formalità li mhix essenzjali għal proċedura kontradittorja, il-qorti tkompli biex teżamina, bil-mod li tqis l-aktar xieraq, ir-rekwiżiti meħtieġa għall-għanijiet tal-miżura proposta, qabel taċċetta jew ticħad it-talba permezz ta’ ordni. Jekk it-taħrika tal-parti avversarja tista’ tipperikola l-eżekuzzjoni tal-miżura, il-qorti tista’ toħroġ deċiżjoni bir-raġunijiet fil-forma ta’ ordni li tinkludi, fejn meħtieġ, informazzjoni fil-qosor. F’dan il-każ, permezz tal-istess ordni, il-qorti għandha tagħżel data biex tisma’ lill-partijiet, mhux aktar tard minn ħmistax-il ġurnata, u tagħti lir-rikorrent perjodu ta’ żmien perentorju ta’ mhux iktar minn tmien ijiem biex fiha jinnotifika r-rikors u l-ordni. Fis-seduta ta’ smigħ, il-qorti tista’, permezz ta’ ordni, tikkonferma, temenda jew tħassar il-miżuri fl-ordni inizjali.

Il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar il-proċedimenti billi tagħti ordni li tiċħad, tawtorizza parzjalment jew kompletament it-talba. Jekk it-talba tiġi milqugħa, u tiġi ppreżentata qabel jibdew il-proċedimenti ewlenin, l-ordni li tawtorizza t-talba trid tistabbilixxi perjodu ta’ żmien perentorju ta’ mhux iktar minn sittin jum biex jibdew il-proċedimenti ewlenin: din ir-regola ma tapplikax għal miżuri antiċipatorji u urġenti kif stabbilit fl-Artikolu 700 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Il-ħruġ ta’ miżura provviżorja huwa soġġett għaż-żewġ rekwiżiti msemmija hawn qabel: periculum in mora u fumus boni juris.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

Dawn huma miżuri ta’ natura provviżorja sakemm tinqata’ s-sentenza fil-proċedimenti prinċipali. Madankollu, jekk dan huwa l-każ dejjem għal miżuri ta’ protezzjoni, li jeħtieġu li l-kawża prinċipali tkun pendenti, dan huwa l-każ parzjalment biss fil-każ ta’ miżuri antiċipatorji, li jibqgħu effettivi jkunx hemm kawża pendenti jew le, għalkemm ma jkollhomx l-istess saħħa daqs is-sentenza finali li tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet involuti fil-kawża.

Il-kontenut tal-miżuri provviżorji jvarja skont it-tip ta’ periklu (periculum) li huma maħsuba jevitaw. Pereżempju, is-sekwestru kawtelatorju japplika għall-assi tad-debitur; min-naħa l-oħra, l-ordni sabiex jerġa’ jitħaddem impjegat li jkun tkeċċa inġustament, huwa obbligu sabiex tittieħed azzjoni (facere.).

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Skont il-bżonn, il-miżuri jistgħu japplikaw għal proprjetà immobbli kif ukoll proprjetà mobbli, iżda wkoll għall-proprjetà intellettwali u x-xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Il-miżuri kawtelatorji huma mfassla biex jippreservaw is-sitwazzjoni fil-fatt u fid-dritt li tkun teżisti meta jkun tressaq ir-rikors, sabiex jassiguraw li ż-żmien meħtieġ għall-konklużjoni tal-proċedimenti prinċipali ma jikkawżax ħsara lid-drittijiet tar-rikorrent. Il-miżuri antiċipatorji, min-naħa l-oħra, huma mfassla biex jantiċipaw l-effetti tas-sentenza finali tal-proċediment prinċipali.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Il-miżuri provviżorji jibqgħu fis-seħħ sakemm tingħata s-sentenza finali fil-proċediment prinċipali, li tieħu posthom. Il-miżuri protettivi, li għalihom tinħtieġ kawża (pereżempju awtorizzazzjoni għal sekwestru ġudizzarju fl-Artikolu 670 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jew sekwestru kawtelatorju fl-Artikolu 671 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), ukoll jitilfu l-effikaċja tagħhom jekk ma ssirx kawża jew ma titkomplix fiż-żmien stabbilit bil-liġi jew mill-qorti, jew fejn il-garanzija meħtieġa mill-qorti ma tingħatax. Il-miżuri antiċipatorji, anki dawk atipiċi (dawk li l-kontenut tagħhom jiġi stabbilit mhux mil-liġi iżda mill-qorti, skont l-Artikolu 700 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) , anki jekk ma jistgħux jiġu inklużi fis-sentenza finali, jibqgħu fis-seħħ anki jekk ma ssirx kawża jew jekk il-kawża tinfetaħ iżda mbagħad tiġi deżerta .

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Jista' jsir appell mid-deċiżjonijiet dwar miżuri provviżorji, kemm jekk jilqgħu jew jiċħdu r-rikors (l-Artikolu 669-terdecies) jew għaliex huma vizzjati, jew billi jiġu ppreżentati ċirkostanzi u raġunijiet addizzjonali lill-Qorti tal-Appell mhux inklużi fir-rikors oriġinali.

Ħoloq relatati

The Italian Constitution (EN)

https://www.senato.it/sites/default/files/media-documents/COST_INGLESE.pdf

Il-Kodiċijiet u l-Liġijiet Taljani (IT)

https://www.normattiva.it/?language=en

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljan (IT)

http://www.altalex.com/documents/codici-altalex/2015/01/02/codice-di-procedura-civile

Il-Kodiċi tal-Proċess Amministrattiv (EN)

https://www.giustizia-amministrativa.it/cdsintra/wcm/idc/groups/public/documents/document/mday/mzk3/~edisp/nsiga_4276977.pdf

Code de justice administrative (FR)

https://www.giustizia-amministrativa.it/cdsintra/wcm/idc/groups/public/documents/document/mday/njiz/~edisp/nsiga_4506451.pdf

Italienische Verwaltungsprozessordnung (DE)

https://www.giustizia-amministrativa.it/cdsintra/wcm/idc/groups/public/documents/document/mday/nda5/~edisp/nsiga_4289867.pdf

Italy’s judicial system (EN)

https://www.csm.it/web/csm-international-corner/consiglio-superiore-della-magistratura/sistema-giudiziario-italiano?show=true&title=&show_bcrumb=

Il-Kodiċi Proċedurali tat-Taxxa (IT)

http://def.finanze.it/DocTribFrontend/getAttoNormativoDetail.do?id=%7bECD81E71-D37B-4722-AA36-116B5BCB2232%7d

Il-Ministeru tal-Ġustizzja (IT)

https://www.giustizia.it/giustizia

L-aħħar aġġornament: 28/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.