

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Skont il-liġi Lussemburgiża hemm firxa ta’ miżuri disponibbli sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet tal-partijiet sakemm tkun għadha pendenti l-konklużjoni ta’ kawża ġudizzjarja sħiħa li tkun se tiddeċiedi definittivament dwar it-talbiet tagħhom.
Dawn jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji:
Fil-każijiet urġenti kollha, l-imħallef li jippresjedi proċedimenti sommarji (juge des référés) jista’ jordna miżuri proviżorji li għalihom ma jkunx hemm oġġezzjoni ġustifikata jew li huma ġġustifikati minħabba l-eżistenza ta’ tilwima.
L-imħallef jista’ jiddeċiedi wkoll dwar diffikultajiet b’rabta mal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tiegħu stess.
L-imħallef li jippresjedi jew is-sostitut tiegħu dejjem jista’ jordna miżuri kawtelatorji jew rimedjali li huma neċessarji biex jiġu evitati danni imminenti jew biex jinġieb fi tmiemu disturb manifestament illegali.
Ir-rikors isir b’taħrika (assignation) biex wieħed jidher f’seduta organizzata għal dan l-għan fil-ħin u l-ġurnata normali għal dawn is-seduti orali.
Jekk il-każ ikun urġenti, madankollu, l-imħallef li jippresjedi jew is-sostitut tiegħu jistgħu jippermettu t-taħrika ta’ parti biex tattendi għas-seduta f’ħin stabbilit anke matul tmiem il-ġimgħa, festi pubbliċi jew ġranet li normalment ma humiex ġranet tax-xogħol, kemm fil-qorti kif ukoll fid-dar tal-imħallef stess, li tkun miftuħa għall-pubbliku f’dik l-okkażjoni.
Fil-każijiet urġenti kollha, l-imħallef li jippresjedi l-proċedimenti sommarji jista’ jordna miżuri proviżorji li ma jkunx hemm oġġezzjoni ġustifikata għalihom jew li jkunu ġġustifikati mill-eżistenza ta’ tilwima. Huma jistgħu jiddeċiedu wkoll dwar diffikultajiet b’rabta mal-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew xi ordni eżegwibbli oħra. Meta l-proċeduri sommarji jikkonċernaw diffikultajiet rigward l-eżekuzzjoni ta’ ordni jew sentenza, il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni hija l-qorti tal-post fejn għandha tiġi eżegwita l-miżura.
L-imħallef li jippresjedi jew is-sostitut tiegħu jista’ dejjem jordna miżuri proviżorji jew rimedjali li huma neċessarji biex jiġu evitati danni imminenti jew biex iġibu fi tmiemu disturb manifestament illegali. Sabiex ma jintilfux il-provi, il-qorti tista’ tordna kull miżura ta’ investigazzjoni li tista’ tkun meħtieġa, inkluż is-smigħ tax-xhieda.
Hemm bosta dispożizzjonijiet ġuridiċi speċifiċi li jipprevedu miżuri proviżorji jew kawtelatorji fi kwistjonijiet speċifiċi (pereżempju l-kiri tal-proprjetà, proprjetà indiviża, koproprjetà, suċċessjonijiet, reġimi tal-proprjetà matrimonjali, eċċ.). Ir-regoli speċifiċi dwar il-ġuriżdizzjoni normalment ikunu stabbiliti fit-test tal-liġi li jagħti s-setgħa lill-qorti biex tadotta tali miżura. Ma hemmx regola ġenerali dwar il-ġuriżdizzjoni, apparti l-fatt li l-ġuriżdizzjoni biex jiġu adottati miżuri proviżorji normalment tkun għand l-imħallef li jippresjedi l-qorti li tkun mitluba tieħu konjizzjoni tal-mertu tat-tilwima.
Fin-nuqqas ta’ proċedura speċifika, parti li tkun tixtieq li tiġi ordnata miżura trid titlob lill-imħallef li jkollu l-ġuriżdizzjoni biex jisma rikorsi b’urġenza. Skont l-ammont ikkonċernat, il-ġuriżdizzjoni tkun vestita fil-kummissarju tal-ġustizzja (juge de paix – sa massimu ta’ EUR 15,000) jew fl-imħallef għal proċedimenti sommarji (juge des référés) fil-Qorti Distrettwali (tribunal d’arrondissement). Dawn l-imħallfin għandhom il-ġuriżdizzjoni biex jordnaw miżuri proviżorji jew rimedjali jew biex jiġu evitati danni imminenti jew biex iġibu fi tmiemu disturb manifestament illegali.
Ġeneralment, ma hijiex obbligatorja r-rappreżentanza minn avukat.
Il-qorti tista’ ġeneralment tadotta miżuri proviżorji biss jekk, fil-fehma tagħha, ikun hemm bżonn reali għalihom jew il-kwistjoni tkun urġenti.
Meta l-kreditur japplika għal awtorizzazzjoni biex jissekwestra l-assi, il-qorti jeħtieġ li tivverifika jekk, fuq il-bażi tad-dokumenti u l-ispjegazzjonijiet li ngħatat, it-talba hijiex fondata mqar fil-prinċipju.
Il-miżuri proviżorji jistgħu jikkonċernaw l-assi mobbli kollha ta’ individwu. Huma eżenti mis-sekwestru biss ċerti oġġetti meqjusa bħala essenzjali għal ħajja ta’ kuljum. Ara wkoll l-iskeda informattiva “Kif għandha tiġi eżegwita deċiżjoni tal-qorti – Il-Lussemburgu”.
Il-liġi Lussemburgiża tippermetti s-sekwestru ta’ pagi u salarji u ta’ dħul alternattiv (pensjonijiet, dħul indipendenti eċċ.). Dik il-parti mid-dħul ekwivalenti għal dak li huwa meqjus bħala essenzjali għal ħajja ta’ kuljum jibqa’ dejjem eżentat.
Il-kreditur ma jistax jissekwestra assi immobbli. Dan it-tip ta’ sekwestru jeħtieġ deċiżjoni definittiva mill-qorti.
F’ħafna mill-każijiet, il-qorti li tordna l-miżura tispeċifika wkoll l-effetti tagħha. Il-qorti tista’ tiffissa perjodu ta’ żmien għall-ordni tagħha, jew tillimita l-ordni għal assi jew atti speċifiċi.
Meta l-qorti tawtorizza s-sekwestru b’rispons għal rikors ex parte minn waħda mill-partijiet, il-liġi tistabbilixxi perjodi ta’ preskrizzjoni li fihom għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti rikors għal validazzjoni (demande de validation). Jekk it-talba għall-awtorizzazzjoni ma ssirx fil-ħin, is-sekwestru awtomatikament isir null.
Il-liġi tagħti s-setgħa lill-qrati biex jadottaw miżuri proviżorji sabiex jirregolaw b’mod temporanju tilwima bejn diversi partijiet sakemm tingħata soluzzjoni definittiva fl-aħħar tal-proċess fuq il-mertu.
Skont definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tali miżuri “huma intiżi biex tiġi ppreservata sitwazzjoni fattwali jew legali biex jiġu ssalvagwardjati drittijiet li qed jintalab ir-rikonoxximent tagħhom xi mkien ieħor minbarra l-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni”.
Il-miżuri proviżorji jistgħu jittieħdu wkoll sabiex sitwazzjoni ma tkomplix tmur għall-agħar.
Fil-prattika, dawn il-miżuri jippermettu lill-kredituri jipproteġu ruħhom mir-riskju li ma jitħallsux bl-użu ta’ waħda minn dawn iż-żewġ tekniki: jew id-debituri ma jitħallewx jiddisponu mill-assi tagħhom, jew jiġu rreġistrati ipoteki fuq l-assi sabiex jekk l-assi jbiddlu l-idejn id-dejn ikun jista’ jiġi rkuprat mill-akkwirenti futuri.
Meta miżura proviżorja tittieħed minn qorti wara seduta li fiha nkunu nstemgħu l-partijiet, din tista’ tiġi appellata. Il-preskrizzjoni għall-appell hija ta’ 15-il ġurnata wara n-notifika tad-deċiżjoni.
Ma hemmx appell minn deċiżjonijiet meħuda fuq rikors ex parte. Jekk parti fil-kawża tkun tal-fehma li l-miżura ttieħdet bi żball hija tista’ titlob lill-qorti għal miżura proviżorja ġdida li tissospendi l-effetti tal-miżura li kienet ġiet ordnata b’risposta għal rikors ex parte preċedenti.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.