Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Il-miżuri proviżorji u preventivi huma maħsuba għall-protezzjoni ta’ ċerti sitwazzjonijiet legali, u jistgħu jinkludu: (a) miżuri proviżorji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas legali għall-adulti akkumpanjati previsti mil-Liġi Nru 49/2018 tal-14 ta’ Awwissu 2018; (b) il-kurazija proviżorja tal-beni ta’ persuna assenti (l-Artikolu 1021 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili); (c) il-ħatra ta’ kuratur ad litem (l-Artikolu 17 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili); jew (d) miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ beni li jinkludu patrimonju sospiż (l-Artikolu 938 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-iskop tal-proċedimenti kawtelatorji (eż. dawk previsti fl-Artikoli 362 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) huwa li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ deċiżjoni tardiva u li tiġi ggarantita l-effettività tas-sentenza finali (l-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-proċedimenti kawtelatorji huma maħsuba biex jiżguraw l-eżitu prattiku tal-azzjoni, biex jiġu evitati danni serji jew biex tiġi antiċipata l-eżekuzzjoni tal-jedd, filwaqt li jinkiseb bilanċ, bl-aħjar mod possibbli, bejn l-interessi tar-rapidità u taċ-ċertezza legali.

Il-liġi proċedurali ċivili Portugiż tipprevedi żewġ tipi ta’ proċedimenti kawtelatorji:

(a) proċedimenti kawtelatorji ordinarji (procedimento cautelarcomum) (l-Artikoli 362 sa 376 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(b) proċedimenti kawtelatorji speċifiċi (procedimentos cautelares especificados) (l-Artikoli 377 sa 409 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Eżempji ta’ dawn jinkludu:

(a) ir-restituzzjoni proviżorja ta l-pussess (l-Artikolu 377 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(b) is-sospensjoni ta’ riżoluzzjonijiet ta’ kumpanija (l-Artikolu 380 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(c) il-manteniment proviżorju (l-Artikolu 384 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(d) l-għoti ta’ danni proviżorji (l-Artikolu 388 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(e) il-qbid (l-Artikolu 391 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(f) l-inibizzjonijiet fuq xogħlijiet ġodda (l-Artikolu 397 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(g) id-deskrizzjoni (l-Artikolu 403 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

Meta persuna turi biża’ ġustifikata li persuna oħra tista’ tikkawża dannu serju u irreparabbli lill-jeddijiet tagħha, hija tista’ titlob il-miżura preventiva jew antiċipatorja adegwata biex tiżgura l-effettività tal-jedd ipperikolat (l-Artikolu 362(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Li tirrikorri għal miżuri kawtelatorji ordinarja, billi huma rimedju supplimentari, jiddependi wkoll minn nuqqas ta’ miżura kawtelatorja speċifika li tkun adegwata għall-fatti tal-kawża (l-Artikolu 362(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

B’hekk, il-miżuri kawtelatorji mhux speċifikati bnadi oħra msemmijin fl-Artikolu 362 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għandhom il-prekondizzjonijiet legali li ġejjin:

(a) l-eżistenza apparenti ta’ jedd;

(b) il-biża’ fondata sew li persuna oħra tista’ tikkawża dannu gravi u irreparabbli għall-jedd ta’ dak li jkun (periculum in mora);

(c) l-adegwatezza prattika tal-miżura preventiva jew antiċipatorja għall-iżgurar tal-effettività tal-jedd ipperikolat;

(d) il-miżura li trid tinkiseb ma tridx tkun koperta minn proċeduri kawtelatorji oħrajn.

Sabiex il-qorti tordna miżuri kawtelatorji, huwa biżżejjed għaliha li jkun hemm każ prima facie li l-jedd pretiż jeżisti u li hemm biża’ ġustifikata li ż-żmien jkun naturalment iddedikat sabiex tinstab riżoluzzjoni finali għat-tilwima jista’ jikkawża dannu irreparabbli jew li diffiċilment jiġi kkompensat. L-imħallef irid ikun suffiċjentement konvint li l-eżitu tal-kawża prinċipali se jkun favur ir-rikorrent, peress li miżuri kawtelatorji jinvolvu interferenza ċara mas-sitwazzjoni legali tal-intimat (l-Artikolu 368(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2.1 Il-proċedura

Ħlief għall-inibizzjoni fuq xogħlijiet ġodda, li tista’ tittieħed azzjoni ekstraġudizzjarja inizjali għaliha li tiġi segwita minn rikors għall-konferma mill-qorti (l-Artikolu 397(2) u (3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), il-proċedimenti l-oħrajn kollha huma bbażati fuq rikors inizjali quddiem il-qorti fejn ir-rikorrent jipprovdi provi sommarji tal-jedd ipperikolat u jiġġustifika l-biża’ ta’ dannu. F’dan ir-rikors, tintbagħat il-lista tax-xhieda u tintalab evidenza oħra, b’limitu ta’ ħames xhieda, f’konformità mal-Artikolu 365 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni territorjali, l-Artikolu 78 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddikjara li:

(a) rikorsi għall-qbid u d-deskrizzjoni tal-beni jistgħu jsiru fil-qorti fejn trid tinfetaħ l-kawża relatata, jew fil-post fejn jinsabu l-beni jew, jekk ikun hemm beni f’għadd ta’ distretti, f’wieħed minnhom (l-Artikolu 78(1)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(b) għal inibizzjoni fuq xogħlijiet ġodda, il-ġuriżdizzjoni tkun tal-qorti tal-post fejn ikun irid isir ix-xogħol (l-Artikolu 78(1)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(c) għall-proċedimenti kawtelatorji l-oħrajn, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni hija l-qorti fejn trid tinfetaħ il-kawża relatata (l-Artikolu 78(1)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ir-rappreżentanza minn avukat hija mandatorja meta l-valur tal-miżura jeċċedi EUR 5 000.00 jew meta huma ammissibbli l-appelli, skont l-Artikoli 58 u 1090 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili flimkien mal-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Fil-valutazzjoni tal-kriterji biex tordna miżura kawtelatorja, il-qorti trid teżamina dejjem jekk il-biża’ invokata hijiex fondata sew u kemm ikun serju u diffiċli li jiġi kkumpensat id-dannu potenzjali. Hija tivvaluta wkoll jekk il-miżura preventiva jew antiċipatorja tkunx xierqa fil-każ speċifiku kkonċernat, bil-ħsieb li jkun issalvagwardjat il-jedd li allegatament ikun ipperikolat. Trid tistabbilixxi li hemm riskju marbut ma’ kwalunkwe dewmien.

Hija teżamina wkoll jekk il-proċedimenti jkunux effettivament jew potenzjalment dipendenti fuq kawża miftuħa jew li se tinfetaħ abbażi tal-jedd protett mill-miżura.

F’dan it-tip ta’ proċediment, hija l-qorti li trid tikseb provi prima facie (jiġifieri provi inqas rigorużi milli fil-kawża prinċipali) li hemm probabbiltà reali li l-jedd li jrid ikun salvagwardat jeżisti u li l-biża’ li jinkiser huwa suffiċjentement iġġustifikat.

Il-miżuri kawtelatorji kollha jitqiesu bħala urġenti, u jieħdu prijorità fuq kwalunkwe xogħol ġudizzjarju ieħor li ma jkunx urġenti (l-Artikolu 363(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), u jridu jkunu deċiżi fl-ewwel istanza fi żmien ta’ mhux aktar minn xahrejn jew, jekk l-intimat ma jkollux għalfejn jiġi mħarrek, fi żmien 15-il jum (l-Artikolu 363(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Jeddijiet u proprjetà mobbli u immobbli li ma humiex totalment jew parzjalment esklużi mil-liġi jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri kawtelatorji.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Peress li jiġu ordnati mill-qrati, il-miżuri kawtelatorji huma vinkolanti fuq l-entitajiet pubbliċi u privati kollha u jieħdu preċedenza fuq miżuri adottati minn kwalunkwe awtorità oħra (l-Artikolu 205(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża). Kull persuna li tikser il-miżura kawtelatorja ordnata teħel il-piena għar-reat ta’ diżobbedjenza aggravata ta’ ordni uffiċjali (desobediência qualificada), minkejja kull miżura ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 375 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Mingħajr ma tkun affettwata l-possibbiltà li r-rikorrent jiġi eżentat mir-responsabbiltà li jiftaħ l-kawża prinċipali, l-Artikolu 373 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi li l-proċedimenti kawtelatorji jiġu fi tmiemhom u kull miżura ordnata tiskadi:

(a) jekk ir-rikorrent ma jiftaħx il-kawża li l-miżura tiddependi fuqha fi żmien 30 jum minn dakinhar li jkun ġie nnotifikat li d-deċiżjoni li tordna l-miżura saret finali (l-Artikolu 373(1)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(b) jekk, wara li tiġi ppreżentata l-kawża, il-proċedimenti twaqqfu għal aktar minn 30 jum minħabba n-negliġenza tar-rikorrent (l-Artikolu 373(1)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(c) jekk il-kawża tiġi miċħuda minn deċiżjoni finali (l-Artikolu 373(1)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(d) jekk il-kawża tiġi miċħuda fuq bażi proċedurali u r-rikorrent ma jiftaħx kawża ġdida fil-ħin sabiex jibbenefika mill-effetti tal-kawża preċedenti (l-Artikolu 373(1)(d) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(e) jekk il-jedd li r-rikorrent qed jipprova jissalvagwardja skada (l-Artikolu 373(1)(e) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Iva. L-appelli ordinarji huma ammissibbli meta l-valur tal-miżuri jeċċedi l-limitu tal-qorti li d-deċiżjoni tkun qed tiġi appellata quddiemha u d-deċiżjoni kkontestata tkun sfavorevoli għall-parti li tkun qed tappella b’aktar minn nofs dan l-ammont (l-Artikolu 629(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jistgħu dejjem jiġi ppreżentati appelli wkoll kontra deċiżjonijiet marbuta mal-valur tal-miżuri kawtelatorji fuq il-bażi li l-valur jeċċedi l-limitu tal-qorti li ħadet id-deċiżjoni kkontestata (l-Artikolu 629(3)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) u kontra ċaħdiet preliminari ta’ rikorsi inizjali għal miżuri kawtelatorji (l-Artikolu 629(3)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Id-deċiżjonijiet li jordnaw it-tneħħija tar-responsabbiltà għall-preżentata tal-kawża jistgħu jiġu appellati biss flimkien ma’ appelli kontra deċiżjonijiet dwar il-miżura mitluba; id-deċiżjonijiet biex tiġi miċħuda t-tneħħija huma finali u ma jistgħux jiġu appellati (l-Artikolu 370(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ma jistgħux isiru appelli quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Supremo Tribunal de Justiça) kontra deċiżjonijiet li jordnaw miżuri kawtelatorji, inklużi dawk li jordnaw it-tneħħija tar-responsabbiltà għall-preżentata tal-kawża, mingħajr preġudizzju għall-kawżi fejn appell ikun ammissibbli dejjem (l-Artikolu 370(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ordni kawtelatorja tista’ tiġi kkontestata minn:

  • kwalunkwe parti fil-proċedimenti li titlef il-kawża (l-Artikolu 631(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • kull persuna li ma hijiex parti fil-proċedimenti iżda li ġġarrab ħsara diretta u reali minnhom (l-Artikolu 631(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni li tisma’ l-appell hija l-qorti tal-appell fl-istess distrett ġudizzjarju fejn tinsab il-qorti li tat id-deċiżjoni kkontestata.

Il-limitu taż-żmien għall-preżentata ta’ appell huwa ta’ 15-il jum min-notifika tad-deċiżjoni (l-Artikolu 638(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk l-appell ikun jikkonċerna wkoll ir-rieżami ta’ evidenza rreġistrata, il-limitu taż-żmien jiżdied b’għaxart ijiem (l-Artikolu 638(7) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Appell ippreżentat kontra ordni li tiċħad b’mod totali jew li ma tordnax il-miżura għandu effett sospensiv (l-Artikolu 647(3)(d) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F’każijiet oħra din ikollha effett purament devoluttiv.

Leġiżlazzjoni applikabbli

Il-Liġi Nru 41/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 - Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

Il-Liġi Nru 62/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013 – Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja

Links relatati

Tista’ tikseb aktar informazzjoni mis-siti li ġejjin:

Il-Portal tal-Ġustizzja;

Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja

Il-Portal CITIUS

Il-Bażi tad-data tad-Dokumenti Ġuridiċi

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Portugall

Nota:

Il-Punt ta’ Kuntatt NĠE-Ċivili, il-qrati jew l-entitajiet u l-awtoritajiet l-oħrajn ma humiex marbutin bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. Għalkemm tiġi aġġornata fuq bażi regolari, din l-iskeda informattiva ma tiħux post il-ħtieġa li tinqara l-leġiżlazzjoni rispettiva fis-seħħ u tista’ tkun soġġetta għal bidliet fl-interpretazzjoni mill-ġurisprudenza.

L-aħħar aġġornament: 01/08/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.