Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

It-tipi differenti ta’ miżuri kawtelatorji huma l-qbid kawtelatorju u ġudizzjarju u s-sekwestru kawtelatorju. Miżuri kawtelatorji huma mandati għall-iffriżar u l-konservazzjoni waqt il-proċeduri, ordnati mill-qorti fuq l-assi tad-debitur sabiex jiġi evitat li l-parti opposta teqred jew tittrasferixxi l-assi kkonċernati jew li tnaqqas dawk l-assi.

Il-qbid kawtelatorju jikkonsisti fl-iffriżar tal-assi traċċabbli tad-debitur sabiex jiġu rkuprati meta l-kreditur ikun kiseb ordni ta’ eżekuzzjoni. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili fih serje ta’ dispożizzjonijiet speċjali dwar il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ arrest kawtelatorju ta’ bċejjeċ tal-baħar ċivili.

Il-qbid ġudizzjarju jikkonsisti fl-iffriżar tal-assi billi jafdahom lil uffiċjal tas-sekwestru għall-kustodja.

Il-qbid ġudizzjarju jista’ jiġi applikat kull darba li jkun hemm proċedimenti legali li jittrattaw proprjetà jew dritt prevalenti ieħor in rem, bi sjieda ta’ assi jew bl-użu jew immaniġġjar ta’ proprjetà konġunta, meta l-qorti tkun kompetenti li tapprova l-qbid ġudizzjarju tal-assi.

Is-sekwestru kawtelatorju jista’ jiġi applikat għal flus, titoli jew assi intanġibbli mobbli traċċabbli oħra dovuti lil debitur minn terzi.

Is-sekwestru eżekuttiv huwa forma ta’ eżekuzzjoni indiretta fejn jiġu rkuprati l-flus, titoli jew assi intanġibbli mobbli traċċabbli oħra..

Uħud mis-sentenzi tal-qorti tal-prim’istanza huma legalment proviżorjament eżekutorji meta l-għan tagħhom ikun li jistabbilixxu l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, id-dritt li jkollhom relazzjoni personali mal-minuri u r-residenza tal-minuri; rimunerazzjoni, benefiċċju tal-qgħad; kumpens għal inċidenti fuq il-post tax-xogħol; annwalitajiet, obbligi ta’ manteniment; benefiċċji tat-tfal u pensjonijiet; kumpens għall-mewt jew korriment fiżiku jew ħsara għas-saħħa tal-bniedem; tiswijiet immedjati; issiġillar, tneħħija tal-issiġillar jew inventarju; talbiet rigward pussess; sentenzi deċiżi fuq il-bażi tal-ammissjoni mill-intimat ta’ talbiet ta’ rikorrent eċċ. Dawn is-sentenzi għandhom ikunu proviżorjament eżekutorji.

Il-Qorti tista’ taċċetta l-eżekuzzjoni provviżorja ta’ sentenzi dwar l-assi.

Għall-preżentazzjoni tal-provi, kull persuna li jkollha interess li tistabbilixxi, b’urġenza, ix-xhieda ta’ persuna, opinjoni ta’ espert jew il-kundizzjoni ta’ ċerti assi jew li jkollha sottomissjoni, fatt jew dritt rikonoxxut tkun intitolata li titlob, kemm qabel kif ukoll matul il-kawża, l-amministrazzjoni ta’ tali provi..

Jekk id-detentur jipprovdi evidenza li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu jkunu soġġetti għal azzjoni illegali, kurrenti jew imminenti u li tali azzjoni x’aktarx tikkawżalu dannu li diffiċli jissewwa, huwa jista’ jitlob miżuri kawtelatorji mill-qorti (projbizzjoni tal-ksur jew waqfien provviżorju tiegħu; teħid tal-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-preżervazzjoni tal-evidenza).

Fil-każ ta’ dannu kkawżat permezz ta’ midja miktuba jew awdjoviżiva, il-qorti tista’ tordna waqfien proviżorju tal-azzjoni ta’ ħsara biss jekk id-dannu kkawżat lir-rikorrent ikun serju, jekk l-azzjoni tkun manifestament inġustifikata u jekk il-miżura meħuda mill-qorti ma tkunx jidher li tkun sproporzjonata fir-rigward tad-dannu kkawżat.

Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar it-talba skont id-dispożizzjonijiet relatati mal-inġunzjoni interlokutorja. Meta t-talba tiġi ppreżentata qabel ma titressaq azzjoni fuq il-merti tal-każ, is-sentenza li tordna l-miżura kawtelatorja għandha tistabbilixxi wkoll il-limitu ta’ żmien li fih għandha titressaq l-azzjoni fuq il-merti, fin-nuqqas tagħha dik il-miżura għandha tintemm awtomatikament. Jekk il-miżuri meħuda x’aktarx jikkawżaw dannu lill-parti opposta, il-qorti tista’ tordna lir-rikorrent jipprovdi garanzija tal-ammont stabbilit minnu.

Il-miżuri meħuda qabel jinbdew proċedimenti legali biex jiddefendu d-dritt miksur jiġu tterminati awtomatikament jekk r-rikorrent ma jkunx ippreżenta r-rikors lill-qorti fil-limitu ta’ żmien stabbilit minnha, iżda mhux aktar tard minn 30 jum wara d-data ta’ meta jkunu ttieħdu.

Ir-rikorrent għandu jkun meħtieġ li jagħmel tajjeb, fuq talba tal-parti kkonċernata, għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-miżuri kawtelatorji meħuda jekk l-azzjoni fuq il-merti tal-każ tiġi miċħuda bħala infondata. Madankollu, jekk ir-rikorrent ma kellux tort jew kellu tort żgħir, il-qorti tista’, fir-rigward ta’ ċirkostanzi speċifiċi, jew tirrifjuta li tordnah iħallas id-danni mitluba mill-parti opposta, jew tordna li dawn jitnaqqsu.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Mandat ta’ qbid kawtelatorju tiġi ammessa mill-qorti u l-eżekuzzjoni titwettaq mill-uffiċjal tal-eżekuzzjoni mingħajr ebda awtorizzazzjoni jew formalità għajr ir-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, il-qbid għandu jiġi applikat mingħajr avviż jew avviż minn qabel lid-debitur.

L-ordnijiet jistgħu jinħarġu biss mill-qorti tal-prim’istanza b’ġuriżdizzjoni fuq il-materja (qbid ġudizzjarju, sekwestru kawtelatorju) jew mill-qorti tal-prim’istanza li tittratta l-kawża jew il-qorti li l-assi jkunu jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tagħha (qbid ġudizzjarju). F’tali proċedimenti speċjali, mhijiex obbligatorja assistenza minn avukat. Is-sentenzi dwar il-qbid kawtelatorju u s-sekwestru kawtelatorju għandhom jiġi eżegwiti minn uffiċjal ġudizzjarju. L-uffiċjal tal-qbid jista’ jħejji d-dokumenti kollha għall-konservazzjoni u l-amministrazzjoni, jirċievi xi dħul u ammonti dovuti u jħallas id-djun attwali u d-djun stabbiliti skont ordni ta’ eżekuzzjoni. L-ispejjeż prevedibbli huma taxxi tal-boll ġudizzjarji biss li, skont l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament dwar l-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80 tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar it-taxxi tal-boll ġudizzjarji huma RON 100 għall-pretensjonijiet marbutin ma’ miżuri kawtelatorji u RON 1 000 għal pretensjonijiet dwar arrest ta’ bċejjeċ tal-baħar u inġenji tal-ajru. Il-kreditur jista’ jkun obbligat iħallas depożitu ta’ sigurtà stabbilit mill-qorti. Jekk il-pretensjoni tal-kreditur ma tkunx iddikjarata bil-miktub, id-depożitu ta’ garanzija huwa stabbilit mil-liġi bħala nofs il-valur iddikjarat.

Sekwestru eżekuttiv jiġi eżegwit, fuq talba tal-kreditur, minn uffiċjal ġudizzjarju li l-uffiċċju tiegħu jkun fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-appell fejn id-debitur jew parti terza soġġetta għas-sekwestru jkollha d-domiċilju/l-uffiċċju tagħha jew, fil-każ ta’ kontijiet bankarji, minn uffiċjal ġudizzjarju mill-post fejn id-debitur ikollu d-domiċilju/l-uffiċċju rreġistrat jew mill-post fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha l-uffiċċju prinċipali/sekondarju tagħha.

Għall-eżekuzzjoni provviżorja, it-talba tista’ tiġi ppreżentata bil-miktub u bil-fomm fil-qorti qabel l-għeluq tad-dibattiti. Il-Qorti tista’ taċċetta l-eżekuzzjoni provviżorja ta’ mandati li japplikaw għal assi meta hija tqis li l-miżura tkun meħtieġa b’rabta mar-raġunijiet legali manifesti jew għall-kundizzjoni ta’ insolvenza tad-debitur u meta tqis li jekk ma teżegwix ordni bħal din immedjatament dan ikun għad-detriment evidenti tal-kreditur. F’dawn il-każijiet, il-qorti tista’ tobbliga lill-kreditur biex iħallas depożitu ta’ garanzija.

Għall-preżentazzjoni tax-xhieda, it-talba tkun indirizzata, qabel il-proċess quddiem il-qorti, lill-qorti tad-distrett li x-xhud jinsab fil-ġuriżdizzjoni tagħha jew is-suġġett tas-sejba u, matul proċedimenti ta’ proċess, lill-qorti li tkun qed tittratta l-kwistjoni fil-prim’istanza. It-talba tal-parti tiddikjara l-provi u l-fatti li għandha l-ħsieb tagħti prova tagħhom, kif ukoll ir-raġunijiet għall-ħtieġa li tingħata tali evidenza jew il-kunsens tal-parti opposta.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Biex ikun hemm qbid u sekwestru kawtelatorji, kawża għandha tkun pendenti. Fil-każ ta’ qbid ġudizzjarju jista’ jinħareġ mandat anke jekk ma jkun hemm l-ebda kawża pendenti. Kreditur li ma jkollu l-ebda ordni ta’ eżekuzzjoni jista’ jitlob l-eżekuzzjoni ta’ qbid jew sekwestru kawtelatorji jekk iġib provi li jkun ressaq it-talba tiegħu.

F’każijiet urġenti, talba għall-arrest kawtelatorju ta’ biċċa tal-baħar tista’ tiġi ppreżentata anki qabel ma jiġi ppreżentat rikors dwar il-merti tal-każ.

Qorti tista’ taċċetta t-talba għal qbid ġudizzjarju jew sekwestru kawtelatorju jekk din il-miżura tkun meħtieġa biex tħares id-dritt rispettiv u li tkun pendenti kawża rigward id-dritt ta’ sjieda jew dritt prevalenti ieħor in rem, il-pussess ta’ beni jew l-użu jew amministrazzjoni ta’ proprjetà konġunta.

Qbid ġudizzjarju jista’ jiġi approvat, anke fin-nuqqas ta’ proċedimenti ta’ proċess dwar il-merti rigward assi li joffri d-debitur għar-rilaxx tiegħu, sabiex jinqabdu assi li fir-rigward tagħhom il-parti konċernata jkollha raġunijiet raġonevoli biex tibża’ li jistgħu jitneħħew, jinqerdu jew jinbidlu mis-sid; għal assi mobbli li jammontaw għall-garanzija tal-kreditur, meta jitlob l-insolvenza tad-debitur tiegħu jew meta l-kreditur ikollu raġunijiet biex jissuspetta li d-debitur jevita l-eżekuzzjoni jew ikun qiegħed jibża’ mit-tneħħija jew mid-deterjorament tal-assi.

Qorti toħroġ deċiżjoni b’rabta mat-talba ta’ qbid kawtelatorju / sekwestru kawtelatorju b’urġenza in camera, mingħajr ma jitħarrku l-partijiet, b'konklużjoni eżekutorja, u, fejn applikabbli, il-valur tal-garanzija u l-limitu ta’ żmien għall-ħlas tagħha. Talba għal qbid ġudizzjarju tiġi ttrattata b’urġenza u l-partijiet jitħarrku. F’każ ta’ ammissjoni, il-qorti tista’ tobbliga lir-rikorrent iħallas depożitu ta’ garanzija u, fil-każ ta’ beni immobbli, li jkunu elenkati fir-reġistru tal-artijiet.

Ma hemm l-ebda rekwiżit rigward l-urġenza tat-talba iżda, għall-kreditur, fil-każ ta’ qbid kawtelatorju u sekwestru kawtelatorju, hemm il-possibbiltà li juri li d-deċiżjoni ma tiġix eżegwita fuq il-bażi tat-tneħħija jew il-qerda tal-assi kkonċernati tad-debitur anke jekk it-talba ma tkunx dovuta.

Sekwestru eżekuttiv jiġi stabbilit mingħajr taħrika, b’konklużjoni li tagħraf l-eżekuzzjoni, b’nota li tindika wkoll l-ordni ta’ eżekuzzjoni, li trid tintbagħat lil terzi, flimkien ma’ dik il-konklużjoni li tagħraf l-eżekuzzjoni. Id-debitur jiġi infurmat ukoll bil-mandat. Il-mandat ta’ sekwestru tal-qorti jinforma lit-terzi, li jiksbu l-istatus ta’ terzi b’mandat ta’ sekwestru, li huma pprojbiti li jħallsu lid-debitur, flus jew assi mobbli dovuti jew li se jkunu dovuti, u jistqarru li huma suġġetti għall-mandat ta’ sekwestru sa fejn dan ikun meħtieġ biex jinkiseb l-obbligu eżegwit.

Għall-preżentazzjoni tax-xhieda, ir-rekwiżit huwa li għandu jkun hemm theddida li l-evidenza probabbli li tgħib jew tkun diffiċli li tiġi indirizzata fil-futur. Jekk il-parti opposta tagħti l-kunsens tagħha, it-talba tista’ tiġi ppreżentata anki fl-assenza ta’ kwalunkwe urġenza. Il-Qorti tħarrek lill-partijiet u tagħti kopja tat-talba lill-parti opposta. Il-Qorti tittratta din it-talba f’sessjoni magħluqa biex tasal għal konklużjoni. Meta jkun hemm periklu ta’ dewmien, il-Qorti tista’ taċċetta t-talba, mingħajr ma tħarrek lill-partijiet.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Kontijiet tal-bank, assi intanġibbli, garanziji, eċċ. jistgħu jkunu suġġetti għal sekwestru kawtelatorju.

Assi tanġibbli mobbli, mezzi ta’ trasport reġistrati, beni immobbli, eċċ. jistgħu jkunu soġġetti għal qbid kawtelatorju.

Beni immobbli, assi mobbli, eċċ. jistgħu jkunu soġġetti għal qbid ġudizzjarju.

Flus, titoli jew assi intanġibbli mobbli oħrajn jistgħu jkunu soġġetti għal sekwestru eżekuttiv.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Għal qbid u sekwestru kawtelatorju, l-assi maqbuda jew sekwestrati jistgħu jiġu rkuprati biss wara li l-kreditur ikun kiseb ordni eżekutorja.

Mandat ta’ arrest kawtelatorju ta’ bċejjeċ tal-baħar tiġi eżegwita billi l-bastiment jinżamm mill-uffiċċju tal-kaptan tal-port fejn ikun jinsab dak il-bastiment. F’dan il-każ, l-uffiċċju tal-kaptan tal-port ma jirrilaxxax id-dokumenti tat-trasport meħtieġa u ma jippermettix li l-bastiment jitlaq mill-port.

Tiġi imposta multa bħala piena biss jekk l-attur jikseb b'mala fede miżura kawtelatorja li tkun ta’ dannu għall-intimat. L-intimat/debitur jista’ jkun soġġett għal piena skont il-liġi kriminali għal nuqqas ta’ konformità ma’ sentenzi tal-qorti.

Jekk id-debitur jippreżenta garanzija suffiċjenti, il-qorti tista’ tannulla l-mandat ta’ qbid kawtelatorju fuq talba tad-debitur. It-talba għall-ħelsien ta’ assi tiġi ttrattata f’sessjoni magħluqa, b’urġenza, u l-partijiet jitħarrku fi żmien qasir b’konklużjoni.

Bl-istess mod, jekk it-talba prinċipali li t-talba għal miżura kawtelatorja hija bbażata fuqhom tiġi annullata, miċħuda jew tiskadi b’sentenza finali jew jekk il-persuna li tkun ressqet dik it-talba tkun tkun ċediet l-eżerċizzju tagħha, id-debitur jista’ jitlob ir-rilaxx tal-assi mingħand il-qorti li tkun ħarġet il-mandat. Il-Qorti tagħti sentenza finali dwar it-talba, mingħajr ma tħarrek lill-partijiet.

Għal sekwestru eżekuttiv, il-flus u l-assi kollha soġġetti għal sekwestru jiġu ffriżati mid-data meta l-mandat ta’ sekwestru jintbagħat lil parti terza soġġetta għas-sekwestru. Mill-ħin tal-iffriżar sal-ħlas sħiħ tal-obbligi ddikjarati fl-ordni ta’ eżekuzzjoni, il-parti terza suġġetta għas-sekwestru ma tagħmel l-ebda ħlas u ma twettaq l-ebda operazzjoni li x’aktarx li tnaqqas l-assi ffriżati. Meta l-pretensjoni tas-sekwestru tiġi ggarantita b’ipoteka jew garanzija oħra in rem, il-kreditur li qed jitlob is-sekwestru jkun intitolat jitlob li tiġi mniżżla fir-reġistru tal-artijiet jew f’reġistri pubbliċi oħra.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Għal qbid u sekwestru kawtelatorju, il-limiti ta’ żmien li ma jkoprux il-perjodu tal-mandat maħruġ mill-qorti jistgħu jiġu stabbiliti skont deċiżjoni tal-qorti (pereżempju, il-limitu ta’ żmien meħtieġ għall-kreditur biex jippreżenta garanzija soġġett għal piena ta’ rilaxx ta’ assi).

Din l-ordni tkun valida sakemm is-sentenza tat-talba għar-rilaxx tal-assi jekk din it-talba tkun ġiet miċħuda, ma tkunx għadha valida jew titwarrab, jekk it-talba tkun aċċettata, sal-eżekuzzjoni tas-sentenza jew sakemm id-debitur jipprovdi garanziji suffiċjenti.

L-appell dejjem jiġi riżolt bit-taħrika tal-partijiet.

Għal sekwestru eżekuttiv, il-flus u l-assi kollha soġġetti għal sekwestru jiġu ffriżati mid-data meta l-mandat ta’ sekwestru jintbagħat lit-terzi soġġetti għas-sekwestru. Mill-ħin tal-iffriżar sal-ħlas sħiħ tal-obbligi ddikjarati fl-ordni ta’ eżekuzzjoni, inkluż għall-perjodu ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni permezz tas-sekwestru, il-parti terza suġġetta għas-sekwestru ma tagħmel l-ebda ħlas u ma twettaq l-ebda operazzjoni li x’aktarx li tnaqqas l-assi ffriżati, sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor.

Terzi soġġetti għal sekwestru għandhom jirreġistraw l-ammont ta’ flus jew jiffriżaw l-assi intanġibbli mobbli suġġetti għas-sekwestru fi żmien ħamest ijiem mill-avviż tas-sekwestru jew mid-data ta’ meta kellu jsir il-ħlas tal-ammonti dovuti fil-ġejjieni. Il-marixxall tal-qorti jirrilaxxa jew jagħti l-ammont ta’ flus irreġistrat.

Jekk terzi soġġetti għal sekwestru jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom, il-kreditur ta’ rintraċċar, id-debitur jew il-marixxall tal-qorti, jistgħu jinnotifikaw lill-qorti li tkun ħarġet l-ordni eżekuttiva sabiex tivvalida s-sekwestru. Jekk l-evidenza amministrata turi li t-terzi li kienu soġġetti għas-sekwestru għandhom jagħtu flus lid-debitur, il-qorti għandha tieħu deċiżjoni li tivvalida s-sekwestru u b’hekk torbot lit-terzi suġġetti għas-sekwestru biex iħallsu lill-kreditur l-ammont dovut lid-debitur u, jekk le, tiddeċiedi li twarrab is-sekwestru. Jekk is-sekwestru jkun ġie eżegwit fuq assi intanġibbli mobbli, li fid-data tal-eżekuzzjoni, kienu miżmuma minn terzi soġġetti għal sekwestru, il-qorti tiddeċiedi li tbigħhom.

Għall-preżentazzjoni tal-evidenza, l-evidenza ppreżentata tiġi eżaminata fil-qorti, waqt is-sentenza tal-kawża, b’rabta mal-ammissibbiltà u l-konklussività tagħha. Ix-xhieda ppreżentata tista’ tintuża wkoll mill-parti li ma tkunx talbet l-amministrazzjoni tagħhom. Spejjeż imġarrba mal-amministrazzjoni tal-evidenza huma rreġistrati mill-qorti li tkun qed tittratta l-każ fuq il-merti tiegħu.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Għall-qbid u s-sekwestru kawtelatorji il-konklużjoni tkun soġġetta biss għal appell fi żmien ħamest ijiem mid-data tad-deċiżjoni jew tan-notifika, skont jekk il-proċess kienx sar bil-partijiet imħarrkin jew mingħajrhom, quddiem il-qorti ġerarkikament superjuri. Jekk il-ġuriżdizzjoni tal-prim’ istanza tirrigwarda l-qorti tal-appell, ir-rimedju jkun appell. L-effett ta’ dawn ir-rimedji huwa jew ir-rilaxx tal-assi jew iż-żamma tal-miżuri kawtelatorji. Kwalunkwe parti interessata tista’ tippreżenta oġġezzjoni kontra l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' qbid/sekwestru.

Għal sekwestru eżekuttiv, id-deċiżjoni maħruġa fir-rigward tal-validazzjoni tas-sekwestru tkun suġġetta biss għal appell fi żmien ħamest ijiem min-notifika. Id-deċiżjoni ta’ validazzjoni finali jkollha l-effetti ta’ ċessjoni tal-pretensjonijiet u tammonta għal ordni ta’ eżekuzzjoni kontra t-terzi soġġetti għall-ordni ta’ sekwestru sa ftehim dwar l-ammonti li ngħatat validazzjoni għalihom. Wara li l-anness jiġi vvalidat, it-terzi soġġetti għas-sekwestru jipproċedu għal reġistrazzjoni jew ħlas, fil-limiti tal-ammont indikat espressament fid-deċiżjoni tal-validazzjoni.

Għal eżekuzzjoni provviżorja, jekk it-talba tkun ġiet miċħuda mill-qorti tal-prim’istanza, din tista’ tkun suġġetta għal appell. Is-sospensjoni ta’ eżekuzzjoni provviżorja tista’ tintalab jew permezz tal-appell ippreżentat, jew b’mod distint matul il-proċedura ta’ appell. Sakemm it-talba għal sospensjoni tiġi solvuta, l-eżekuzzjoni tista’ tiġi aċċettata b’mod provviżorju permezz ta’ inġunzjoni interlokutorja anke qabel il-wasla tal-atti tal-kawża.

Għall-preżentazzjoni tal-evidenza, il-konklużjoni li ssostni t-talba għall-preżentazzjoni tal-evidenza hija eżekutorja u ma hija soġġetta għal ebda rimedju. Il-konklużjoni li tiċħad talba tista’ tiġi appellata biss fi żmien ħamest ijiem mid-deċiżjoni, jekk il-partijiet ikun ġew imħarrkin, u mid-data tan-notifika, jekk il-partijiet ma jkunux ġew imħarrkin.

Ix-xhieda li għandha tiġi ppreżentata tista’ tiġi amministrata biss fil-limitu ta’ żmien stipulat f’dan ir-rigward. L-amministrazzjoni tax-xhieda ppreżentata tiġi aċċertata f’konklużjoni li ma tkun soġġetta għal ebda rimedju.

L-aħħar aġġornament: 08/08/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.