Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Mandat kawtelatorju (diligence on the dependence)

Il-mandat kawtelatorju huwa miżura protettiva li tintuża waqt li azzjoni tal-qorti tkun għaddejja, jew ftit qabel ma tibda. Din tippermetti lil rikorrent (kreditur) jippreżerva l-assi tal-intimat sabiex dawn ikunu disponibbli biex jissodisfaw kwalunkwe digriet (sentenza) mogħti f’azzjoni tal-qorti favur ir-rikorrent.

Hemm żewġ tipi ta’ mandati kawtelatorji: L-ewwel wieħed, il-mandat ta’ sekwestru kawtelatorju (arrestment on the dependence), huwa metodu li bih rikorrent f’azzjoni għall-ħlas ta’ flus, jista' effettivament "jiffriża" kwalunkwe flus jew assi tal-intimat li jkunu f'idejn terza persuna. Dik it-terza persuna mbagħad tkun ipprojbita milli tagħmel il-ħlas tal-flus jew tittrasferixxi l-assi. It-tieni wieħed, il-mandat ta’ inibizzjoni kawtelatorju (inhibition on the dependence), jimpedixxi lill-intimat milli jittrasferixxi jew jiddisponi minn kwalunkwe proprjetà li tintiret fis-sjieda tiegħu. Din tintuża fir-rigward ta’ art jew bini, aktar milli flus jew proprjetà mobbli, u timpedixxi l-intimat milli jiġġestixxi l-proprjetà tiegħu b’mod li jista’ jippreġudika t-talba tar-rikorrent, pereżempju, billi jbigħ il-proprjetà u mbagħad jeħles mir-rikavat.

Il-mandat ta’ sekwestru kawtelatorju u l-mandat ta’ inibizzjoni kawtelatorju t-tnejn jistgħu jinqelbu f’mandat eżekuttiv normali (normal diligence in execution) jekk jingħata digriet favur ir-rikorrent fil-kawża fil-qorti.

Mandat ta’ qbid proviżorju (interim attachment)

Mandat ta’ qbid proviżorju huwa mandat proviżorju (provisional diligence), li jippermetti lir-rikorrent jaqbad il-proprjetà mobbli tal-intimat waqt li tkun għaddejja l-kawża fil-qorti. Dan effettivament jillimita l-kapaċità tal-intimat li jiġġestixxi proprjetà mobbli maqbuda fil-pussess tiegħu sakemm tinqata’ l-kawża. Madankollu, il-mandat ta’ qbid proviżorju ma jistax jintuża f’dar għall-abitazzjoni, u ċerti oġġetti huma eżentati. Barra minn hekk, ladarba jinkiseb digriet, dan ma jinqelibx f’mandat ta’ qbid eżekuttiv (attachment in execution); hija meħtieġa talba għall-ħlas (charge for payment) u mandat ta’ qbid ulterjuri (further attachment) qabel ma l-oġġetti maqbuda jkunu jistgħu jinbiegħu b’subbasta.

Interdett proviżorju (interim interdict)

L-interdett huwa digriet tal-qorti li ma jħallix lil persuna tagħmel xi ħaġa, bħal pereżempju teħles mill-proprjetà, biex b'hekk tkun tista' tintuża biex tippreżerva s-sitwazzjoni eżistenti tal-intimat. L-interdett proviżorju għandu l-istess forza legali bħal interdett iżda ġeneralment jingħata fi stadju bikri tal-proċedimenti fil-qorti ladarba jsir rikors għal interdett, u qabel ma ssir inkjesta dwar il-fatti. B’riżultat ta’ dan, huwa aktar suxxettibbli għal kontestazzjoni jew irtirar.

Preżervazzjoni ta’ dokumenti u proprjetà oħra

Qorti tista’ tagħmel digriet għall-preżervazzjoni proviżorja ta’ dokumenti u proprjetà oħra (inkluża l-art) li tippermetti lil parti tippreżerva evidenza reali jew takkwista l-evidenza.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Mandat kawtelatorju (diligence on the dependence)

Il-mandat kawtelatorju jista’ jipproċedi biss b’digriet ta’ qorti. Kemm il-Qorti tas-Sessjoni (Court of Session) kif ukoll il-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) jistgħu jagħtu mandat ta' qbid (arrestment) jew ta' inibizzjoni (inhibition) fuq is-suġġett tal-kawża (the dependence), jew għal qbid proviżorju (interim attachment). Il-mandat ta' qbid (arrestment on the dependence) u l-qbid proviżorju (interim attachment) jgħoddu biss meta l-azzjoni titlob il-ħlas ta’ somma flus, għajr spejjeż. Il-mandat ta’ inibizzjoni fuq is-suġġett tal-kawża (warrant for inhibition on the dependence) jgħodd meta l-azzjoni jkun fiha konklużjoni simili, jew tkun qed tfittex implimentazzjoni speċifika ta’ obbligu li l-proprjetà li tintiret tingħata lir-rikorrent, jew li tagħti dritt in rem bħala garanzija fuq proprjetà li tintiret.

F'azzjoni fil-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court), ir-rikorrent normalment jitlob mandat kawtelatorju fuq is-suġġett tal-kawża billi jitolbu fiċ-ċitazzjoni (writ) inizjali. Iċ-ċitazzjoni inizjali tinkludi t-talba tar-rikorrent. Il-mandat kawtelatorju fuq is-suġġett tal-kawża jista’ japplika fi kwalunkwe ħin sal-ħruġ ta’ digriet finali favur ir-rikorrent. In-notifika tal-qbid (arrestment), l-inibizzjoni (inhibition) jew sekwestru (attachment) imbagħad normalment tiġi eżegwita minn uffiċjal tax-xeriff (sheriff officer) (uffiċjal tal-qorti maħtur biex jinnotifika d-dokumenti u jeżegwixxi l-ordnijiet).

Fil-Qorti tas-Sessjoni (Court of Session) (il-qorti suprema ċivili fl-Iskozja), mandati kawtelatorji fuq is-suġġett tal-kawża (warrants for diligence on the dependence) jinkisbu permezz ta’ rikors. Il-Lord Ordinarju (Lord Ordinary) (kull imħallef fil-Kamra Esterna tal-Qorti tas-Sessjoni) imbagħad jista' jagħti digriet għall-mandat kawtelatorju. L-iskedi tal-qbid, l-inibizzjoni jew is-sekwestru huma normalment eżegwiti minn “Messenger-at-Arms” (uffiċjal tal-Qorti tas-Sessjoni maħtur biex jinnotifika d-dokumenti u jeżegwixxi l-ordnijiet tal-qorti).

Preżervazzjoni ta’ dokumenti u proprjetà oħra

Qabel ma l-qorti tkun tista’ tagħti digriet meta l-proċedimenti li d-dokumenti jew il-proprjetà huma relatati magħhom ikunu għadhom ma nbdewx, huwa meħtieġ li r-rikorrent juri li x'aktarx li jitressqu proċedimenti ċivili u li f'tali proċedimenti jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet dwar dokumenti jew proprjetà oħra. F’azzjoni li tkun inbdiet, id-digriet jingħata biss meta r-rikorrent juri li dan ikun meħtieġ biex ikun jista’ jispeċifika dak li diġà ddikjarat (jiġifieri li jipprova dak li ddikjara fil-kawża tiegħu). Jekk ir-rikors jintlaqa’, id-digriet jispeċifika l-mod kif tkun meħtieġa l-konformità. Wara dan, kopja awtentikata tad-digriet għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet li jkun sar kontrihom.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Mandat kawtelatorju

Il-mandat kawtelatorju huwa diskrezzjonali u l-qrati ma jagħtux dan il-mandat sakemm ma jkunux sodisfatti skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar id-Debituri (l-Iskozja) tal-1987 (Debtors (Scotland) Act 1987), u li jkun raġonevoli li dan isir fiċ-ċirkostanzi kollha. L-attur għandu l-oneru li jissodisfa lill-qorti li d-digriet għandu jingħata.

Interdett proviżorju

Ix-Xeriff irid ikun sodisfatt bl-urġenza tal-kwistjoni u l-qawwa tal-każ qabel ma jingħata interdett proviżorju. Għandu jkun xieraq meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, u x-Xeriff irid ikun sodisfatt li se tiġi kkawżata aktar inkonvenjenza lir-rikorrent jekk ma jingħatax l-interdett proviżorju, milli tiġi kkawżata lill-intimat jekk jingħata.

Preżervazzjoni ta’ dokumenti u proprjetà oħra

Qabel ma l-qorti tkun tista’ tagħti d-digriet, ikun meħtieġ li r-rikorrent juri li x’aktarx li jitressqu proċedimenti ċivili u li, f’tali proċedimenti, jistgħu jirriżultaw kwistjonijiet rilevanti dwar id-dokumenti jew proprjetà oħra. Jekk diġà jkunu tressqu proċedimenti ċivili, id-digriet jingħata biss meta r-rikorrent juri li jkun meħtieġ (ara l-punt 2.1 hawn fuq).

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Mandat kawtelatorju

Qbid effettivament “jiffriża” oġġetti jew flus li jkunu proprjetà tal-intimat, iżda li jkunu f'idejn terza persuna. Din it-terza persuna tissejjaħ l-“arrestee”. Fondi jew oġġetti maqbuda (arrested) ma jistgħux jittieħdu fil-pussess ta’ kreditur jew jinbiegħu qabel ma jingħata d-digriet. Jekk digriet jingħata favur ir-rikorrent, il-fondi jistgħu jkunu suġġett għal rilaxx awtomatiku, iżda għandha tittieħed azzjoni ta’ rkupru (action of furthcoming) għar-rilaxx tal-oġġetti.

L-inibizzjoni hija “diligence” personali li timpedixxi lill-intimat milli jeħles minn, jew jagħti garanzija fuq, l-interess tiegħu fi proprjetà li tintiret fis-sjieda tiegħu, għad-detriment tal-kredituri. L-inibizzjonijiet jintużaw kontra proprjetà li tintiret fis-sjieda tal-intimat pjuttost milli kontra l-proprjetà dovuta lilu minn terza persuna.

Sekwestru proviżorju jista’ jissekwestra proprjetà mobbli korporali, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet. L-eċċezzjonijiet jinkludu kwalunkwe oġġett miżmum fid-dar ta’ abitazzjoni tal-intimat, oġġetti meħtieġa għall-kummerċ jew in-negozju tal-intimat, oġġetti li jiħżienu, u, soġġett għal valur preskritt, il-vettura tal-intimat.

Interdett proviżorju

Interdett proviżorju jipprojbixxi intimat milli jwettaq azzjoni speċifika b'effett immedjat.  Jista' jkollu l-effett li jimpedixxi intimat jew terza persuna milli jieħdu passi fir-rigward ta' kwalunkwe tip ta' assi.

Preżervazzjoni ta’ dokumenti u proprjetà oħra

Il-Qorti tas-Sessjoni (Court of Session) u l-Qorti tax-Xeriff (Sherriff Court) għandhom setgħat wesgħin biex jordnaw il-preżervazzjoni, il-kustodja u d-detenzjoni ta’ dokumenti u proprjetà oħra (inkluża l-art) li jistgħu jkunu rilevanti fi kwalunkwe proċedimenti ġudizzjarji eżistenti jew futuri. Il-qorti tista’ tordna l-produzzjoni u l-irkupru ta’ kwalunkwe proprjetà bħal din, kif ukoll tieħu kampjuni, u tista’ twettaq kwalunkwe esperiment fuqha.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Mandat kawtelatorju

Mandat ta’ qbid għandu l-effett li “jiffriża” oġġetti jew fondi li jkunu l-proprjetà tal-intimat u li jkunu miżmuma minn terza persuna. Jekk it-terza persuna tiddisponi mill-assi maqbuda, issir responsabbli fil-konfront tar-rikorrent għall-valur tagħhom. Jekk l-azzjoni tar-rikorrent tirnexxi, ikollu dritt ta’ preferenza (preferable right) fuq il-proprjetà maqbuda. Il-mandat ta’ qbid jiffriża iżda ma jittrasferix is-sjieda lir-rikorrent.

Mandat ta’ inibizzjoni ma jagħtix lir-rikorrent dritt in rem fuq il-proprjetà, u dan ma jistax jieħu azzjoni biex jieħu l-pussess tal-proprjetà jew ibigħha. L-effett ta’ dan il-mandat (diligence) huwa li l-proprjetà tiġi ppreżervata bħala parti mill-patrimonju tal-intimat u għalhekk iżommu milli jiddisponi minnha, jew li jagħti garanzija fuq, l-interess tiegħu fil-proprjetà. Kwalunkwe att legali volontarju li jaffettwa l-proprjetà wara d-data effettiva tal-inibizzjoni jista’ jiġi annullat mir-rikorrent sa fejn ikunu ppreġudikati l-interessi tiegħu.

Interdett proviżorju

Meta intimat jonqos milli jikkonforma ma’ interdett, ir-rikorrent jista’ jieħu passi kontrih għall-ksur tal-interdett. Jekk l-akkuża tiġi ammessa jew ipprovata, il-pieni li l-intimat jista' jiffaċċja jinkludu multa jew priġunerija potenzjali.

Preżervazzjoni ta’ dokumenti u proprjetà oħra

In-nuqqas ta’ konformità mad-digriet jista’ jirriżulta f’digriet fil-kontumaċja, fil-proċedimenti prinċipali, kontra parti inadempjenti. Barra minn hekk, jista’ jwassal biex jittieħdu proċedimenti għal disprezz tal-qorti kontra kull min ikollu dokument jew proprjetà speċifikata fl-interdett.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Mandat kawtelatorju

Fil-każ ta’ qbid, jekk l-intimat jirbaħ il-kawża, allura il-mandat ta’ qbid jaqa' meta jingħata d-digriet finali.  Jekk ir-rikorrent jirbaħ il-każ, il-qbid isir eżekuttiv għal massimu ta’ tliet snin mid-data tad-digriet.

Inibizzjoni timpedixxi lill-intimat milli jiddisponi mill-proprjetà li tintiret tiegħu jew milli jagħti garanzija fuqha.  L-inibizzjoni kawtelatorja awtomatikament tinqeleb f’inibizzjoni malli jingħata d-digriet.  L-effett inibitorju jdum għal ħames snin iżda jista' jiġi estiż.

Meta sekwestru proviżorju jiġi eżegwit, dan ikollu effett għal sitt xhur jew sakemm jiġi rtirat.  Jekk l-azzjoni kontra l-intimat ma tirnexxix, dan ukoll iwassal biex is-sekwestru proviżorju jintemm.

Interdett proviżorju

Interdett proviżorju jkompli sakemm jiġi rtirat jew sakemm l-azzjoni finalment tingħalaq.  Jekk l-interdett ikollu limitu ta’ żmien, allura dan ikompli sakemm jiskadi l-limitu ta’ żmien speċifikat.

Preżervazzjoni ta’ dokumenti u proprjetà oħra

Id-digriet jaqa’ mad-disponiment finali tal-azzjoni.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Mandat kawtelatorju

Intimat jista' jikseb interdett li jimpedixxi l-użu ta' mandat ta’ qbid kawtelatorju f'żewġ sitwazzjonijiet.  L-ewwel nett, meta jkun jista’ jiġi vverifikat minnufih li l-qbid ikun żbaljat, fis-sens li ġie eżegwit mingħajr mandat, jew b’mod irregolari, jew b’mod malizzjuż u mingħajr kawża probabbli. It-tieni sitwazzjoni hija meta l-intimat ikun iddepożita l-qorti s-somma prinċipali li għaliha jkun ġie mfittex.

Meta jkun inħareġ mandat kawtelatorju (warrant for diligence on the dependence), l-intimat, jew kull min ikollu interess, jista' jitlob l-irtirar jew ir-restrizzjoni tiegħu.  L-irtirar ineħħi l-mandat kompletament kif ukoll kwalunkwe effett kawtelatorju (diligence) li jirriżulta minnu.  Jekk mandat ta’ qbid jew inibizzjoni kawtelatorju, jew sekwestru proviżorju, eżegwit wara l-għoti tal-mandat jitqies bħala mhux kompetenti, f’dak il-każ il-qbid, l-inibizzjoni jew is-sekwestru iridu jiġu rtirati.

Jekk il-mandat kien fil-fatt validu, iżda l-qbid, l-inibizzjoni jew is-sekwestru proviżorju kienu jew ineffettivi jew irregolari, l-effett kawtelatorju jista’ jiġi ristrett.

Meta l-intimat ikun ifittex li jirtira jew jirrestrinġi l-mandat kawtelatorju, l-oneru huwa fuq ir-rikorrent biex jissodisfa lill-qorti li l-effett kawtelatorju m’għandux jiġi rtirat jew ristrett.  Il-qorti tista’ wkoll titlob li l-intimat jipprovdi kawtela (garanzija) li, meta jingħata digriet kontrih, ikun hemm disponibbli għar-rikorrent il-fond maqbud (arrested fund) jew il-valur tiegħu jew, b’mod aktar komuni, id-dejn kollu mitlub fil-kawża.

Interdett proviżorju

Digriet li jagħti jew li jirrifjuta interdett proviżorju li jsir fil-Qorti tax-Xeriff jista' jiġi appellat mingħajr permess mingħand ix-Xeriff Prinċipali (Sheriff Principal) (ix-Xeriff anzjan fiż-żona lokali) jew bil-permess tal-Qorti tas-Sessjoni.

Digriet li jagħti jew li jirrifjuta interdett proviżorju mogħti mill-Qorti tas-Sessjoni jista' jiġi appellat fi żmien erbatax-il jum mill-għoti tad-digriet.

Preżervazzjoni ta’ dokumenti u proprjetà oħra

Digriet li jagħti rikors għall-preżervazzjoni ta' dokumenti jew proprjetà mogħti mill-Qorti tax-Xeriff jista' jiġi appellat fi żmien erbatax-il jum mill-ħruġ tad-digriet.

Fil-Qorti tas-Sessjoni, kull persuna li tirċievi l-petizzjoni għall-preżervazzjoni tad-dokumenti jew proprjetà tista’ tikkomparixxi u topponi l-petizzjoni jekk tkun tixtieq tagħmel hekk. Meta jkun qed jeżegwixxi id-digriet, il-Kummissarju maħtur mill-qorti biex jagħmel dan għandu jinforma lir-riċevitur dwar id-dritt tiegħu li jieħu parir legali. Meta l-għan li jittieħed dan il-parir ikun biex jgħinu jiddeċiedi jekk jitlobx lill-qorti biex tvarja d-digriet, il-Kummissarju ma jibdiex ifittex, jieħu l-pussess ta’ jew jippreżerva l-oġġetti elenkati.

Ħoloq relatati

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service)

Accountant in Bankruptcy

L-aħħar aġġornament: 28/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.