- 1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?
- 2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?
- 3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?
Id-dritt ċivili Ċek ma għandux regoli proċedurali li jinnominaw qrati speċjalizzati sabiex jittrattaw tipi speċifiċi ta’ kawżi. F’kawżi ċivili, il-qorti ġenerali għandha, fil-prinċipju, il-ġuriżdizzjoni sabiex issolvi tilwim fil-materji kollha tad-dritt ċivili. Dawn huma definiti materjalment b’mod li fi proċeduri ġudizzjarji ċivili, il-qrati għandhom jisimgħu u jiddeċiedu dwar tilwim u kawżi legali oħra li joħorġu minn relazzjonijiet regolati mid-dritt privat (l-Artikolu 7(1) tal-Att Nru 99/1963 Coll., il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kif emendat). Barra minn hekk, daħlet fis-seħħ liġi ġdida fir-Repubblika Ċeka mill-1.1. 2014, l-Att Nru 292/2013 Coll., dwar proċeduri ġudizzjarji speċjali. Skont dan l-Att, il-qrati jittrattaw u jiddeċiedu dwar il-materji legali stabbiliti f’dan l-Att.
F’ċerti każijiet, leġiżlazzjoni speċjali tagħti s-setgħa li jiddeċiedu dwar materji relatati mad-dritt ċivili lill-awtoritajiet amministrattivi. Madankollu, f’dan il-każ id-deċiżjoni mill-awtorità amministrattiva dejjem tista' tiġi rieżaminata suċċessivament minn qorti ċivili fi proċeduri skont il-Parti Ħamsa tal-Att Nru 99/1963 Coll., il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kif emendat (l-Artikolu 244 et seq.).
2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?
2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?
Fir-Repubblika Ċeka, il-qrati ċivili tal-prim’istanza huma l-qrati distrettwali u l-qrati reġjonali u, f’każijiet rari, il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka.
1. Il-qrati distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni biex jisimgħu proċeduri fil-prim’istanza, sakemm il-liġi ma tipprovdix espliċitament li l-qrati reġjonali jew il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka jkollhom il-ġuriżdizzjoni.
2.
a) Skont l-Att Nru 99/1963 Coll., il-qrati reġjonali għandhom ġuriżdizzjoni fuq il-kawżi li ġejjin fil-prim’istanza:
- f’tilwim rigward is-saldu reċiproku ta’ ħlasijiet żejda ta’ allowance tal-assigurazzjoni għall-pensjoni, assigurazzjoni tal-mard, appoġġ soċjali mill-istat u assistenza għal ħtiġijiet materjali u f’tilwim fir-rigward tas-saldu reċiproku ta’ kumpens eċċessiv imħallas b’riżultat tal-intitolament għal benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-mard,
- f’tilwim rigward l-illegalità ta’ strajk jew lockout,
- f’tilwim fir-rigward ta’ stat barrani jew persuni li jgawdu immunitajiet u privileġġi diplomatiċi jekk dan it-tilwim jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati Ċeki,
- f’tilwim rigward l-annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitru dwar l-eżekuzzjoni tal-obbligi li joħorġu minn ftehim kollettiv,
- f’kawżi li jsegwu minn relazzjonijiet legali marbuta mal-istabbiliment ta’ korporazzjonijiet kummerċjali, fondazzjonijiet, dotazzjonijiet u fondi ta’ dotazzjoni u f’tilwim bejn korporazzjonijiet kummerċjali, is-sħab jew il-membri tagħhom kif ukoll f’tilwim bejn sħab u membri li jirriżulta mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-korporazzjoni kummerċjali,
- f’tilwim bejn korporazzjonijiet tan-negozju, is-sħab jew il-membri tagħhom u membri tal-korpi statutorji tagħhom jew il-likwidaturi, jekk it-tilwim jirrigwarda l-eżerċizzju tal-uffiċċju ta’ membri tal-korpi statutorji jew il-likwidazzjoni,
- f’tilwim li jirriżulta mil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur,
- f’tilwim li jirrigwarda l-protezzjoni ta’ drittijiet miksura jew mhedda b’kompetizzjoni inġusta jew restrizzjonijiet illegali fuq il-kompetizzjoni,
- f’materji li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-isem u r-reputazzjoni ta’ persuna ġuridika,
- f’tilwim rigward is-sigurtà finanzjarja u tilwim relatat ma’ kambjali, ċekkijiet u strumenti ta’ investiment,
- f’tilwim li jirriżulta minn kummerċ tas-suq tal-materja prima,
- f’materji relatati mal-Assemblej Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tas-Sidien u tilwim li jirriżulta minnhom,
- f’materji relatati mat-trasformazzjoni ta’ kumpaniji u kooperattivi, inkluża kwalunkwe proċedura ta’ kumpens, skont regolament ġuridiku speċjali,
- f’tilwim rigward ix-xiri ta’ impjant, il-lokazzjoni ta’ impjant jew ta’ parti minnu,
- f’tilwim dwar kuntratti għal xogħol ta’ bini li jkunu kuntratti pubbliċi ’l fuq mil-limitu, inklużi l-provvisti neċessarji sabiex jitwettqu dawk il-kuntratti.
b) Skont l-Att Nru 292/2013 Coll., il-qrati reġjonali għandhom ġuriżdizzjoni fuq il-kawżi li ġejjin fil-prim’istanza:
- rigward l-istatus tal-entitajiet ġuridiċi, inklużi x-xoljiment u l-likwidazzjoni tagħhom, il-ħatra u t-tneħħija tal-membri tal-korpi statutorji tagħhom jew il-likwidatur, it-trasformazzjoni tagħhom u kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istatus ġeneralment ta’ benefiċċju tagħhom,
- f’materji ta’ kustodja tal-entitajiet ġuridiċi,
- rigward id-depożiti biex jiġu ssodisfati l-obbligi sabiex jiġu pprovduti konsiderazzjoni jew kumpens lil aktar minn persuna waħda abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti skont l-Att dwar il-Korporazzjonijiet Kummerċjali jew l-Att dwar it-Trasformazzjoni tal-Kumpaniji u l-Kooperattivi (minn hawnhekk ’il quddiem id-“depożitu obbligatorju”),
- f’materji li jirrigwardaw is-suq kapitali,
- dwar il-kunsens preliminari sabiex jitwettqu investigazzjonijiet f’materji ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni,
- dwar is-sostituzzjoni tal-kunsens ta’ rappreżentant tal-Kamra tal-Avukati Ċeka jew tal-Kamra tal-Konsulenti tat-Taxxa għall-aċċess għall-kontenut tad-dokumenti.
3. Il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka għandha ġuriżdizzjoni fil-prima u l-unika istanza fi proċeduri sabiex tirrikonoxxi sentenzi barranin dwar divorzju, separazzjoni legali, annullament ta’ żwieġ u tiddetermina jekk iż-żwieġ jeżistix jew le, jekk mill-anqas waħda mill-partijiet tkun ċittadina tar-Repubblika Ċeka, skont l-Artikolu 51 tal-Att Nru 91/2012 Coll., dwar id-dritt internazzjonali privat. Madankollu, din il-proċedura ma tiġix segwita fir-rikonoxximent ta’ sentenzi minn Stati Membri oħra tal-UE f’kawżi fejn japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, jew fejn japplika trattat bilaterali jew multilaterali li jipprevedi proċedura għajr il-liġi Ċeka.
Il-Qorti Suprema għandha ġuriżdizzjoni wkoll fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-rikonoxximent ta’ sentenza barranija li tistabbilixxi jew tiċħad il-filjazzjoni, skont l-Artikolu 55 tal-Att Nru 91/2012 Coll., dwar id-dritt internazzjonali privat.
2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)
Iċ-ċirkustanzi li jkunu jeżistu fiż-żmien li jinbdew il-proċeduri huma determinanti sabiex tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni ratione materiae (ara l-mistoqsija 2.1) u l-ġuriżdizzjoni territorjali. Kwalunkwe bidla sussegwenti f’dawn iċ-ċirkustanzi (eż. bidla fil-post tar-residenza tal-konvenut) tkun, bi ftit eċċezzjonijiet (trasferiment tal-ġuriżdizzjoni għal kawżi li jirrigwardaw il-kustodja ta’ minorenni, il-kustodja u proċeduri dwar il-kapaċità legali), irrilevanti.
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 105 tal-Att Nru 99/1963, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti, bħala regola, tkun awtorizzata li teżamina l-ġuriżdizzjoni territorjali fil-bidu tal-proċeduri biss – sat-tmiem tal-proċeduri preparatorji, jew f'każ li ma jkunx hemm proċeduri preparatorji, qabel ma tibda tisma’ l-merti tal-każ, jiġifieri sakemm issejjaħ lir-rikorrent biex iressaq rikors matul il-proċeduri inizjali, jew sakemm toħroġ deċiżjoni fil-każ li tiddeċiedi mingħajr smigħ. Sussegwentement, il-ġuriżdizzjoni territorjali tista’ tiġi eżaminata biss jekk ma jkunux saru proċeduri preparatorji u parti tkun qajmet oġġezzjoni għall-ġuriżdizzjoni lokali fl-ewwel okkażjoni li kellha d-dritt li tagħmel dan. Huwa possibbli li, f’ċerti każijiet, għadd ta’ qrati jkollhom il-ġuriżdizzjoni territorjali. Ir-rikorrent jista’ jagħżel bejn il-qorti ġenerali u l-qrati nnominati fl-Artikolu 87 tal-Att Nru 99/1963 Coll., il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (eż. skont il-post tax-xogħol, f’każijiet ta’ kumpens skont il-post fejn tkun seħħet il-ħsara). Ir-rikorrent irid jagħżel sa mhux aktar tard minn meta jiġi ppreżentat ir-rikors – il-qorti fejn ikunu nbdew l-ewwel il-proċeduri jkollha l-ġuriżdizzjoni.
Għal materji legali speċifiċi, il-ġuriżdizzjoni territorjali tiġi determinata bl-Att Nru 292/2013 Coll., dwar proċeduri ġudizzjarji speċjali.
2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali
Ir-regoli bażiċi tal-ġuriżdizzjoni territorjali huma stabbiliti fl-Artikoli 84 sa 86 tal-Att Nru 99/1963 Coll., il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u fl-Artikolu 4 tal-Att Nru 292/2013 Coll. Madankollu, wieħed għandu jiftakar li f’ċerti każijiet, il-ġuriżdizzjoni territorjali tista’ tiġi rregolata b’liġi tal-UE li tapplika direttament, li tieħu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, li ma jirregolax biss il-ġuriżdizzjoni internazzjonali, iżda wkoll il-ġuriżdizzjoni territorjali), li jfisser li r-regoli tal-ġuriżdizzjoni territorjali skont il-liġi Ċeka mhux dejjem japplikaw.
Ir-regola bażika fl-Att Nru 99/1963 Coll., il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili hija li l-qorti tal-ġuriżdizzjoni ġenerali hija l-qorti ġenerali tal-konvenut. Il-qorti ġenerali hija dejjem il-qorti distrettwali. Fejn qorti reġjonali jkollha ġuriżdizzjoni fil-prim’istanza (ara l-mistoqsija 2.1), il-qorti reġjonali li fid-distrett tagħha tkun tinsab il-qorti (distrettwali) ġenerali tal-parti, ikollha l-ġuriżdizzjoni territorjali. Fejn issir talba kontra diversi konvenuti, il-qorti ġenerali ta’ kwalunkwe wieħed minnhom ikollha l-ġuriżdizzjoni territorjali.
Il-qorti ġenerali ta’ persuna fiżika hija l-qorti distrettwali li fid-distrett tagħha hija jkollha r-residenza tagħha u jekk il-parti ma jkollhiex, f’dak il-każ il-qorti tad-distrett fejn tkun qiegħda toqgħod. Residenza hija mifhuma li tfisser il-post fejn individwu jkun qiegħed jgħix bl-intenzjoni li jibqa’ hemmhekk b’mod permanenti (huwa possibbli li jkun hemm għadd ta’ postijiet bħal dawn, f’liema każ it-tali qrati kollha jkunu l-qorti ġenerali).
Il-qorti ġenerali ta’ persuna fiżika involuta fin-negozju, għall-kawżi li jirriżultaw minn attivitajiet tan-negozju, hija l-qorti distrettwali li fid-distrett tagħha hija jkollha l-post tan-negozju tagħha (il-post tan-negozju huwa l-indirizz imdaħħal fir-reġistru pubbliku); jekk hija ma jkollhiex post tan-negozju, il-qorti distrettwali li fid-distrett tagħha hija jkollha r-residenza tagħha u jekk il-parti ma jkollhiex, il-qorti distrettwali tad-distrett fejn tkun qiegħda toqgħod.
Il-kriterju għall-istabbiliment tal-qorti ġenerali ta’ entità legali huwa l-uffiċċju rreġistrat tagħha (ara l-Artikoli 136 – 137 tal-Att Nru 89/2012 Coll., il-Kodiċi Ċivili).
Il-qorti ġenerali ta’ trustee f’insolvenza matul it-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu hija l-qorti distrettwali li fid-distrett tagħha huwa jkollu uffiċċju rreġistrat.
Japplikaw regoli speċjali għall-qorti ġenerali tal-Istat (il-qorti tad-distrett fejn l-unità organizzattiva tal-istat b’ġuriżdizzjoni skont regolament ġuridiku speċjali jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, u, jekk il-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali ma tkunx tista’ tiġi determinata b’dan il-mod, il-qorti li fid-distrett tagħha jkunu seħħew iċ-ċirkustanzi li wasslu għad-dritt mitlub), muniċipalità (il-qorti tad-distrett fejn tkun tinsab il-muniċipalità) u unità awtonoma territorjali superjuri (il-qorti tad-distrett fejn il-korpi amministrattivi tagħha jkollhom l-uffiċċji rreġistrati tagħhom).
Jekk il-konvenut, li jkun ċittadin tar-Repubblika Ċeka, ma jkollux qorti ġenerali, jew ma jkollux qorti ġenerali fir-Repubblika Ċeka, il-qorti li fid-distrett tagħha huwa kellu l-aħħar residenza magħrufa fir-Repubblika Ċeka, ikollha l-ġuriżdizzjoni. Id-drittijiet ta’ proprjetà jistgħu jiġu eżerċitati kontra xi ħadd li ma jkollux qorti kompetenti oħra fir-Repubblika Ċeka mill-qorti tad-distrett fejn ikunu jinsabu l-assi tiegħu.
Rikors (talba għall-bidu ta’ proċeduri) kontra persuna barranija jista’ jiġi ppreżentat ukoll quddiem qorti li l-impjant tagħha fir-Repubblika Ċeka jew unità organizzattiva tal-impjant tagħha jkunu jinsabu fid-distrett tagħha.
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Att Nru 292/2013 Coll., dwar proċeduri ġudizzjarji speċjali jgħidu li l-ġuriżdizzjoni għall-proċeduri hija tal-qorti ġenerali ta’ persuni li l-proċeduri jkunu qegħdin isiru fl-interess tagħha, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dak l-Att. Il-qorti ġenerali ta’ minorenni li ma jkollux kapaċità legali sħiħa hija l-qorti li l-minorenni jkollu r-residenza tiegħu fid-distrett tagħha kif stabbilit bi ftehim bejn il-ġenituri jew b’deċiżjoni tal-qorti jew b’ċirkustanzi deċiżjonali oħra.
2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika
Minbarra l-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti ġenerali tal-konvenut, teżisti ġuriżdizzjoni territorjali speċjali oħra, li hija (a) il-ġuriżdizzjoni territorjali speċjali b’għażla (ara l-mistoqsija 2.2.2.1 hawn taħt) u (b) il-ġuriżdizzjoni territorjali speċjali esklużiva (ara l-mistoqsija 2.2.2.2 hawn taħt). Huwa possibbli wkoll ftehim ta’ proroga għal materji kummerċjali (ara l-mistoqsija 2.2.2.3 hawn taħt).
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 tal-Att Nru 292/2013 Coll., dwar proċeduri ġudizzjarji speċjali, jekk iċ-ċirkustanzi li jiddeterminaw il-ġuriżdizzjoni jinbidlu fi proċeduri dwar il-kustodja ta’ minorenni mill-qorti, f’materji ta’ kustodja u fi proċeduri dwar il-kapaċità ġuridika il-qorti għandha d-dritt li tittrasferixxi l-ġuriżdizzjoni tagħha lil qorti oħra, jekk dan ikun fl-interess tal-minorenni, tat-tutur jew tal-persuna li tkun qiegħda tiġi deċiża l-kapaċità ġuridika tagħha. Madankollu, it-trasferiment tal-ġuriżdizzjoni skont dan il-paragrafu dejjem jiddependi fuq il-konsiderazzjoni tal-qorti.
2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?
Din hija l-hekk imsejħa “ġuriżdizzjoni territorjali speċjali b’għażla” li hija regolata mill-Artikolu 87 tal-Att Nru 99/1963 Coll., il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Ir-rikorrent jista’ jagħżel jekk jippreżentax rikors quddiem il-qorti ġenerali tal-konvenut jew f’qorti oħra b’ġuriżdizzjoni territorjali. Madankollu jridu jiġu rrispettati r-regoli tal-ġuriżdizzjoni territorjali – jekk qorti reġjonali jkollha l-ġuriżdizzjoni fil-prim’istanza, ir-rikorrent irid jippreżenta rikors fil-qorti reġjonali. Malli r-rikors ikun ġie ppreżentat lill-qorti, ir-rikorrent ma jistax jibdel l-għażla tiegħu. Jekk il-ġuriżdizzjoni territorjali tkun regolata b’regolament tal-UE li japplika direttament, li jkollu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, li jirregola mhux biss il-ġuriżdizzjoni internazzjonali, iżda wkoll il-ġuriżdizzjoni territorjali), ma jistgħux jiġu applikati r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali bbażata fuq għażla skont il-liġi Ċeka.
Minflok il-qorti ġenerali tal-konvenut, ir-rikorrent jista’ jagħżel qorti li fid-distrett tagħha:
- il-konvenut ikollu l-post tax-xogħol permanenti tiegħu;
- ikunu seħħew iċ-ċirkustanzi li jwasslu għad-dritt għal kumpens;
- tkun tinsab l-unità organizzattiva tal-impjant ta’ persuna fiżika jew ġuridika, li tkun il-konvenut, jekk it-tilwima tkun tirrigwarda din l-unità;
- persuna li torganizza suq irregolat jew topera sistema kummerċjali multilaterali jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, fil-każ ta’ tilwima kummerċjali
- dwar suq irregolat organizzat minn din il-persuna, jew is-saldu ta’ dak in-negozju, jew
- f’sistema kummerċjali multilaterali operata minn din il-persuna, jew is-saldu ta’ dak il-kummerċ,
- ikun jinstab il-post tal-pagament, meta jiġi eżerċitat dritt li joħroġ minn kambjala, nota promettenti jew titolu ieħor;
- ikun jinstab l-uffiċċju rreġistrat ta’ suq tal-materja prima, fil-każ ta’ tilwima li tirrigwarda kummerċ f'suq tal-materja prima.
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?
Din hija l-hekk imsejħa “ġuriżdizzjoni territorjali speċjali esklużiva”, li hija regolata mill-Artikolu 88 tal-Att Nru 99/1963 Coll., il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u ċerti dispożizzjonijiet tal-Att Nru 292/2013 Coll., dwar proċeduri ġudizzjarji speċjali. Jekk tkun ġiet imposta ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva għal ċerti materji, il-ġuriżdizzjoni territorjali ma tistax tiġi determinata skont il-qorti ġenerali tal-konvenut jew skont il-qorti tal-għażla.
Jekk il-ġuriżdizzjoni territorjali tkun regolata b’regolament tal-UE li japplika direttament, li jkollu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li jirregola mhux biss il-ġuriżdizzjoni internazzjonali, iżda wkoll il-ġuriżdizzjoni territorjali), ma jistgħux jiġu applikati r-regoli tal-ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva skont il-liġi Ċeka.
Skont l-Artikolu 88 tal-Att Nru 99/1963 Coll., il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva tiġi imposta prinċipalment għall-proċeduri li ġejjin:
- l-issetiljar tal-proprjetà komuni tal-konjuġi jew ta’ assi oħra jew il-kanċellazzjoni ta’ kirja konġunta ta’ appartament wara divorzju – il-qorti li tkun iddeċidiet dwar id-divorzju jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali
- proċeduri dwar id-dritt għal proprjetà immobbli (il-proċeduri jridu jirrigwardaw direttament id-dritt għall-proprjetà – dan jirrigwarda prinċipalment id-drittijiet in rem jew id-drittijiet ta’ kiri) – il-qorti li l-proprjetà tkun tinstab fid-distrett tagħha jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux proċeduri sabiex tiġi ssetiljata l-proprjetà komuni tal-konjuġi jew assi oħra jew il-kanċellazzjoni ta’ kirja konġunta ta’ appartament wara divorzju (f’dawn il-kawżi, il-qorti li tkun iddeċidiet dwar id-divorzju jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali – ara hawn fuq)
- proċeduri sabiex tiġi deċiża tilwima relatata ma’ proċeduri tas-suċċessjoni – il-qorti li fiha jkunu qegħdin isiru l-proċeduri tas-suċċessjoni jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali
L-Att Nru 292/2013 Coll., dwar proċeduri ġudizzjarji speċjali, jipprevedi ġuriżdizzjoni territorjali speċjali għall-proċeduri li ġejjin, b’mod partikolari:
- proċeduri ta’ divorzju, proċeduri sabiex jiġi determinat jekk iż-żwieġ jeżistix jew le u dwar l-invalidità taż-żwieġ – skont l-Artikoli 373 u 383 din hija l-qorti li fid-distrett tagħha l-konjuġi kellhom l-aħħar post tar-residenza fir-Repubblika Ċeka, bil-kundizzjoni li mill-anqas wieħed mill-konjuġi jkun jgħix f’dak id-distrett; jekk ma tkunx teżisti qorti bħal din, il-qorti ġenerali tal-konjuġi li ma ppreżentax rikors sabiex jinbdew il-proċeduri jkollha l-ġuriżdizzjoni u jekk din il-qorti wkoll ma tkunx teżisti, il-qorti ġenerali tal-konjuġi li jkun ressaq rikors sabiex jinbdew il-proċeduri
- proċeduri tas-suċċessjoni – skont l-Artikolu 98, dan huwa l-post tar-residenza permanenti rreġistrata tal-mejjet, l-aħħar post tar-residenza tiegħu jew il-post fejn kien joqgħod, il-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli tal-mejjet jew fejn miet (dawn huma kriterji ġerarkiċi)
- proċeduri f’materji ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri (ritorn ta’ minuri) – skont l-Artikolu 479, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali hija dik li l-Uffiċċju għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fid-distrett tagħha – jiġifieri l-Qorti Muniċipali ta’ Brno.
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?
Il-partijiet għandhom l-opzjoni biss li jiftiehmu dwar ġuriżdizzjoni territorjali differenti għal dik prevista mil-liġi (hekk imsejjaħ ftehim ta’ proroga) skont l-Artikolu 89a tal-Att Nru 99/1963 Coll., il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili f’materji li jirrigwardaw relazzjonijiet bejn intrapriżi li jirriżultaw minn attivitajiet kummerċjali u bil-kundizzjoni biss li ma tkun ġiet stabbilita l-ebda ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva skont l-Artikolu 88 tal-Att Nru 99/1963 Coll., il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, għall-kawża partikolari (ara hawn fuq). Ftehim ta’ proroga jrid ikun bil-miktub. Jekk ir-rikorrent jippreżenta talba lill-qorti magħżula u jiġi invokat il-ftehim ta’ proroga, il-ftehim (f’forma kredibbli – preferibbilment l-oriġinali jew kopja ċċertifikata) għandu jiġi mehmuż mat-talba, għalkemm din mhijiex prekundizzjoni skont il-leġiżlazzjoni attwali.
3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?
Ma hemmx qrati speċjalizzati fir-Repubblika Ċeka (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.