Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Il-materji ċivili jaqgħu fil-kompetenza tal-qrati tal-kontea (maakohus). Il-qrati tal-kontea, bħala qrati tal-prim’istanza, jisimgħu l-materji ċivili. Il-materji ċivili jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma u jinvolvu tilwim li jiżviluppa minn kuntratti u obbligi differenti, materji tal-familja u ta’ suċċessjoni, tilwim dwar drittijiet reali, kwistjonijiet dwar l-attivitajiet u l-ġestjoni ta’ kumpaniji u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, materji ta’ falliment u kwistjonijiet tal-liġi industrijali.

Sabiex tinfetaħ kawża ċivili, trid tiġi ppreżentata talba jew rikors għal materja fuq talba lil qorti tal-kontea. It-talba li għandha tiġi ppreżentata lill-qorti trid tindika l-persuna li t-talba qed issir kontriha, x’qed jintalab, iċ-ċirkostanzi fattwali sottostanti tat-talba, u liema provi jappoġġaw liema ċirkostanzi.

L-andament tal-proċedimenti fil-materji ċivili huwa rregolat mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik).

Għalkemm fl-Estonja ma hemmx qrati speċjalizzati, ċertu tilwim jista’ jitressaq quddiem kumitati ekstraġudizzjarji qabel ma jintuża d-dritt għal rikors għall-qrati.

Pereżempju, it-tilwim industrijali jista’ jiġi deċiż mill-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali (töövaidluskomisjon). Il-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali huwa korp indipendenti u ta’ qabel il-proċess li jiddeċiedi dwar tilwim individwali fil-post tax-xogħol. Kemm l-impjegati kif ukoll l-impjegaturi għandhom id-dritt jidhru quddiem il-Kumitat u jkunu eżenti mit-tariffi tal-Gvern. Is-soluzzjoni ta’ tilwim industrijali mill-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali hija rregolata mill-Att dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim Industrijali (töövaidluse lahendamise seadus). Il-proċedimenti tal-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali mhumiex proċedura obbligatorja ta’ qabel il-proċess. Deċiżjoni tal-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali li tkun daħlet fis-seħħ tkun vinkolanti fuq il-partijiet. Il-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali jista’ jiġi avviċinat ukoll biex isolvi dan it-tilwim li jiżviluppa minn relazzjonijiet industrijali:

  1. tilwima industrijali li tirriżulta mir-relazzjoni tax-xogħol bejn impjegat u impjegatur irreġistrat fl-Estonja, li jopera fl-Estonja permezz ta’ fergħa jew li jkun irreġistrat bħala impjegatur mhux residenti u mit-tħejjija għal tali relazzjoni tax-xogħol (tilwima industrijali individwali);
  2. tilwima industrijali li tirriżulta mill-Artikolu 7 tal-Att dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Impjegati Stazzjonati fl-Estonja bejn impjegat stazzjonat fl-Estonja u l-impjegatur tiegħu (tilwima industrijali individwali);
  3. tilwima industrijali kollettiva li tirriżulta mit-twettiq ta’ ftehim kollettiv (tilwima industrijali kollettiva).

Il-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali ma jsolvix it-tilwim dwar kumpens għal dannu kkawżat minn dannu għas-saħħa, korriment jew mewt minħabba aċċident fuq il-post tax-xogħol jew mard okkupazzjonali. Ir-rikors ippreżentat lill-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali għandu jindika t-talba tar-rikorrent espressa b’mod ċar kif ukoll iċ-ċirkostanzi rilevanti għat-tilwima. Pereżempju, meta tiġi kkontestata l-kanċellazzjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg, għandhom jingħataw iż-żmien u r-raġuni għall-kanċellazzjoni. Trid tiġi deskritta n-natura tan-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet, jiġifieri x’naqas li jagħmel jew għamel illegalment l-impjegat jew l-impjegatur. Kwalunkwe dikjarazzjoni u talba tkun trid tiġi ssostanzjata u, għal dik ir-raġuni, kwalunkwe ċirkostanza li tkun appoġġata minn provi dokumentarji (il-kuntratt tal-impjieg, ftehimiet reċiproċi jew korrispondenza bejn l-impjegat u l-impjegatur, eċċ.) jew kwalunkwe referenza għal provi oħrajn u xhieda għandha tiġi inkluża. Dawn il-provi bil-miktub, li jappoġġaw it-talba tal-impjegat jew tal-impjegatur, għandhom jiġu mehmuża mar-rikors meta jiġi ppreżentat. Jekk ir-rikorrent iqis li jkollu jistieden xhud għal-laqgħa, l-isem u l-indirizz tax-xhud għandhom jiġu inklużi fir-rikors. Talbiet li jiżviluppaw minn kuntratt bejn konsumatur u negozjant jistgħu jiġu solvuti mill-Kumitat għat-Tilwim tal-Konsumatur (tarbijavaidluste komisjon). Is-soluzzjoni ta’ tilwim tal-konsumatur minn dan il-Kumitat hija rregolata mill-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur (tarbijakaitseseadus).
Il-Kumitat għat-Tilwim tal-Konsumatur huwa kompetenti biex isolvi tilwim tal-konsumatur kemm domestiku kif ukoll transfruntiera li jiżviluppa minn kuntratti bejn il-konsumaturi u n-negozjanti u li jinbdew minn konsumatur jekk waħda mill-partijiet fit-tilwima tkun kummerċjant li l-post ta’ stabbiliment tiegħu jkun fir-Repubblika tal-Estonja. Il-Kumitat għat-Tilwim tal-Konsumatur huwa kompetenti wkoll biex isolvi tilwim marbut ma’ dannu kkawżat minn prodott difettuż, sakemm it-telf ikun jista’ jiġi ddeterminat. Jekk jiġi stabbilit li jkun ġie kkawżat telf, iżda l-ammont eżatt tat-telf ma jkunx jista’ jiġi kkwantifikat (pereżempju, fil-każ ta’ telf mhux monetarju li jinħoloq fil-futur), l-ammont ta’ indennizz għandu jiġi ddeterminat minn qorti. Il-Kumitat ma jindirizzax tilwim relatat mal-forniment ta’ servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, servizzi edukattivi pprovduti minn persuni ġuridiċi rregolati mil-liġi pubblika, servizzi tal-kura tas-saħħa pprovduti lill-pazjenti minn professjonisti tal-kura tas-saħħa għall-evalwazzjoni, il-preservazzjoni jew il-kura ta’ saħħithom, jew l-għoti ta’ riċetta, il-ħruġ jew il-forniment ta’ mediċini u ta’ apparat mediku. Il-Kumitat lanqas ma jsolvi tilwima jekk it-talba tirriżulta minn każ ta’ mewt, korriment jew dannu għas-saħħa, jew tilwim li l-proċedura ta’ soluzzjoni tiegħu tkun stipulata f’Atti oħrajn. Tilwim ta’ dan it-tip jiġi deċiż mill-istituzzjoni kompetenti jew mill-qorti. Il-proċedimenti tal-Kumitat għat-Tilwim dwar il-Konsumatur ma humiex proċedura obbligatorja ta’ qabel il-proċess u s-soluzzjoni ta’ tilwima ma tirriżultax f’deċiżjoni soġġetta għal eżekuzzjoni obbligatorja fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. Lista tan-negozjanti li naqsu milli jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-Kumitat hija ppubblikata fuq is-sit web tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u r-Regolamenti Tekniċi. Jekk il-partijiet ma jaqblux mad-deċiżjoni tal-Kumitat jew jonqsu milli jikkonformaw magħha, ikunu jistgħu jippreżentaw l-istess tilwima lill-qorti tal-kontea għal seduta.

It-tilwim dwar il-kiri jista’ jiġi solvut f’Kumitat tal-Kiri, li l-proċeduri tiegħu huma rregolati mill-Att dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar il-Kiri (üürivaidluse lahendamise seadus). Kumitat tal-Kiri jista’ jiġi ffurmat bħala korp indipendenti ta’ awtorità lokali li jsolvi t-tilwim dwar il-kiri. Il-Kumitati tal-Kiri ma jsolvix tilwim li jinvolvi pretensjonijiet finanzjarji li jaqbżu t-EUR 3 200. Il-proċedimenti tal-Kumitat tal-Kiri mhumiex proċedura obbligatorja ta’ qabel il-proċess. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kiri, il-partijiet ma jistgħux jippreżentaw l-istess talba fuq l-istess bażi quddiem il-qorti u deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kiri li tkun daħlet fis-seħħ tkun vinkolanti fuq il-partijiet.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Sabiex tkun taf liema qorti hija kompetenti biex tisma’ materja, huwa importanti li tkun taf il-prinċipji tal-ġuriżdizzjoni. Il-ġuriżdizzjoni hija maqsuma fi tliet oqsma:

  1. il-ġuriżdizzjoni ġenerali, li tiddependi fuq il-post ta’ residenza tal-persuna;
  2. il-ġuriżdizzjoni fakultattiva;
  3. il-ġuriżdizzjoni esklussiva (ara t-taqsima 2.2).

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Il-qrati tal-istanzi inferjuri u superjuri huma differenti, minħabba li s-sistema tal-qorti Estonjana għandha tliet istanzi.

Il-qrati tal-kontea (maakohus) bħala qrati tal-prim’istanza, jisimgħu l-materji ċivili. Att jista’ jistabbilixxi li ċerti tipi ta’ materji jistgħu jinstemgħu biss minn qrati tal-kontea partikolari jekk dan iħaffef il-proċess ta’ smigħ tal-materji jew jekk il-proċess ikun aktar effettiv.

Qorti distrettwali (ringkonnakohus) teżamina deċiżjonijiet tal-qrati tal-kontea fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom f’materji ċivili, permezz ta’ appelli kontra deċiżjonijiet u sentenzi. Qorti distrettwali tiddeċiedi wkoll dwar materji oħra li l-liġi tqiegħed taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

Il-Qorti Suprema (Riigikohus) teżamina deċiżjonijiet tal-qrati distrettwali rigward materji ċivili, permezz ta’ appelli fil-kassazzjoni u appelli kontra sentenzi. Il-Qorti Suprema tiddeċiedi wkoll rikorsi għar-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti fis-seħħ, fil-każijiet previsti mil-liġi, taħtar qorti bil-kompetenza xierqa biex tiddeċiedi dwar materja, u tiddeċiedi dwar materji oħra li l-liġi tqiegħed taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha. Il-Qorti Suprema sservi wkoll bħala l-Qorti Kostituzzjonali tal-Estonja.

Materja l-ewwel tiġi deċiża u tingħata sentenza dwarha mill-qorti tal-kontea bħala qorti tal-prim’istanza. Jekk persuna ssib li s-sentenza tal-qorti tal-prim’istanza tkun ibbażata fuq ksur ta’ dispożizzjoni legali jew li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi u l-provi li jridu jiġu kkunsidrati fil-proċedura tal-appell, għandha tingħata sentenza differenti mis-sentenza mogħtija mill-qorti tal-prim’istanza fil-proċedura tal-appell, hija għandha dritt legali li tippreżenta appell quddiem qorti superjuri, jiġifieri l-qorti distrettwali. Il-qrati distrettwali huma qrati tat-tieni istanza u għalhekk jeżaminaw id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-kontea u tal-qrati amministrattivi permezz ta’ appelli u appelli kontra s-sentenzi. Qorti distrettwali tiddeċiedi l-materji ċivili b’mod kolleġġjali – appell jiġi deċiż minn bord ta’ tliet imħallfin, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-liġi.

Il-Qorti Suprema hija l-ogħla istanza. Il-Qorti Suprema teżamina deċiżjonijiet tal-qrati distrettwali rigward materji ċivili, permezz ta’ appelli fil-kassazzjoni u appelli kontra sentenzi. Il-Qorti Suprema tiddeċiedi wkoll rikorsi għar-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti fis-seħħ; fil-każijiet stipulati mil-liġi, taħtar qorti bil-kompetenza xierqa biex tiddeċiedi dwar materja, u tiddeċiedi dwar materji oħra li l-liġi tqiegħed taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha. Il-Kassazzjoni tirreferi għal appell kontra sentenza tal-qorti li tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ fuq il-bażi ta’ kwistjonijiet legali u r-rieżami ta’ dik is-sentenza minn qorti ogħla mingħajr l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti. Ir-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti jirreferi għar-rieżami ta’ deċiżjonijiet u sentenzi li jkunu diġà daħlu fis-seħħ, f’każijiet fejn jinħolqu ċirkostanzi ġodda u abbażi ta’ rikors minn parti fil-kawża.

Parti fil-proċedimenti għal appell jista’ jippreżenta appell kontra sentenza tal-qorti distrettwali quddiem il-Qorti Suprema jekk il-qorti distrettwali tkun materjalment kisret dispożizzjoni tal-liġi proċedurali jew tkun applikat b’mod żbaljat dispożizzjoni tal-liġi sostantiva. F’kawża fil-Qorti Suprema, parti fil-proċedimenti tista’ twettaq atti proċedurali u tippreżenta petizzjonijiet u rikorsi permezz ta’ avukat biss. Fi proċedimenti dwar talba fil-Qorti Suprema, parti fil-proċedimenti tista’ twettaq atti proċedurali u tippreżenta talbiet u rikorsi personalment jew permezz ta’ avukat. Il-Qorti Suprema tilqa’ appell fil-kassazzjoni jekk l-appell fil-kassazzjoni jikkonforma mar-rekwiżiti tal-liġi, ikun ġie ppreżentat fil-ħin u, jekk:

  1. il-qorti distrettwali tkun applikat b’mod evidentement żbaljat dispożizzjoni tal-liġi sostantiva fis-sentenza tagħha u l-applikazzjoni żbaljata ta’ tali dispożizzjoni setgħet irriżultat f’sentenza żbaljata;
  2. il-qorti distrettwali tkun kisret materjalment dispożizzjoni tal-liġi proċedurali fit-teħid tas-sentenza u dan seta’ rriżulta f’sentenza żbaljata.

Barra minn hekk, il-Qorti Suprema tilqa’ l-materja jekk il-fatt li tisma’ l-appell fil-kassazzjoni jkun ta’ importanza fundamentali biex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u tissawwar prattika ġudizzjarja uniformi, jew għall-iżvilupp ulterjuri tal-liġi.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

Il-ġuriżdizzjoni hija d-dritt u l-obbligu ta’ persuna li teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha quddiem qorti speċifika. Il-ġuriżdizzjoni hija ġenerali, fakultattiva jew esklussiva.

Il-ġuriżdizzjoni ġenerali tistabbilixxi l-qorti li quddiemha tista’ titressaq kawża kontra persuna u atti proċedurali oħrajn jistgħu jitwettqu quddiemha fir-rigward ta’ persuna sakemm ma jkunx previst mil-liġi li l-kawża trid tiġi ppreżentata quddiem qorti oħra jew li l-att irid jitwettaq minn qorti oħra.

Il-ġuriżdizzjoni fakultattiva tistabbilixxi l-qorti li quddiemha tista’ titressaq kawża kontra persuna u atti proċedurali oħrajn jistgħu jitwettqu quddiemha fir-rigward ta’ persuna minbarra l-ġuriżdizzjoni ġenerali. Dan ifisser li, pereżempju, kawża dwar proprjetà kontra persuna fiżika tista’ titressaq ukoll quddiem il-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post ta’ soġġorn aktar fil-tul ta’ dik il-persuna. Jekk persuna tirrisjedi fi stat barrani, kawża dwar proprjetà tista’ tiġi ppreżentata wkoll kontriha fil-qorti li tkopri l-post tal-proprjetà li fir-rigward tagħha tkun infetħet il-kawża, jew mal-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post fejn tkun tinsab proprjetà oħra ta’ dik il-persuna.

Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tistabbilixxi l-unika qorti li tista’ tiddeċiedi dwar materja ċivili. Il-ġuriżdizzjoni għal materji fuq talba hija esklussiva sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi. Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tista’ tiġi ddeterminata, pereżempju, mill-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, il-post tan-negozju tal-persuna ġuridika, eċċ.

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Kawża kontra persuna fiżika tista’ tinfetaħ quddiem il-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post ta’ residenza tal-persuna, u kawża kontra persuna ġuridika tista’ tinfetaħ quddiem il-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-uffiċċju rreġistrat ta’ dik il-persuna. Jekk ir-residenza tal-persuna fiżika ma tkunx magħrufa, tista’ tinfetaħ kawża kontriha quddiem il-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-aħħar residenza magħrufa ta’ dik il-persuna.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

Kawża kontra ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja li jgħix f’pajjiż barrani u li għalih tapplika l-ekstraterritorjalità jew kontra ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja li jaħdem f’pajjiż barrani li huwa impjegat mal-gvern tista’ tinfetaħ quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar residenza tal-persuna fl-Estonja. Jekk il-persuna qatt ma kellha residenza fl-Estonja, tista’ tinfetaħ kawża kontriha quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju (Harju Maakohus). Kawża tista’ tinfetaħ kontra r-Repubblika tal-Estonja jew awtorità lokali quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju rreġistrat tal-awtorità tal-istat jew lokali kkonċernata. Jekk l-awtorità tal-istat ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata, il-kawża tinfetaħ quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Jekk l-awtorità lokali ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata, il-kawża tinfetaħ quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq is-sede tal-muniċipalità rurali jew il-gvern tal-belt.

Rikorrent jista’ wkoll jiftaħ kawża kontra r-Repubblika tal-Estonja u awtorità lokali quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza jew is-sede tagħhom stess.

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Fil-każijiet stabbiliti bil-liġi, persuna tista’ tagħżel qorti biex tiftaħ kawża quddiemha kontra persuna oħra u fejn atti proċedurali oħra jistgħu jitwettqu kontra persuna minbarra l-ġuriżdizzjoni ġenerali.

  • Ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post tas-soġġorn – kawża li tinvolvi proprjetà kontra persuna fiżika tista’ titressaq ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tas-soġġorn tal-persuna jekk dik il-persuna tkun ilha toqgħod hemm għal perjodu itwal minħabba raġunijiet ta’ xogħol jew servizz, studju jew għal xi raġunijiet oħrajn simili.
  • Ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post tan-negozju – kawża marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi jew professjonali tal-konvenut tista’ titressaq ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tan-negozju tal-konvenut.
  • Ġuriżdizzjoni bbażata fuq l-uffiċċju reġistrat ta’ persuna ġuridika – persuna ġuridika bbażata fuq is-sħubija, inkluż kumpanija, jew membru, soċju jew azzjonist tagħha jistgħu jiftħu kawża li tirriżulta mis-sħubija jew mill-parteċipazzjoni tagħhom kontra membru, soċju jew azzjonist tal-persuna ġuridika wkoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika.
  • Ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post fejn tinsab il-proprjetà – jekk persuna tgħix jew għandha uffiċċju reġistrat fi stat barrani, kawża dwar proprjetà tista’ titressaq ukoll kontra tagħha quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-proprjetà li għaliha nfetħet il-kawża, jew quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ proprjetajiet oħra tal-istess persuna. Jekk il-proprjetà tkun imniżżla f’reġistru pubbliku, il-kawża tista’ titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tar-reġistru fejn hija rreġistrata l-proprjetà. Jekk il-proprjetà tkun pretensjoni skont il-liġi tal-obbligi, il-kawża tista’ titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tad-debitur. Jekk il-pretensjoni tkun garantita b’assi, il-kawża tista’ titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-assi.
  • Kawża għall-ġbir ta’ pretensjoni garantita b’ipoteka jew li tkun aggravata jew kawża oħra bi pretensjoni simili tista’ tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-propjetà immobbli, sakemm id-debitur ikun is-sid il-proprjetà immobbli reġistrata u garantita bl-ipoteka jew aggravata b’aggravju reali.
  • Ġuriżdizzjoni ta’ kawża relatata mas-sjieda ta’ appartament – kawża kontra sid ta’ appartament minħabba relazzjoni legali rigward is-sjieda ta’ appartament tista’ tiġi ppreżentata wkoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn tinsab il-propjetà immobbli li tkun l-oġġett tas-sjieda tal-appartament.
  • Ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post ta’ twettiq ta’ kuntratt – kawża dwar kuntratt jew kawża sabiex tiġi vverifikata n-nullità ta’ kuntratt tista’ tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni li tkopri l-post fejn kellu jitwettaq l-obbligu kuntrattwali kkontestat. F’każ ta’ kuntratt għall-bejgħ ta’ proprjetà mobbli, il-post fejn il-proprjetà mobbli ġiet ikkonsenjata jew kellha tiġi kkonsenjata lix-xerrej u, f’każ ta’ kuntratt għal provvista ta’ servizz, il-post fejn ġie pprovdut is-servizz jew kellu jiġi pprovdut jitqies bħala l-post ta’ twettiq tal-obbligu. F’każijiet oħra, il-post tan-negozju jew, fin-nuqqas ta’ dan, tar-residenza jew tal-uffiċċju reġistrat tad-debitur huwa meqjus il-post ta’ twettiq tal-obbligu. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu mod ieħor.
  • Ġuriżdizzjoni bbażata fuq ir-residenza ta’ konsumatur – kawża li tirriżulta minn kuntratt jew relazzjoni speċifikata fl-Artikoli 35, 46, 52, 208(4), 379, 402, 635(4), 709, 734 u 866 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligazzjonijiet (võlaõigusseadus) jew kawża minħabba kuntratt ieħor konkluż ma’ impriża li jkollha uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju fl-Estonja tista’ tinfetaħ ukoll minn konsumatur quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza tal-konsumatur. Dan li għadu kif intqal ma japplikax għal kawżi dwar kuntratti ta’ trasport.
  • Ġuriżdizzjoni ta’ kawża dwar kuntratt tal-assigurazzjoni – id-detentur ta’ polza, il-benefiċjarju jew persuna oħra li għandhom dritt jitolbu prestazzjoni mill-assiguratur fuq il-bażi ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni jistgħu jiftħu kawża dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni kontra l-assiguratur quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza jew tal-uffiċċju reġistrat tal-persuna. F’każ ta’ assigurazzjoni fuq ir-responsabbiltà jew assigurazzjoni fuq bini, proprjetà immobbli, jew proprjetà mobbli flimkien ma’ bini jew proprjetà immobbli, tista’ tinfetaħ ukoll kawża kontra l-assiguratur quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-azzjoni jew l-avveniment li kkawża l-ħsara, jew il-post fejn ġiet ikkaġunata l-ħsara.
  • Ġuriżdizzjoni ta’ kawża dwar ftehim dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – kawża dwar ftehim dwar it-trasferiment ta’ oġġett ta’ dritt tal-awtur, drittijiet relatati jew drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew ftehim għall-ħruġ ta’ liċenzji jew kawża għall-verifika tan-nullità ta’ tali ftehim tista’ tiġi ppreżentata wkoll quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju.
  • Ġuriżdizzjoni bbażata fuq ir-residenza jew il-post tax-xogħol ta’ impjegat – impjegat jista’ jiftaħ kawża dwar il-kuntratt tax-xogħol tiegħu quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza jew il-post tax-xogħol tiegħu.
  • Ġuriżdizzjoni għal kawża dwar kambjala jew ċekk – kawża dwar kambjala jew ċekk tista’ tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-pagament tal-kambjala jew taċ-ċekk.
  • Ġuriżdizzjoni għal kawża dwar ħsara kriminali – kawża għal kumpens minħabba ħsara kriminali tista’ tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-att jew avveniment li kkaġuna l-ħsara, jew il-post fejn ġiet ikkaġunata l-ħsara.
  • Ġuriżdizzjoni għal kawża minħabba pretensjoni marittima, xogħol ta’ salvataġġ jew kuntratt ta’ salvataġġ – kawża minħabba pretensjoni marittima jew diversi pretensjonijiet marittimi speċifikati fl-Att dwar il-Liġi tal-Propjetà Marittima (laeva asjaõigusseadus) tista’ tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-bastiment tal-konvenut jew il-port tar-ritorn tal-bastiment. Kawża minħabba ħidma ta’ salvataġġ jew kuntratt ta’ salvataġġ tista’ tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn tkun saret il-ħidma ta’ salvataġġ.
  • Ġuriżdizzjoni fuq kawża minħabba d-diviżjoni ta’ patrimonju – kawża bl-għan li tistabbilixxi d-dritt ta’ suċċessjoni, id-dritt tal-eredi kontra l-pussessur tal-patrimonju, talba minħabba kuntratt ta’ legat jew ta’ suċċessjoni, jew talba għas-sehem obbligatorju jew għad-diviżjoni ta’ patrimonju tista’ tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza tat-testatur meta miet. Jekk it-testatur kien ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja iżda meta miet ma kienx jirrisjedi l-Estonja, il-kawża tista’ tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar residenza tat-testatur fl-Estonja. Jekk it-testatur ma kellux residenza fl-Estonja, il-kawża tista’ tinfetaħ quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju (Harju Maakohus).
  • Kawża kontra konvenuti konġunti u diversi kawżi kontra konvenut wieħed – kawża kontra diversi konvenuti tista’ tinfetaħ quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza jew l-uffiċċju reġistrat ta’ wieħed mill-konvenuti tal-għażla tar-rikorrent. Jekk ikunu se jinfetħu diversi kawżi kontra konvenut wieħed minħabba l-istess fatt, il-kawżi kollha jistgħu jitressqu quddiem il-qorti li quddiemha tista’ tiġi ppreżentata kawża relatata ma’ pretensjoni minnhom jew ma’ uħud minnhom li kollha jirriżultaw mill-istess fatt.
  • Ġuriżdizzjoni dwar kontrotalba u kawża minn terza persuna bi pretensjoni indipendenti – il-kontrotalba tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li tkun semgħet il-kawża oriġinali sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-preżentata ta’ kontrotalba u sakemm din tal-aħħar ma tkunx taqa’ taħt ġuriżdizzjoni esklussiva u ma jkunx stabbilit li materji ta’ dan it-tip jiġu eżaminati minn ċerta qorti tal-kontea biss. Dan japplika wkoll f’każijiet fejn, skont id-dispożizzjonijiet ġenerali, il-kontrotalba tkun trid tiġi ppreżentata quddiem qorti barranija.
  • Kawża mressqa minn parti terza bi pretensjoni indipendenti tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża prinċipali.
  • Ġuriżdizzjoni fi proċedimenti ta’ falliment – Ir-rikors għall-falliment ta’ debitur li jkun persuna fiżika jitressaq quddiem qorti f’konformità mal-ġuriżdizzjoni ġenerali applikabbli għad-debitur. Jekk l-uffiċċju reġistrat ta’ debitur li jkun persuna ġuridika jkun fil-Kontea ta’ Harju, ir-rikors dwar il-falliment jiġi ppreżentat lill-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. F’każijiet oħra, ir-rikors għall-falliment ta’ debitur li jkun persuna ġuridika jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Tartu (Tartu Maakohus). Huwa preżunt li l-uffiċċju reġistrat indikat fir-reġistru sena qabel ma jiġi ppreżentat rikors għal falliment ikun l-uffiċċju reġistrat tad-debitur, sakemm ma jiġix ippruvat li l-uffiċċju reġistrat tad-debitur jinsab xi mkien ieħor. Jekk jiġu ppreżentati bosta rikorsi għall-falliment differenti fir-rigward ta’ debitur wieħed, ir-rikorsi jingħaqdu fi proċediment wieħed u jinstemgħu mill-qorti li l-ewwel rikors għall-falliment ikun ġie ppreżentat quddiemha. Jekk, b’rabta mal-proċedimenti ta’ falliment li jikkonċernaw debitur li jkun persuna ġuridika, tintalab ukoll dikjarazzjoni ta’ falliment fir-rigward ta’ soċju jew membru li jkun responsabbli għall-obbligazzjonijiet tal-persuna ġuridika bl-assi tiegħu, ir-rikors għall-falliment jista’ jiġi ppreżentat ukoll lill-qorti li tkun qed tisma’ r-rikors għall-falliment ippreżentat kontra l-persuna ġuridika. It-tilwim relatat mal-aċċettazzjoni tal-pretensjonijiet, inklużi l-pretensjonijiet regolati mil-liġi pubblika, fi proċedimenti ta’ falliment huma fil-kompetenza tal-qorti tal-kontea li tisma’ l-kwistjoni tal-falliment. Jekk debitur imut wara l-preżentata ta’ rikors għall-falliment, il-proċedimenti tal-falliment tal-patrimonju mwettqa fir-rigward tal-patrimonju tad-debitur ikomplu fil-qorti li r-rikors għall-falliment ikun ġie ppreżentat quddiemha skont l-Artikolu 4(2) tal-Att dwar il-Falliment (pankrotiseadus). Mal-mewt ta’ debitur, ir-rikors għall-falliment tal-proprjetà fir-rigward tal-patrimonju tad-debitur jiġi ppreżentat lill-qorti tal-post ta’ residenza tad-debitur fil-mument meta miet. Kawża li tikkonċerna proċedimenti ta’ falliment jew patrimonju ta’ falliment tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li tkun iddikjarat il-falliment.

Jekk materja tkun taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ diversi qrati Estonjana fl-istess ħin, ir-rikorrent għandu d-dritt tal-għażla tal-qorti. F’dawn il-każijiet, il-materja tiġi deċiża mill-qorti li tkun irċeviet ir-rikors l-ewwel.

Jekk il-kawża titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut jew quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni esklussiva, il-materja tinstema’ fil-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali li tinkludi r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut, jew il-post li jiddetermina l-ġuriżdizzjoni esklussiva. Jekk id-diversi postijiet użati għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni jibqgħu fil-ġuriżdizzjoni territorjali ta’ qorti waħda tal-kontea, iżda fiż-żona ta’ notifika ta’ diversi qrati, ir-rikorrent jagħżel il-qorti li se tisma’ l-materja. Jekk ir-rikorrent ma jagħmilx din l-għażla, il-qorti tiddeċiedi fejn għandha tinstema’ l-materja.

Żoni ġeografiċi u żoni ta’ notifika aktar preċiżi tal-qrati huma stabbiliti fl-Att dwar il-Qrati (kohtute seadus).

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Fil-każijiet stabbiliti bil-liġi, il-ġuriżdizzjoni hija esklussiva. Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tistabbilixxi l-unika qorti li tista’ tiddeċiedi dwar materja ċivili.

1) Ġuriżdizzjoni skont il-post tal-proprjetà immobbli – kawża bl-għanijiet li ġejjin tinġieb quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli:

  • talbiet relatati mar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ dritt ta’ proprjetà, dritt reali limitat jew aggravju fuq dritt reali ieħor li jikkonċerna proprjetà immobbli, jew ir-rikonoxximent tan-nuqqas ta’ dawn id-drittijiet jew aggravji, jew talbiet relatati ma’ drittijiet oħra fuq proprjetà immobbli;
  • id-determinazzjoni tal-konfini jew id-diviżjoni tal-proprjetà immobbli;
  • il-protezzjoni tal-pussess tal-proprjetà immobbli;
  • talbiet rigward dritt reali li jkun ġej mis-sjieda ta’ appartament;
  • talbiet relatati mal-eżekuzzjoni obbligatorja ta’ proprjetà immobbli;
  • talbiet dwar kuntratt ta’ kera jew kuntratt ta’ kera kummerċjali ta’ proprjetà immobbli jew kuntratt ieħor għall-użu ta’ proprjetà immobbli skont il-liġi tal-obbligi, jew dwar il-validità ta’ dawn il-kuntratti.

Kawża dwar servitù reali, aggravju reali jew il-jedd ta’ prelazzjoni titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-proprjetà immobbli servjenti jew aggravata.

2)   Talba għat-terminazzjoni tal-applikazzjoni ta’ klawżoli standard – kawża għat-terminazzjoni tal-applikazzjoni ta’ klawżola standard inġusta, jew għat-terminazzjoni u tneħħija tar-rakkomandazzjoni tat-terminu mill-persuna li tkun qed tirrakkomanda l-applikazzjoni ta’ dak it-terminu (l-Artikolu 45 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi) titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tan-negozju tal-konvenut jew, fin-nuqqas tiegħu, quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut. Jekk il-konvenut ma jkollux post tan-negozju, residenza jew uffiċċju reġistrat fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti li taħt il-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha ġiet applikata l-klawżola standard.

3)    Ġuriżdizzjoni għal materja li tirrevoka deċiżjoni ta’ korp ta’ persuna ġuridika, jew li tistabbilixxi n-nullità tagħha – kawża għar-revoka ta’ deċiżjoni ta’ korp ta’ persuna ġuridika, jew għal dikjarazzjoni tan-nullità tagħha titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat ta’ dik il-persuna ġuridika.

4)   Ġuriżdizzjoni f’materji matrimonjali

Il-materji matrimonjali huma meqjusa materji ċivili li fihom jiġu deċiżi l-kawżi fejn is-suġġett ikun:

  • id-divorzju;
  • l-annullament taż-żwieġ;
  • l-istabbiliment tal-eżistenza jew tan-nullità taż-żwieġ;
  • id-diviżjoni tal-proprjetà konġunta jew talbiet oħra minħabba r-relazzjoni proprjetarja ta’ bejn il-konjuġi;
  • talbiet oħra dwar ir-relazzjoni matrimonjali mressqa minn konjuġi kontra l-ieħor.

Qorti Estonjana hija kompetenti biex tiddeċiedi dwar materja matrimonjali jekk:

  • mill-inqas wieħed mill-konjuġi jkun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew kien ċittadin meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ;
  • iż-żewġ konjuġi jgħixu l-Estonja;
  • wieħed mill-konjuġi jgħix l-Estonja, sakemm ma jkunx ċar li s-sentenza li se tingħata mhix se tiġi rikonoxxuta fil-pajjiżi nazzjonali ta’ xi ħadd mill-konjuġi.

F’materja matrimonjali li trid tiġi deċiża minn qorti Estonjana, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza konġunta tal-konjuġi jew, fin-nuqqas tagħha, quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza tal-konvenut. Jekk ir-residenza tal-konvenut ma tkunx fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza ta’ wild komuni tal-partijiet li jkun għadu minuri u, fin-nuqqas ta’ wild minuri komuni, quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza tar-rikorrent.

Jekk tkun ġiet stabbilita l-kustodja tal-proprjetà ta’ persuna assenti minħabba li l-persuna għebet jew jekk inħatar kuratur għal persuna minħabba kapaċità ġuridika attiva limitata, jew jekk xi ħadd ġie kkundannat il-ħabs, kawża ta’ divorzju kontra din il-persuna tista’ titressaq ukoll quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza tar-rikorrent.

5)   Ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ filjazzjoni u manteniment – materja ta’ manteniment hija materja ċivili fejn tinqata’ kawża li jkollha l-għan li tistabbilixxi l-filjazzjoni jew il-kontestazzjoni ta’ entrata dwar ġenitur fiċ-ċertifikat tat-twelid ta’ wild jew fir-reġistru tal-popolazzjoni. Qorti Estonjana tista’ tiddeċiedi dwar materja ta’ filjazzjoni jekk tal-inqas waħda mill-partijiet tkun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew tal-inqas waħda mill-partijiet ikollha r-residenza tagħha l-Estonja. F’materja ta’ filjazzjoni li trid tiġi deċiża minn qorti Estonjana, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza tal-wild minuri. Jekk ir-residenza tal-wild minuri ma tkunx fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza tal-konvenut. Jekk ir-residenza tal-konvenut ma tkunx fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza tar-rikorrent.

Dawn id-dispożizzjonijiet jgħoddu wkoll għal materji ta’ manteniment. Materja ta’ manteniment hija materja ċivili biex tiġi deċiża talba għal:

  • it-twettiq ta’ obbligu ta’ manteniment ta’ ġenitur skont il-liġi fir-rigward ta’ wild minuri;
  • it-twettiq ta’ obbligu ta’ manteniment bejn il-ġenituri;
  • it-twettiq ta’ obbligu ta’ manteniment bejn il-konjuġi;
  • it-twettiq ta’ obbligu ta’ manteniment ieħor skont il-liġi.

6. Ġuriżdizzjoni għal materji fuq talba

Il-ġuriżdizzjoni għal materji fuq talba hija esklussiva sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi.

Proċedura mħaffa għall-ordnijiet ta’ ħlas – Materji ttrattati skont il-proċedura mħaffa għal ordnijiet ta’ ħlas, ħlief għal materji ta’ ordnijiet Ewropej għal ħlas ippreżentati abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1–32), jiġu deċiżi mid-dipartiment għall-ordnijiet ta’ ħlas tal-Qorti ta’ Haapsalu tal-Qorti tal-Kontea ta’ Pärnu (Pärnu Maakohtu Haapsalu kohtumaja). Sabiex tinbeda l-proċedura mħaffa għall-ordnijiet ta’ ħlas fir-rigward ta’ pretensjoni ta’ manteniment jew talba dwar dejn, jista’ jintuża s-sit web https://www.e-toimik.ee/ biex jiġi kkuntattjat id-dipartiment għall-ordnijiet ta’ ħlas tal-qorti tal-kontea. Il-proċedura mħaffa għall-ordnijiet ta’ ħlas ma tapplikax għal talbiet li jaqbżu t-EUR 8 000 (talbiet dwar dejn). Dan l-ammont ikopri kemm it-talba prinċipali u dik kollaterali. Bl-istess mod, il-proċedura mħaffa ma tapplikax jekk il-manteniment mitlub jaqbeż darba u nofs ir-rata minima ta’ manteniment prevista fl-Artikolu 101(3) tal-Att dwar il-Familja (perekonnaseadus). Il-proċedura mħaffa għall-ordnijiet ta’ ħlas ma tapplikax jekk id-debitur ma jkunx indikat fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ wild bħala ġenitur ta’ dak il-wild.

Dikjarazzjoni ta’ persuna bħala mejta u l-istabbiliment tal-ħin tal-mewt – qorti Estonjana tista’ tiddikjara persuna bħala mejta u tistabbilixxi l-ħin tal-mewt tagħha jekk: 1) fiż-żmien meta l-persuna nieqsa ntlemħet l-aħħar, din kienet ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew kienet residenti fl-Estonja f’dak iż-żmien; 2) jeżisti interess legali ieħor għal qorti Estonjana biex tiddikjara l-persuna mejta jew tistabbilixxi l-ħin tal-mewt tagħha.

Rikors biex persuna tiġi ddikjarata mejta u biex jiġi stabbilit il-ħin tal-mewt tagħha jitressaq quddiem il-qorti tal-aħħar residenza tal-persuna nieqsa. Jekk persuna tkun għebet b’konnessjoni ma’ nawfraġju rreġistrat fl-Estonja, ir-rikors jitressaq quddiem il-qorti tal-port ta’ ritorn tal-vapur. F’każijiet oħrajn, rikors biex persuna tiġi ddikjarata mejta jew biex jiġi stabbilit il-ħin tal-mewt tagħha jiġi ppreżentat fil-qorti tar-residenza jew tal-uffiċċju rreġistrat tar-rikorrent. Jekk ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tar-rikorrent ma jkunx fl-Estonja, ir-rikors jitressaq quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Rikors għal emenda tal-ħin tal-mewt jew l-annullament ta’ dikjarazzjoni tal-mewt jiġi ppreżentat quddiem il-qorti li tkun stabbiliet il-ħin tal-mewt jew iddikjarat il-persuna mejta.

Materji ta’ tutela – materja ta’ tutela hija materja relatata mal-ħatra ta’ tutur għal persuna jew materja oħra relatata mat-tutela. Qorti Estonjana tista’ tiddeċiedi materja ta’ tutela jekk:

  1. il-persuna li teħtieġ it-tutela jew il-persuna taħt tutela tkun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja, jew ir-residenza tagħha tkun fl-Estonja;
  2. il-persuna li teħtieġ it-tutela jew il-persuna taħt tutela teħtieġ il-protezzjoni ta’ qorti Estonjana għal raġuni oħra, inklużi każijiet fejn il-proprjetà tal-persuna tinsab fl-Estonja.

M’hemmx għalfejn jinħatar tutur fl-Estonja jekk qorti Estonjana u qorti ta’ stat barrani jkunu ugwalment kompetenti biex jistabbilixxu t-tutela u jkun diġà nħatar tutur fi stat barrani jew qorti barranija tkun qed tmexxi proċedimenti għall-ħatra ta’ tutur, dment li jkun jista’ jiġi preżunt li d-deċiżjoni tal-qorti barranija tkun se tkun rikonoxxuta fl-Estonja u li n-nuqqas ta’ ħatra ta’ tutur fl-Estonja ikun fl-interessi tal-persuna li teħtieġ it-tutela.

Materja ta’ tutela tiġi deċiża mill-qorti tar-residenza tal-persuna li teħtieġ it-tutela. Il-ħatra ta’ tutur għal wild minuri qabel it-twelid tal-wild tiġi deċiża mill-qorti tar-residenza tal-omm. Jekk l-istabbiliment tat-tutela jintalab għal aħwa li jkunu qed jirrisjedu jew joqogħdu fil-ġuriżdizzjoni territorjali ta’ bosta qrati, it-tutur jinħatar mill-qorti tar-residenza tal-iżgħar wild fosthom. Jekk, f’każ bħal dan, il-proċedimenti ta’ tutela jkunu diġà pendenti quddiem qorti, il-materja tat-tutela tiġi deċiża minn dik il-qorti. Jekk persuna li tkun teħtieġ tutela ma jkollha l-ebda residenza fl-Estonja jew jekk ir-residenza ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-materja tista’ tiġi deċiża mill-qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha l-persuna jew il-proprjetà tagħha tkun teħtieġ protezzjoni, jew mill-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Materja relatata ma’ persuna taħt tutela jew il-proprjetà tagħha tiġi deċiża mill-qorti li tkun ħatret it-tutur. Materja ta’ dan it-tip tista’ tiġi deċiża wkoll, b’raġuni leġittima, mill-qorti tar-residenza tal-persuna taħt tutela jew mill-qorti tal-post fejn tkun tinsab il-proprjetà ta’ dik il-persuna.

It-tqegħid ta’ persuna f’istituzzjoni magħluqa – il-materja tat-tqegħid ta’ persuna f’istituzzjoni magħluqa tiġi deċiża mill-qorti li tkun ħatret it-tutur għall-persuna jew mill-qorti li tmexxi l-proċedimenti fil-materji tat-tutela. F’każijiet oħrajn, dawn il-materji jiġu deċiżi mill-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali fuq il-post fejn tinsab l-istituzzjoni magħluqa. Il-materja tista’ tiġi deċiża wkoll mill-qorti li tkun applikat protezzjoni legali provviżorja.

Il-protezzjoni legali provviżorja fil-kawża tista’ tiġi applikata minn kwalunkwe qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha l-miżura rilevanti trid tiġi applikata. Materji oħrajn relatati mat-tqegħid ta’ persuna f’istituzzjoni magħluqa, inklużi materji ta’ sospensjoni jew terminazzjoni ta’ tqegħid ta’ persuna f’istituzzjoni magħluqa u materji ta’ bidliet fit-termini tat-tqegħid, jiġu deċiżi mill-qorti li tkun iddeċidiet dwar it-tqegħid tal-persuna f’istituzzjoni magħluqa.

L-istabbiliment ta’ kustodja fuq il-proprjetà ta’ persuna assenti – il-materja tal-istabbiliment tal-kustodja fuq il-proprjetà ta’ persuna assenti tiġi deċiża mill-qorti tar-residenza tal-persuna assenti. Jekk persuna assenti ma jkollhiex residenza fl-Estonja, il-materja tal-istabbiliment tal-kustodja fuq il-proprjetà tal-persuna assenti tiġi deċiża mill-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà li tkun qed tintalab il-kustodja għaliha. Materji oħra relatati mal-istabbiliment tal-kustodja fuq il-proprjetà ta’ persuna assenti, inklużi materji ta’ terminazzjoni tal-kustodja u bidla tal-amministratur u d-dmirijiet tiegħu, jiġu deċiżi mill-qorti li tkun ħatret l-amministratur.

Adozzjoni — materja ta’ adozzjoni tista’ tiġi deċiża minn qorti Estonjana jekk il-ġenitur adottiv, wieħed mill-miżżewġin li jixtieq jadotta, jew il-wild minuri, ikun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew ir-residenza tal-ġenitur adottiv, ta’ wieħed mill-miżżewġin li jixtieq jadotta jew tal-wild minuri tkun fl-Estonja. Rikors għall-adozzjoni jiġi ppreżentat lill-qorti tar-residenza tal-wild minuri adottiv. Jekk il-wild minuri adottiv ma jkollux residenza fir-Repubblika tal-Estonja, ir-rikors jiġi ppreżentat lill-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Materja biex adozzjoni tiġi ddikjarata invalida tiġi deċiża mill-qorti li tkun iddeċidiet dwar l-adozzjoni.

Estensjoni tal-kapaċità ġuridika attiva ta’ wild minuri – il-materja tal-estensjoni tal-kapaċità ġuridika attiva ta’ wild minuri tista’ tiġi deċiża minn qorti Estonjana jekk il-wild minuri jkun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew ir-residenza tiegħu tkun fl-Estonja. Rikors għal estensjoni tal-kapaċità ġuridika attiva ta’ minuri jew rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni biex tiġi estiża l-kapaċità ġuridika attiva ta’ wild minuri jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tar-residenza tal-wild minuri. Jekk il-wild minuri ma jkollux residenza fir-Repubblika tal-Estonja, ir-rikors jiġi ppreżentat lill-Qorti tal-Kontea ta’ Harju.

L-istabbiliment ta’ filjazzjoni u l-kontestazzjoni ta’ entrata dwar ġenitur wara l-mewt ta’ persuna – jekk persuna tfittex l-istabbiliment tal-filjazzjoni tagħha ma’ persuna mejta jew persuna tikkontesta entrata dwar ġenitur fir-reġistrazzjoni tat-twelid ta’ wild minuri jew fir-reġistru tal-popolazzjoni wara l-mewt tal-persuna mniżżla fir-reġistrazzjoni tat-twelid jew fir-reġistru tal-popolazzjoni bħala ġenitur, rikors jiġi ppreżentat għal dan il-għan quddiem il-qorti tal-aħħar residenza tal-persuna li jkun qed jintalab l-istabbiliment tal-filjazzjoni magħha jew li tagħha tkun qed tiġi kkontestata entrata fir-reġistru tat-twelid jew fir-reġistru tal-popolazzjoni. Jekk l-aħħar residenza magħrufa tal-persuna ma kinitx fl-Estonja, jew jekk ir-residenza ma tkunx magħrufa, ir-rikors jitressaq quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju.

Materji tal-familja oħrajn fuq talba – id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-materji ta’ tutela japplikaw għal materji oħra tal-familja fuq talba, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi jew iddettat mod ieħor min-natura tal-materja. Materja fuq talba relatata mar-relazzjoni legali bejn il-miżżewġin jew miżżewġin divorzjati tiġi deċiża mill-qorti tal-ġuriżdizzjoni territorjali tar-residenza komuni tal-miżżewġin jew tal-aħħar residenza komuni tal-miżżewġin. Jekk il-miżżewġin ma kellhom l-ebda residenza komuni fl-Estonja jew jekk attwalment l-ebda wieħed mill-miżżewġin ma għandu residenza fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-aħħar residenza komuni tagħhom, il-materja tiġi deċiża mill-qorti tar-residenza tal-konjuġi li d-drittijiet tiegħu jkunu ristretti mis-sentenza mitluba. Jekk ir-residenza ta’ dak il-konjuġi ma tkunx fl-Estonja jew ir-residenza ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-materja tiġi deċiża mill-qorti tar-residenza tar-rikorrent. Jekk il-ġuriżdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata, il-materja tiġi deċiża mill-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Il-protezzjoni legali provviżorja f’materja tal-familja fuq talba tista’ tiġi applikata minn kwalunkwe qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha l-miżura rilevanti trid tiġi applikata.

Applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tal-patrimonju – qorti Estonjana tista’ tapplika miżuri ta’ ġestjoni għal patrimonju li jinsab fl-Estonja irrispettivament mill-istat li l-liġi tiegħu hija applikabbli għas-suċċessjoni u mill-istat li l-awtorità jew l-uffiċjal tiegħu huwa kompetenti skont il-ġuriżdizzjoni ġenerali biex imexxi proċedimenti li jikkonċernaw il-patrimonju. Il-miżuri ta’ ġestjoni tal-patrimonju jiġu applikati mill-qorti tal-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni. Jekk il-proċedimenti ta’ suċċessjoni jinfetħu fi stat barrani u l-patrimonju jkun jinsab fl-Estonja, il-miżuri ta’ ġestjoni tal-patrimonju jkunu jistgħu jiġu applikati mill-qorti tal-post tal-patrimonju.

Ġuriżdizzjoni f’materji ta’ eżerċitar – rikors għal dikjarazzjoni ta’ garanzija invalida jiġi ppreżentat lill-qorti tal-post tat-tifdija tal-garanzija u, fin-nuqqas tal-post tat-tifdija, skont il-ġuriżdizzjoni ġenerali kif applikabbli għall-emittent tal-garanzija. Talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ eżerċitar għall-preklużjoni tad-drittijiet tas-sid ta’ proprjetà immobbli tiġi ppreżentata mill-pussessur tal-proprjetà immobbli skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 124 tal-Att dwar il-Liġi tal-Proprjetà (asjaõigusseadus) quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha tinsab il-proprjetà immobbli. Fil-każ previst mill-Artikolu 13 tal-Att dwar il-Liġi dwar il-Proprjetà Marittima, il-persuna intitolata tressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ eżerċitar għall-preklużjoni tad-drittijiet tas-sid ta’ bastiment quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ eżerċitar għall-preklużjoni tad-drittijiet ta’ ipotekarju mhux magħruf (l-Artikolu 331 tal-Att dwar il-Liġi tal-Proprjetà) tiġi ppreżentata mis-sid tal-proprjetà immobbli aggravata quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha tkun tinsab il-proprjetà immobbli aggravata. Talba għall-preklużjoni tad-drittijiet ta’ ipotekarju marittimu mhux magħruf jew persuna li għandha tieħu rahan tiġi ppreżentata mis-sid tal-bastiment aggravat jew mis-sid tal-oġġett mirhun aggravat b’garanzija rreġistrata fuq beni mobbli skont l-Artikolu 59 tal-Att dwar il-Liġi tal-Proprjetà Marittima lill-Qorti tal-Kontea ta’ Harju.

Ġuriżdizzjoni f’materji fuq talba relatati ma’ persuni ġuridiċi fid-dritt privat – materji, minbarra materji tar-reġistru, fuq talba, li huma relatati mal-attivitajiet ta’ kumpanija, assoċjazzjoni u fondazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, inklużi materji relatati mal-ħatra ta’ membru sostitut tal-bord maniġerjali jew tal-bord superviżorju, awditur, awditur għal awditu speċjali, u likwidatur, kif ukoll materji relatati mad-determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens lis-soċji jew lill-azzjonisti ta’ kumpanija jiġu deċiżi mill-qorti tal-uffiċċju rreġistrat tal-persuna ġuridika jew tal-fergħa ta’ kumpanija barranija.

Materji ta’ sjieda ta’ appartamenti u materji ta’ sjieda komuni – materja fuq talba relatata mas-sjieda ta’ appartament jew sjieda komuni tiġi deċiża mill-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli.

Materji ta’ aċċess għal triq pubblika u ta’ tolleranza ta’ benefiċjarji artifiċjali ta’ sistemi ta’ titjib tal-art, u ta’ xogħlijiet ta’ utilità – materji ta’ aċċess għal triq pubblika u ta’ tolleranza ta’ benefiċjarji artifiċjali ta’ sistemi ta’ titjib tal-art, u ta’ xogħlijiet ta’ utilità, jiġu deċiżi mill-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli li minnha jkun qed jintalab l-aċċess għal triq pubblika jew li għaliha jkun qed jintalab il-bini ta’ benefiċjarju artifiċjali ta’ sistema ta’ titjib tal-art jew li fuqha jkunu jinsabu x-xogħlijiet ta’ utilità.

Materji ta’ rikonoxximent, ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ qrati ta’ stati barranin – talba għal rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ stat barrani, talba għal rifjut ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni jew għal sospensjoni ta’ eżekuzzjoni jew talba oħra fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tiġi ppreżentata skont ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tad-debitur, jew quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha jintalab it-twettiq tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi jew minn ftehim internazzjonali.

Materji ta’ dikjarazzjoni ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni milħuq b’riżultat ta’ proċedimenti ta’ konċiljazzjoni eżegwibbli – ftehim ta’ riżoluzzjoni milħuq b’riżultat tal-proċedimenti ta’ konċiljazzjoni speċifikati fl-Artikolu 14(1) tal-Att dwar il-Konċiljazzjoni (lepitusseadus) jiġi ddikjarat eżegwibbli mill-qorti li l-proċedimenti ta’ konċiljazzjoni jkunu saru fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha.

Materji ta’ rikonoxximent u ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ta’ deċiżjonijiet ta’ tribunali tal-arbitraġġ – talbiet għar-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni tal-eżegwibbiltà ta’ deċiżjonijiet ta’ tribunali tal-arbitraġġ li jittieħdu fl-Estonja jew deċiżjonijiet ta’ tribunali tal-arbitraġġ ta’ stati barranin u talbiet għar-rifjut tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni tagħhom jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Pärnu (Pärnu Maakohus). Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tribunal tal-arbitraġġ ta’ stat barrani jew talba oħra fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tiġi ppreżentata skont ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tad-debitur, jew quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha jintalab it-twettiq tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi jew minn ftehim internazzjonali. Jekk waħda mill-partijiet għal ftehim fi proċediment ta’ arbitraġġ tkun konsumatur, talba għar-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew talba għar-rifjut tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ tiġi ppreżentata quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali fuq il-post tal-proċedimenti tal-arbitraġġ.

Materji fuq talba jinstemgħu fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha tinkludi l-post użat biex tiġi ddeterminata l-ġuriżdizzjoni. Jekk id-diversi postijiet li jiddeterminaw il-ġuriżdizzjoni jibqgħu fil-ġuriżdizzjoni territorjali ta’ qorti waħda tal-kontea, iżda fiż-żona ta’ notifika ta’ diversi qrati, il-qorti tiddetermina fejn għandha tinstema’ l-materja.

Żoni ġeografiċi u żoni ta’ notifika tal-qrati aktar preċiżi huma stabbiliti fl-Att dwar il-Qrati.

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Qorti tista’ wkoll tikkunsidra materja skont il-ġuriżdizzjoni f’każijiet fejn il-ġuriżdizzjoni ta’ din il-qorti tkun stipulata fi ftehim bejn il-partijiet u t-tilwima tkun relatata mal-attivitajiet ekonomiċi jew professjonali taż-żewġ partijiet, jew it-tilwima tkun relatata mal-attivitajiet ekonomiċi jew professjonali ta’ parti waħda u l-parti l-oħra tkun l-istat, awtorità lokali jew persuna ġuridika oħra skont id-dritt pubbliku, jew jekk iż-żewġ partijiet ikunu persuni ġuridiċi skont id-dritt pubbliku.

Ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni jista’ jiġi konkluż ukoll jekk ir-residenza jew l-uffiċċju reġistrat ta’ waħda mill-partijiet jew tat-tnejn li huma ma jkunx fl-Estonja.

Minkejja dan, ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni japplika wkoll jekk:

  1. ftehim bħal dan ikun intlaħaq wara li tkun qamet it-tilwima;
  2. intlaħaq qbil f’kawża dwar il-ġuriżdizzjoni li fiha jkun jirrisjedi l-konvenut, jew ikun ittrasferixxa l-post tan-negozju jew l-uffiċċju reġistrat tiegħu lejn stat barrani wara d-dħul fil-ftehim, jew jekk ir-residenza, il-post tan-negozju jew l-uffiċċju rreġistrat tal-konvenut ma jkunx magħruf fiż-żmien meta tinfetaħ il-kawża.

Il-ġuriżdizzjoni ddeterminata bi ftehim hija ġuriżdizzjoni esklussiva, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor.

Il-qorti tal-prim’istanza tista’, b’digriet, tirrinvija l-materja lil qorti oħra tal-prim’istanza jekk il-partijiet jippreżentaw talba konġunta għal dan il-għan qabel l-ewwel seduta tal-qorti jew, fi proċedura bil-miktub, qabel l-iskadenza tal-perjodu għall-preżentazzjoni tal-pożizzjonijiet.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Ma teżisti l-ebda qorti speċjalizzata fl-Estonja.

Ħoloq relatati

Is-sistema tal-Qrati

L-aħħar aġġornament: 02/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.