Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Il-kwistjonijiet ċivili jaqgħu fil-kompetenza tal-qrati tal-kontea (maakohus). Il-qrati tal-kontea, bħala qrati tal-prim'istanza, jisimgħu l-kwistjonijiet ċivili. Il-kwistjonijiet ċivili jkopru firxa wiesgħa ta' oqsma u jinvolvu tilwim ġej minn kuntratti u obbligi differenti, kwistjonijiet tal-familja u tas-suċċessjoni, tilwim dwar drittjiet reali, kwistjonijiet dwar l-attivitajiet u l-ġestjoni ta' kumpaniji u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, kwistjonijiet ta' falliment u dwar il-liġi industrijali. Sabiex tinfetaħ kawża ċivili, irid jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-kontea. Ir-rikors li jrid jiġi ppreżentat lill-qorti jrid jindika l-persuna li kontriha qed issir it-talba, x'inhi t-talba, għalfejn qiegħda ssir (jiġifieri fuq liema bażi ġuridika) u l-provi ta' sostenn għat-talba.

L-andament tal-proċedimenti fi kwistjonijiet ċivili huwa regolat mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Għalkemm fl-Estonja ma hemmx qrati speċjalizzati, ċertu tilwim jista' jitressaq quddiem kumitati ekstraġudizzjarji qabel ma jintuża d-dritt ta' rikors għall-qrati.

Pereżempju, it-tilwim industrijali jiġi deċiż mill-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali (töövaidluskomisjon). Il-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali huwa korp indipendenti u ta' qabel il-proċess li jiddeċiedi dwar tilwim individwali fil-post tax-xogħol. Kemm l-impjegati u min iħaddem għandhom id-dritt jidhru quddiem il-Kumitat u jkunu eżenti mit-tariffi tal-Gvern. Ir-riżoluzzjoni tat-tilwim fuq il-post tax-xogħol mill-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali hija regolata mill-Att dwar ir-Riżoluzzjoni Individwali tat-Tilwim Industrijali. Il-proċedimenti tal-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali ma jikkostitwux proċedura mandatorja ta’ qabel il-proċess. Deċiżjoni tal-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali li tkun daħlet fis-seħħ tkun vinkolanti fuq il-partijiet. Il-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali jista’ jisma’ wkoll kull tilwim ġej minn relazzjonijiet industrijali: 1) tilwima industrijali li tirriżulta mir-relazzjoni industrijali bejn impjegat u impjegatur irreġistrat fl-Estonja jew impjegatur barrani li jopera fl-Estonja permezz ta’ fergħa u mit-tħejjija għal tali relazzjoni industrijali (tilwima industrijali individwali); 2) tilwima industrijali li tirriżulta mill-Artikolu 7 tal-Att dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Impjegati Stazzjonati fl-Estonja bejn impjegat stazzjonat fl-Estonja u min iħaddmu (tilwima industrijali individwali); 3) tilwima industrijali kollettiva li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ ftehim kollettiv (tilwima industrijali kollettiva). Il-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali ma jsolvix it-tilwim dwar indennizzi għal dannu għas-saħħa, korriment jew mewt minħabba aċċident fuq il-post tax-xogħol jew mard okkupazzjonali. Ir-rikors ippreżentat lill-Kumitat dwar it-Tilwim Industrijali għandu jindika ċ-ċirkustanzi rilevanti għal dik it-tilwima. Pereżempju, meta tkun qed issir oġġezzjoni dwar il-kanċellament ta' kuntratt ta' impjieg, iridu jingħataw il-ħin u r-raġunijiet għal tali kanċellament. Trid tiġi deskritta n-natura tan-nuqqas ta' ftehim bejn il-partijiet, jiġifieri x'naqas li jagħmel jew għamel illegalment l-impjegat jew min iħaddem. Id-dikjarazzjonijiet u t-talbiet iridu jiġu ppruvati, u għalhekk, għandha tiġi inkluża kull ċirkustanza li hija appoġġata minn provi bil-miktub (kuntratt tal-impjieg, ftehim reċiproku jew korrispondenza bejn l-impjegat u min iħaddem eċċ.) jew kull referenza għal xi provi oħra u xhieda. Dawn il-provi bil-miktub, li jappoġġaw it-talba tal-impjegat jew ta' min iħaddem, għandhom jiġu mehmuża mar-rikors meta jiġi ppreżentat. Jekk ir-rikorrent iqis li jkollu jiġi mistieden xhud għal-laqgħa, l-isem u l-indirizz tax-xhud għandhom jiġu nklużi fir-rikors. Talbiet ġejjin minn kuntratt bejn konsumatur u negozjant jistgħu jiġu riżolti mill-Kumitat għat-Tilwim tal-Konsumatur (tarbijavaidluste komisjon). Ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-konsumatur minn dan il-kumitat hija rregolata mill-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur. Il-Kumitat għat-Tilwim tal-Konsumatur huwa kompetenti biex isolvi tilwim tal-konsumatur kemm domestiku kif ukoll transfruntiera li jinqala’ minn kuntratti bejn il-konsumaturi u n-negozjanti u li jinbdew minn konsumatur jekk waħda mill-partijiet fit-tilwima tkun kummerċjant li l-post ta’ stabbiliment tiegħu jkun fir-Repubblika tal-Estonja. Il-Kumitat għat-Tilwim tal-Konsumatur għandu ġuriżdizzjoni wkoll biex jiddeċiedi kull ilment marbut ma' telf ikkawżat minn prodott b'difett, sakemm it-telf jista' jiġi determinat. Jekk ġie stabbilit li ġie kkawżat telf iżda l-ammont eżatt tat-telf ma jistax jiġi kkwantifikat (pereżempju f'każ ta' telf mhux fi flus jew telf li għad irid iseħħ), l-ammont ta' kumpens jiġi stabbilit minn qorti. Il-Kumitat ma jsolvix tilwim marbut mal-għotja ta’ servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, servizzi edukattivi mogħtija minn persuni ġuridiċi rregolati mil-liġi pubblika, servizzi tal-kura tas-saħħa mogħtija lill-pazjenti minn professjonisti tas-saħħa għall-evalwazzjoni, il-preservazzjoni jew il-kura ta’ saħħithom, jew il-preskrizzjoni, l-għoti jew il-provvista ta’ mediċini u tagħmir mediku. Il-Kumitat lanqas ma jsolvi tilwima jekk it-talba tirriżulta minn każ ta’ mewt, korriment jew dannu għas-saħħa, jew tilwim li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni għalih tkun stipulata f’Atti oħrajn. Tilwim ta’ dan it-tip jiġi deċiż mill-istituzzjoni kompetenti jew mill-qorti. Il-proċedimenti tal-Kumitat għat-Tilwim tal-Konsumatur ma jikkostitwux proċedura mandatorja ta’ qabel il-proċess. Lista tan-negozjanti li naqsu milli jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-Kumitat hija ppubblikata fuq is-sit web tal-Awtorità Regolatorja Teknika u tal-Protezzjoni tal-Konsumatur. Jekk il-partijiet ma jagħtux il-kunsens tagħhom għad-deċiżjoni tal-Kumitat jew jonqsu milli jikkonformaw magħha, ikunu jistgħu jippreżentaw l-istess tilwima lill-qorti tal-kontea għal seduta.

It-tilwim dwar il-kiri jista’ jiġi solvut f’Kumitat tal-Kiri, li l-proċeduri tiegħu huma rregolati mill-Att dwar ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim dwar il-Kiri (üürivaidluse lahendamise seadus). Kumitat tal-Kiri jista’ jiġi ffurmat bħala korp indipendenti ta’ awtorità lokali li jsolvi t-tilwim dwar il-kiri. Il-Kumitati tal-Kiri ma jsolvix tilwim li jinvolvi pretensjonijiet finanzjarji li jaqbżu t-EUR 3 200. Il-proċedimenti tal-Kumitat tal-Kiri ma jikkostitwux proċedura mandatorja ta’ qabel il-proċess. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kiri, il-partijiet ma jistgħux jippreżentaw l-istess talba fuq l-istess bażi quddiem il-qorti u deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kiri li tkun daħlet fis-seħħ issir vinkolanti fuq il-partijiet.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Sabiex jiġi stabbilit liema qorti hija kompetenti biex tisma' kwistjoni, huwa importanti li wieħed ikun jaf il-prinċipji tal-ġuriżdizzjoni. Il-ġuriżdizzjoni hija maqsum fi tliet oqsma: 1) ġuriżdizzjoni ġenerali, li tiddependi fuq il-post ta' residenza tal-persuna; 2) ġuriżdizzjoni b'għażla; 3) ġuriżdizzjoni esklussiva (ara t-Taqsima 2.2).

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Il-qrati tal-istanzi inferjuri u superjuri huma differenti, minħabba li s-sistema tal-qorti Estonjana għandha tliet istanzi.

Il-qrati tal-kontea (maakohus) bħala qrati tal-prim'istanza, jisimgħu l-kwistjonijiet ċivili. Att jista' jistabbilixxi li ċerti tipi ta' kwistjonijiet jistgħu jinstemgħu biss minn qorti tal-kontea partikolari jekk dan iħaffef il-proċess ta' smigħ tal-kwistjoni jew jekk il-proċess isir aktar effettiv.

Qorti distrettwali (ringkonnakohus) teżamina deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili mill-qrati tal-kontea fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom, fuq il-bażi ta' appelli kontra deċiżjonijiet u sentenzi. Qorti distrettwali tiddeċiedi wkoll dwar kwistjonijiet oħra li l-liġi tqiegħed taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

Il-Qorti Suprema (Riigikohus) teżamina deċiżjonijiet mogħtija rigward kwistjonijiet ċivili mill-qrati distrettwali, permezz ta' appelli fil-kassazzjoni u appelli kontra sentenzi. Il-Qorti Suprema tiddeċiedi wkoll petizzjonijiet għar-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti fis-seħħ, fil-każijiet pprovduti bil-liġi, taħtar qorti bil-kompetenza xierqa biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni, u tiddeċiedi kwistjonijiet oħra li l-liġi tqiegħed taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha. Il-Qorti Suprema sservi wkoll bħala l-Qorti Kostituzzjonali tal-Estonja.

Kwistjoni l-ewwel tiġi deċiża u tingħata sentenza dwarha mill-qorti tal-kontea bħala qorti tal-prim'istanza. Jekk persuna ssib li s-sentenza tal-qorti tal-prim’istanza tkun ibbażata fuq ksur ta’ dispożizzjoni legali jew li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi u l-evidenza li jridu jiġu kkunsidrati fil-proċedura tal-appell, għandha tingħata sentenza differenti mis-sentenza mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza fil-proċedura tal-appell, hija għandha dritt legali li tippreżenta appell quddiem qorti superjuri, jiġifieri l-qorti distrettwali. Il-qrati distrettwali huma qrati tat-tieni istanza u għalhekk jeżaminaw id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-kontea u amministrattivi permezz ta' appelli u appelli kontra s-sentenzi. Qorti distrettwali tiddeċiedi l-kwistjonijiet ċivili kolleġġjalment - appell jiġi deċiż minn bord ta' tliet imħallfin.

Il-Qorti Suprema hija l-ogħla istanza. Il-Qorti Suprema teżamina deċiżjonijiet mogħtija rigward kwistjonijiet ċivili mill-qrati distrettwali, permezz ta' appelli fil-kassazzjoni u appelli kontra sentenzi. Il-Qorti Suprema tiddeċiedi wkoll petizzjonijiet għar-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti fis-seħħ; fil-każijiet stipulati mil-liġi, tinnomina qorti bil-kompetenza xierqa biex tiddeċiedi dwar kwistjoni; u tiddeċiedi kwistjonijiet oħrajn li l-liġi tqiegħed taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha. Il-Kassazzjoni tirreferi għal appell kontra sentenza tal-qorti li għadha ma daħlitx fis-seħħ fuq il-bażi ta' kwistjonijiet legali u r-rieżami ta' dik is-sentenza minn qorti ogħla mingħajr l-apprezzament mill-ġdid tal-fatti. Ir-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti jirreferi għar-rieżami ta' deċiżjonijiet u sentenzi li diġà daħħlu fis-seħħ, f'każijiet fejn seħħew ċirkostanzi ġodda u fuq il-bażi ta' rikors minn parti fil-kawża.

Parteċipant fi proċedimenti fl-appell jista’ jippreżenta appell kontra sentenza tal-qorti distrettwali quddiem il-Qorti Suprema jekk il-qorti distrettwali tkun materjalment kisret dispożizzjoni tal-liġi proċedurali jew tkun applikat b’mod skorrett dispożizzjoni tal-liġi sostantiva. F’kawża fil-Qorti Suprema, parteċipant fil-proċedimenti jista’ jwettaq atti proċedurali u jippreżenta petizzjonijiet u rikorsi permezz ta’ avukat biss. Fi proċedimenti dwar talba fil-Qorti Suprema, parteċipant fil-proċedimenti jista’ jwettaq atti proċedurali u jippreżenta petizzjonijiet u rikorsi personalment jew permezz ta’ avukat. Il-Qorti Suprema tilqa’ appell fil-kassazzjoni jekk l-appell fil-kassazzjoni jikkonforma mar-rekwiżiti tal-liġi u jkun ġie ppreżentat fil-ħin u, jekk:
1) il-qorti distrettwali tkun evidentement applikat dispożizzjoni tal-liġi sostantiva inkorrettament fis-sentenza tagħha u l-applikazzjoni inkorretta ta’ dik id-dispożizzjoni tkun setgħet twassal għal sentenza inkorretta;
2) il-qorti distrettwali tkun kisret materjalment dispożizzjoni tal-liġi proċedurali hi u tieħu d-deċiżjoni tagħha u dan seta’ rriżulta f’sentenza inkorretta.
Barra minn hekk, il-Qorti Suprema tilqa' t-talba jekk il-fatt li tisma' l-appell fil-Kassazzjoni jkun ta' importanza fundamentali fir-rispett tal-garanzija taċ-ċertezza legali u tagħti xejra unika lill-prattika ġudizzjarja, jew għall-iżvilupp kontinwu tal-liġi.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

Il-ġuriżdizzjoni hija d-dritt u l-obbligu ta' persuna li teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha quddiem qorti speċifika. Il-ġuriżdizzjoni hija ġenerali, b'għażla jew esklussiva.

Il-ġuriżdizzjoni ġenerali tistabbilixxi l-qorti li kawża kontra persuna tista’ titressaq quddiemha u atti proċedurali oħrajn jistgħu jitwettqu quddiemha fir-rigward ta’ persuna sakemm ma jkunx previst mil-liġi li l-kawża trid tiġi ppreżentata quddiem jew l-att irid jitwettaq minn qorti oħra.

Il-ġuriżdizzjoni b'għażla tindika l-qorti li quddiemha tista' tinġieb kawża kontra persuna u fejn jistgħu jsiru aktar atti proċedurali rigward persuna minbarra l-ġuriżdizzjoni ġenerali. Dan ifisser li, pereżempju, kawża dwar proprjetà kontra persuna tista' titressaq ukoll quddiem il-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post ta' soġġorn aktar fil-tul tagħha. Jekk persuna tgħix fi stat barrani, kawża dwar proprjetà tista' titressaq ukoll kontra tagħha quddiem il-qorti li tkopri l-post tal-proprjetà li għaliha nfetħet il-kawża, jew mal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' aktar proprjetajiet tal-istess persuna.

Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tistabbilixxi l-unika qorti li tista' tiddeċiedi minn kwistjoni ċivili. Il-ġuriżdizzjoni ta’ kawżi dwar petizzjoni hija esklussiva sakemm ma jkunx previst mod ieħor bil-liġi. Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tista' tiġi stabbilita, pereżempju, mill-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, il-post tan-negozju tal-persuna ġuridika, eċċ.

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Kawża kontra persuna fiżika tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' residenza tagħha, u kawża kontra persuna ġuridika tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Jekk ir-residenza tal-persuna fiżika mhix magħrufa, tista' tinfetaħ kawża kontriha quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-aħħar residenza magħrufa tagħha.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

Kawża kontra ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja li jgħix f'pajjiż barrani u li għalih tapplika l-ekstraterritorjalità jew kontra ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja li jaħdem f'pajjiż barrani li huwa impjegat mal-gvern tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar residenza tal-persuna fl-Estonja. Jekk il-persuna qatt ma kellha residenza fl-Estonja, tista' tinfetaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju (Harju Maakohus). Kawża tista' tinfetaħ kontra r-Repubblika tal-Estonja jew awtorità lokali quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju rreġistrat tal-awtorità statali jew lokali kkonċernata. Jekk l-awtorità statali ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata, il-kawża tinfetaħ quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Jekk l-awtorità lokali ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata, il-kawża tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq is-sede tal-muniċipalità rurali jew il-gvern tal-belt.

Attur jista’ wkoll jiftaħ kawża kontra r-Repubblika tal-Estonja u awtorità lokali quddiem il-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri r-residenza jew is-sede tagħhom stess.

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Fil-każijiet stabbiliti bil-liġi, persuna tista' tagħżel qorti li tista' tiftaħ kawża kontra persuna oħra quddiemha u fejn atti proċedurali oħra jistgħu jsiru kontra persuna quddiemha flimkien mal-ġuriżdizzjoni ġenerali.

  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post tas-soġġorn – azzjoni li tinvolvi pretensjoni dwar il-proprjetà tista' tinġieb kontra persuna fiżika wkoll quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tas-soġġorn tagħha jekk dik il-persuna jkun ilha toqgħod hemm għal perjodu itwal minħabba raġunijiet ta' xogħol jew servizz, studji jew għal xi raġunijiet oħrajn simili.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post tan-negozju- tista' tinfetaħ kawża marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi jew professjonali tal-konvenut quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq il-post tan-negozju.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq l-uffiċċju reġistrat ta' persuna ġuridika - persuna ġuridika bbażata fuq is-sħubija, inkluż kumpanija, jew membru, sħab jew azzjonist għalhekk jistgħu jiftħu kawża ġejja mill-isħubija jew parteċipazzjoni tagħhom kontra membru, sħab jew azzjonist tal-persuna ġuridika wkoll quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post fejn tinsab il-proprjetà- jekk persuna tgħix jew għandha uffiċċju reġistrat fi stat barrani, kawża dwar proprjetà tista' titressaq ukoll kontra tagħha quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-proprjetà li għaliha nfetħet il-kawża, jew mal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' aktar proprjetajiet tal-istess persuna. Jekk il-proprjetà hija mniżżla f'reġistru pubbliku, il-kawża tista' titressaq quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tar-reġistru fejn hija rreġistrata l-proprjetà. Jekk il-proprjetà hija pretensjoni skont il-liġi tal-obbligazzjonijiet, il-kawża tista' titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tad-debitur. Jekk il-pretensjoni hija garantita permezz ta' ass, il-kawża tista' titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-ass.
  • Kawża għall-ġbir ta’ pretensjoni garantita permezz ta' ipoteka jew li għandha piż reali reġistrat fuqha jew kawża oħra b'pretensjoni simili tista’ tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-propjetà immobbli, sakemm id-debitur huwa sid il-proprjetà immobbli reġistrata u garantita permezz ta' ipoteka jew b'piż reali reġistrat fuqha.
  • Ġuriżdizzjoni ta’ kawża relatata mas-sjieda ta’ appartament – kawża kontra sid ta’ appartament minħabba relazzjoni legali rigward is-sjieda tal-appartament tista’ tiġi ppreżentata wkoll quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn tinsab il-propjetà immobbli li tkun l-oġġett tal-sjieda tal-appartament.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post ta' twettiq ta' kuntratt - kawża ġejja minn kuntratt jew kawża sabiex tiġi verifikata n-nullità ta' kuntratt tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post fejn kellu jitwettaq l-obbligu kuntrattwali kontestat. F'każ ta' kuntratt ta' bejgħ ta' proprjetà mobbli, il-post fejn il-proprjetà mobbli ġiet konsenjata jew kellha tiġi konsenjata lix-xerrej u, f'każ ta' kuntratt għal forniment ta' servizz, il-post fejn ingħata s-servizz jew kellu jingħata huwa l-post meqjus bħala l-post ta' twettiq tal-obbligu. F'każijiet oħra, il-post tan-negozju jew, fin-nuqqas, tar-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tad-debitur huwa meqjus il-post ta' twettiq tal-obbligu. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu mod ieħor.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post ta' residenza ta' konsumatur - kawża ġejja minn kuntratt jew relazzjoni speċifika fl-Artikoli 35, 46, 52, 208(4), 379, 402, 635(4), 709, 734 u 866 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligazzjonijiet (võlaõigusseadus) jew kawża minħabba kuntratt ieħor konkluż ma' impriża li għandha l-uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju fl-Estonja tista' tinfetaħ ukoll minn konsumatur quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-konsumatur. Dan li għadu kif intqal ma japplikax għal kawżi dwar kuntratti ta' trasport.
  • Il-ġuriżdizzjoni minħabba kawża dwar kuntratt tal-assigurazzjoni - id-detentur ta' polza, il-benefiċjarju jew persuni oħra li għandhom dritt jitolbu t-twettiq mill-assiguratur fuq il-bażi ta' kuntratt ta' assigurazzjoni jistgħu jiftħu kawża dwar kuntratt ta' assigurazzjoni kontra l-assiguratur quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' residenza jew tal-uffiċċju reġistrat tal-persuna. F'każ ta' assigurazzjoni fuq ir-responsabbiltà jew assigurazzjoni fuq il-bini, il-proprjetà immobbli, jew proprjetà mobbli flimkien ma' kostruzzjoni jew proprjetà immobbli, tista' tinfetaħ ukoll kawża kontra l-assiguratur quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-azzjoni jew l-avveniment li kkawża l-ħsara, jew il-post fejn ġiet ikkaġunata l-ħsara.
  • Il-ġuriżdizzjoni ta’ kawża li tirriżulta minn ftehim dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – kawża li tirriżulta minn ftehim dwar it-trasferiment ta’ oġġett ta’ dritt tal-awtur, drittijiet relatati jew drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew ftehim għall-ħruġ ta' liċenzji jew kawża għal verifika tal-invalidità ta’ tali ftehim tista’ tiġi ppreżentata wkoll quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq ir-residenza jew il-post tax-xogħol ta' impjegat - impjegat jista' jiftaħ kawża dwar il-kuntratt tax-xogħol tiegħu quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' residenza tiegħu jew il-post tax-xogħol.
  • Il-ġuriżdizzjoni minħabba kawża dwar kambjala jew ċekk - kawża dwar kambjala jew ċekk tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-pagament għall-kambjala jew ċekk.
  • Il-ġuriżdizzjoni minħabba kawża dwar ħsara kriminali - kawża għal kumpens minħabba ħsara kriminali tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-att jew avveniment li kkaġuna l-ħsara, jew il-post fejn ġiet ikkaġunata l-ħsara.
  • Il-ġuriżdizzjoni għal kawża minħabba pretensjoni marittima, xogħol ta' salvataġġ jew kuntratt ta' salvataġġ - kawża minħabba pretensjoni marittima jew aktar speċifikati fl-Att dwar il-Liġi tal-Propjetà Marittima (laeva asjaõigusseadus) tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-bastiment tal-konvenut jew il-port oriġinali tal-bastiment. Kawża minħabba xogħlijiet ta' salvataġġ jew kuntratt ta' salvataġġ tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post fejn saru x-xogħlijiet ta' salvataġġ.
  • Il-ġuriżdizzjoni fuq kawża minħabba d-diviżjoni ta' patrimonju - kawża bl-għan li tistabbilixxi d-dritt ta' suċċessjoni, id-dritt tal-eredi kontra l-possessur tal-patrimonju, talba minħabba legat jew testment, jew talba għas-sehem riservat jew għad-diviżjoni ta' wirt tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' residenza tad-deċedut meta miet. Jekk id-deċedut kien ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja iżda meta miet ma kienx jirrisjedi l-Estonja, il-kawża tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-aħħar residenza tad-deċedut. Jekk id-deċedut ma kellux residenza fl-Estonja, tista' tinfetaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju (Harju Maakohus).
  • Kawża kontra l-konvenuti u diversi kawżi kontra konvenut wieħed - kawża kontra diversi konvenuti tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat ta' wieħed mill-konvenuti li jagħżel ir-rikorrent. Jekk se jinfetħu diversi kawżi kontra konvenut wieħed minħabba l-istess fatt, il-kawżi kollha jistgħu jitressqu quddiem il-qorti li quddiemha kawża relatata ma' talba minnhom jew uħud minnhom ġejjin kollha mill-istess fatt setgħet tiġi preżentata.
  • Il-ġuriżdizzjoni dwar kontrotalba u kawża minn terza persuna b'talba indipendenti - il-kontrotalba tista' tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li lilha tressqet il-kawża oriġinali sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-preżentata ta' kontrotalba u sakemm din tal-aħħar ma taqax taħt ġuriżdizzjoni esklussiva u mhux stabbilit li kwistjonijiet ta’ dan it-tip jiġu eżaminati minn ċerta qorti tal-kontea biss. Dan japplika wkoll f'każijiet fejn, skont id-dispożizzjonijiet ġenerali, il-kontrotalba tkun trid tiġi ppreżentata quddiem qorti barranija.
  • Parti terza b'talba indipendenti tista' tiftaħ kawża quddiem il-qorti li qed tisma' l-kawża prinċipali.
  • Il-ġuriżdizzjoni fi proċedimenti ta' falliment - kawża dwar proċedimenti ta' falliment jew proċeduri ta' falliment ta' patrimonju kontra persuna falluta, fiduċjarju f'falliment jew membru tal-kumitat tal-falliment, inkluża kawża għall-esklużjoni tal-proprjetà mill-patrimonju fallut, tista' tinfetaħ quddiem il-qorti li ddikjarat il-falliment. Kawża għall-aċċettazzjoni ta' talba tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti li ddikjarat il-falliment. Persuna falluta tista' tiftaħ kawża wkoll dwar il-patrimonju fallut, inkluża kawża għall-irkupru, quddiem il-qorti li ddikjarat il-falliment.

Jekk il-kwistjoni taqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' diversi qrati Estonjana simultanjament, il-petizzjonant għandu d-dritt tal-għażla tal-qorti. F'dawn il-każijiet, il-kawża tiġi deċiża mill-qorti li tkun irċeviet il-petizzjoni l-ewwel.

Jekk il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut jew quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni esklussiva, il-kawża tinstema' fil-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali inkluża r-residenza tal-konvenut jew l-uffiċċju reġistrat, jew il-post li jiġi ddeterminat mill-ġuriżdizzjoni esklussiva. Jekk il-postijiet multipli użati għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni jibqgħu fil-ġuriżdizzjoni territorjali ta' qorti waħda tal-kontea, iżda fiż-żona ta' ħidma ta' diversi qrati, ir-rikorrent jagħżel il-qorti li se tisma' l-kawża. Jekk ir-rikorrent ma jagħżilx, il-qorti tiddeċiedi jekk għandhiex tisma' l-każ.

Aktar żoni ġeografiċi u ta’ notifika preċiżi tal-qrati huma stabbiliti fl-Att dwar il-Qrati.

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Fil-każijiet stabbiliti bil-liġi, il-ġuriżdizzjoni hija esklussiva. Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tistabbilixxi l-unika qorti li tista' tiddeċiedi minn kwistjoni ċivili.

1) Il-ġuriżdizzjoni skont il-post tal-proprjetà immobbli – kawża bl-għanijiet li ġejjin tinġieb quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli:

  • talbiet relatati mar-rikonoxximent tal-eżistenza ta' dritt ta' proprjetà, dritt reali limitat jew piż fuq dritt reali ieħor li jikkonċerna l-proprjetà mobbli, jew ir-rikonoxximent tan-nuqqas ta' dawn id-drittijiet jew piżijiet, jew talbiet relatati ma' drittijiet oħra fuq proprjetà immobbli;
  • id-determinazzjoni tal-konfini jew id-diviżjoni tal-proprjetà immobbli;
  • il-protezzjoni tal-pussess tal-proprjetà immobbli;
  • talbiet rigward dritt reali ġej mis-sjieda ta' appartament;
  • talbiet relatati mal-eżekuzzjoni obbligatorja ta' proprjetà immobbli;
  • talbiet rigward kuntratt ta' kera jew kuntratt ta' kera kummerċjali ta' proprjetà immobbli jew kuntratt ieħor għall-użu ta' proprjetà immobbli skont il-liġi tal-obbligi, jew mill-validità ta' dawn il-kuntratti.

Kawża dwar servitù reali, piż reali jew il-jedd ta' prelazzjoni titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-proprjetà immobbli servjenti jew b'piż irreġistrat fuqha.

2) Talba għat-terminazzjoni tal-applikazzjoni ta' klawżoli standard – kawża għat-terminazzjoni tal-applikazzjoni ta' klawżola standard inġusta, jew għat-terminazzjoni u tneħħija tar-rakkomandazzjoni ta’ termini mill-persuna li tkun qed tirrakkomanda l-applikazzjoni ta' dak it-terminu (l-Artikolu 45 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi) titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tan-negozju tal-konvenut jew, fin-nuqqas, quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut. Jekk il-konvenut ma għandux post tan-negozju, residenza jew uffiċċju reġistrat fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti li taħt il-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha ġiet applikata l-klawżola standard.

3) Il-ġuriżdizzjoni għal kwistjoni fejn tiġi revokata deċiżjoni ta' korp ta' persuna ġuridika, jew tiġi ddikjarata nulla – kawża għar-revoka ta' deċiżjoni ta' korp ta' persuna ġuridika, jew għal dikjarazzjoni ta' nullità titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-uffiċċju reġistrat ta' dik il-persuna ġuridika.

4) Il-ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali

Il-kwistjonijiet matrimonjali huma meqjusa kwistjonijiet ċivili fejn il-kawżi jiġu deċiżi fejn is-suġġett huwa:

  • id-divorzju;
  • l-annullament taż-żwieġ;
  • l-istabbiliment tal-eżistenza jew nullità taż-żwieġ;
  • id-diviżjoni tal-proprjetà konġunta jew talbiet oħra minħabba l-proprjetà ta' bejn il-konjuġi;
  • talbiet oħra ġejjin minn relazzjoni matrimonjali mressqa minn konjuġi kontra l-ieħor.

Qorti Estonjana hija kompetenti biex tiddeċiedi kwistjoni matrimonjali jekk:

  • mill-inqas wieħed mill-konjuġi huwa ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew kien ċittadin meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ;
  • iż-żewġ konjuġi jgħixu l-Estonja;
  • wieħed mill-konjuġi jgħix l-Estonja, sakemm ma jkunx ċar li s-sentenza li se tingħata mhix se tiġi rikonoxxuta fil-pajjiżi nazzjonali ta' xi ħadd mill-konjuġi.

Fi kwistjoni matrimonjali li trid tiġi deċiża minn qorti Estonjana, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza konġunta tal-konjuġi jew, fin-nuqqas, quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-konvenut. Jekk ir-residenza tal-konvenut mhix fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza ta' wild komuni tal-partijiet li għadu minuri u, fin-nuqqas ta' wild minuri, quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tar-rikorrent.

Jekk ġiet stabbilita l-kustodja ta' proprjetà ta' persuna assenti minħabba li l-persuna għebet jew jekk inħatar kuratur għal persuna minħabba kapaċità ġuridika attiva limitata, jew jekk xi ħadd ġie kkundannat il-ħabs, kawża ta' divorzju kontra din il-persuna tista' titressaq ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tar-rikorrent.

5) Il-ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet ta' filjazzjoni u manteniment – kwistjoni ta' manteniment hija kwistjoni ċivili fejn tinqata' kawża li għandha l-għan li tistabbilixxi l-filjazzjoni jew l-oppożizzjoni għal entrata dwar ġenitur fiċ-ċertifikat tat-twelid ta' wild jew fir-reġistru tal-popolazzjoni. Qorti Estonjana tista' tiddeċiedi dwar kwistjoni ta' filjazzjoni jekk tal-inqas waħda mill-partijiet tkun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew għandha r-residenza tagħha l-Estonja. Fi kwistjoni ta' filjazzjoni li trid tiddeċiedi qorti Estonjana, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-wild. Jekk ir-residenza tal-wild mhix fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-konvenut. Jekk ir-residenza tal-konvenut mhix fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tar-rikorrent.

Dawn id-dispożizzjonijiet jgħoddu wkoll għal kwistjonijiet ta' manteniment. Kwistjoni ta' manteniment hija kwistjoni ċivili li tiddeċiedi talba dwar:

  • twettiq ta' obbligu ta' manteniment ta' ġenitur skont il-liġi rigward wild minuri;
  • it-twettiq ta' obbligu ta' manteniment bejn il-ġenituri;
  • it-twettiq ta' obbligu ta' manteniment bejn il-konjuġi;
  • it-twettiq ta' obbligu ta' manteniment ieħor stabbilit mil-liġi.

6. Il-ġuriżdizzjoni ta’ kwistjonijiet dwar petizzjoni

Il-ġuriżdizzjoni ta’ kawżi dwar petizzjoni hija esklussiva sakemm ma jkunx previst mod ieħor bil-liġi.

Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas – il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas titmexxa mid-dipartiment tal-ordni għall-ħlas tal-bini tal-qorti ta’ Haapsalu tal-Qorti tal-Kontea ta' Pärnu (Pärnu Maakohtu Haapsalu kohtumaja). Sabiex tinbeda l-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas fir-rigward ta' talba għal manteniment jew talba dwar dejn, jista’ jintuża s-sit elettroniku https://www.e-toimik.ee/ biex jiġi kkuntattjat id-dipartiment għall-ordnijiet ta’ ħlas tal-qorti tal-kontea. Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas ma tapplikax għal talbiet li jaqbżu s-EUR 6 400 (talba dwar dejn); dan l-ammont ikopri kemm it-talba prinċipali u dik kollaterali. Bl-istess mod, il-proċedura mħaffa ma tiġix applikata jekk il-manteniment pretiż jaqbeż darba u nofs ir-rata minima ta’ manteniment. Ir-rata minima ta’ darba u nofs l-ammont tal-manteniment fl-2020 tammonta għal EUR 438 fix-xahar. Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas ma tapplikax jekk id-debitur mhux indikat fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ wild bħala ġenitur.

Dikjarazzjoni ta’ persuna bħala mejta u l-istabbiliment tal-ħin tal-mewt – qorti Estonjana tista’ tiddikjara persuna bħala mejta u tistabbilixxi l-ħin tal-mewt tagħha jekk: 1) fiż-żmien meta l-persuna nieqsa nstemgħet l-aħħar, hija kienet ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew kellha residenza fl-Estonja f’dak iż-żmien; 2) jeżisti interess ġuridiku ieħor biex qorti Estonjana tiddikjara l-persuna mejta jew tistabbilixxi l-ħin tal-mewt tagħha.

Petizzjoni biex persuna tiġi ddikjarata mejta u biex jiġi stabbilit iż-żmien tal-mewt tagħha titressaq quddiem il-qorti tal-aħħar residenza tal-persuna nieqsa. Jekk persuna tkun nieqsa b’konnessjoni ma’ nawfraġju rreġistrat fl-Estonja, il-petizzjoni titressaq quddiem il-qorti tal-port tal-irmiġġ tal-vapur. F’każijiet oħrajn, petizzjoni biex persuna tiġi ddikjarata mejta jew biex jiġi stabbilit il-ħin tal-mewt tagħha tiġi ppreżentata fil-qorti tar-residenza jew tal-uffiċċju rreġistrat tal-petizzjonant. Jekk ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tal-petizzjonant ma jkunx fl-Estonja, il-petizzjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Petizzjoni għal emenda tal-ħin tal-mewt jew l-annullament ta’ dikjarazzjoni tal-mewt tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li stabbiliet il-ħin tal-mewt jew iddikjarat il-persuna mejta.

Kwistjonijiet ta’ tutela – kwistjoni ta’ tutela hija kwistjoni relatata mal-ħatra ta’ tutur għal persuna jew kwistjoni oħra relatata mat-tutela. Qorti Estonjana tista’ tiddeċiedi kwistjoni ta’ tutela jekk: 1) il-persuna fil-bżonn ta’ tutela jew il-persuna taħt tutela tkun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja, jew ir-residenza tagħha tkun fl-Estonja; 2) il-persuna fil-bżonn ta’ tutela jew il-persuna taħt tutela tkun teħtieġ il-protezzjoni ta’ qorti Estonjana għal raġuni oħra, inklużi każijiet fejn il-proprjetà tal-persuna tkun tinsab fl-Estonja.

M’hemmx għalfejn jinħatar tutur fl-Estonja jekk qorti Estonjana u qorti ta’ stat barrani jkunu ugwalment kompetenti biex jistabbilixxu tutela u jkun diġà nħatar tutur fi stat barrani jew qorti barranija tkun qed tmexxi proċedimenti għall-ħatra ta’ tutur, dment li jkun jista’ jiġi preżunt li d-deċiżjoni tal-qorti barranija tkun se tkun rikonoxxuta fl-Estonja u li li ma jinħatarx tutur fl-Estonja ikun fl-interessi tal-persuna li teħtieġ it-tutela.

Kwistjoni ta’ tutela tiġi deċiża mill-qorti tar-residenza tal-persuna li teħtieġ it-tutela. Il-ħatra ta’ tutur għal wild qabel it-twelid tal-wild tiġi deċiża mill-qorti tar-residenza tal-omm. Jekk l-istabbiliment ta’ tutela jintalab għal aħwa li jkunu qed jirrisjedu jew joqogħdu fil-ġuriżdizzjoni territorjali ta’ bosta qrati, it-tutur jinħatar mill-qorti tar-residenza tal-iżgħar fl-età fosthom. Jekk, f’każ bħal dan, il-proċedimenti ta’ tutela jkunu diġà pendenti quddiem qorti, il-kwistjoni tat-tutela tiġi deċiża minn dik il-qorti. Jekk persuna fil-bżonn ta’ tutela ma jkollha l-ebda residenza fl-Estonja jew jekk ir-residenza ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-kwistjoni tista’ tiġi deċiża mill-qorti li l-persuna jew il-proprjetà tagħha li tkun teħtieġ il-protezzjoni tkun fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha, jew mill-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Kwistjoni relatata ma’ persuna taħt tutela jew il-proprjetà tagħha tiġi deċiża mill-qorti li tkun ħatret it-tutur. Kwistjoni ta’ dan it-tip tista’ wkoll tiġi deċiża, b’raġuni valida, mill-qorti tar-residenza tal-persuna taħt tutela jew mill-qorti tal-post fejn tkun tinsab il-proprjetà ta’ dik il-persuna.

It-tqegħid ta’ persuna f’istituzzjoni magħluqa – il-kwistjoni tat-tqegħid ta’ persuna f’istituzzjoni magħluqa tiġi deċiża mill-qorti li tkun ħatret it-tutur għall-persuna jew mill-qorti li tmexxi l-proċedimenti fil-qasam tat-tutela. F’każijiet oħrajn, kwistjonijiet bħal dawn jiġu deċiżi mill-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali fuq il-post fejn tinsab l-istituzzjoni magħluqa. Il-kwistjoni tista’ wkoll tiġi deċiża mill-qorti li tkun applikat protezzjoni legali proviżorja.

Il-protezzjoni legali proviżorja fil-każ tista’ tiġi applikata minn kwalunkwe qorti li l-miżura rilevanti trid tiġi applikata fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha. Kwistjonijiet oħra relatati mat-tqegħid ta’ persuna f’istituzzjoni magħluqa, inklużi kwistjonijiet ta’ sospensjoni jew terminazzjoni ta’ tqegħid ta’ persuna f’istituzzjoni magħluqa u kwistjonijiet ta’ bidliet fil-perjodu tat-tqegħid, jiġu deċiżi mill-qorti li tkun iddeċidiet dwar it-tqegħid tal-persuna f’istituzzjoni magħluqa.

L-istabbiliment ta’ kustodja fuq il-proprjetà ta’ persuna assenti – il-kwistjoni tal-istabbiliment ta’ kustodja fuq il-proprjetà ta’ persuna assenti tiġi deċiża mill-qorti tar-residenza tal-persuna assenti. Jekk persuna assenti ma jkollhiex residenza fl-Estonja, il-kwistjoni tal-istabbiliment tal-kustodja fuq il-proprjetà tal-persuna assenti tiġi deċiża mill-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà li tkun qed tintalab il-kustodja għaliha. Kwistjonijiet oħra relatati mal-istabbiliment tal-kustodja fuq il-proprjetà ta’ persuna assenti, inklużi kwistjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kustodja u bidla tal-amministratur u d-dmirijiet tagħha, jiġu deċiżi mill-qorti li tkun ħatret l-amministratur.

Adozzjoni — kwistjoni ta’ adozzjoni tista’ tiġi deċiża minn qorti Estonjana jekk il-ġenitur adottiv, wieħed mill-miżżewġin li jixtieq jadotta, jew il-minuri, ikun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew ir-residenza tal-ġenitur adottiv, wieħed mill-miżżewġin li jixtieq jadotta jew il-minuri jkun l-Estonja. Petizzjoni għall-adozzjoni tiġi ppreżentata lill-qorti tar-residenza tal-minuri adottiv. Jekk il-minuri adottiv ma jkollux residenza fir-Repubblika tal-Estonja, il-petizzjoni tiġi ppreżentata lill-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Kwistjoni biex adozzjoni tiġi ddikjarata invalida tiġi deċiża mill-qorti li tkun iddeċidiet dwar l-adozzjoni.

Estensjoni tal-kapaċità ġuridika attiva ta’ minuri – il-kwistjoni tal-estensjoni tal-kapaċità ġuridika attiva ta’ minuri tista’ tiġi deċiża minn qorti Estonjana jekk il-minuri jkun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew ir-residenza tiegħu tkun fl-Estonja. Petizzjoni għal estensjoni tal-kapaċità ġuridika attiva ta’ minuri jew petizzjoni għall-annullament ta’ deċiżjoni biex tiġi estiża l-kapaċità ġuridika attiva ta’ minuri tiġi ppreżentata quddiem il-qorti tar-residenza tal-minuri. Jekk il-minuri ma jkollux residenza fir-Repubblika tal-Estonja, il-petizzjoni tiġi ppreżentata lill-Qorti tal-Kontea ta’ Harju.

L-istabbiliment ta’ filjazzjoni u kontestazzjoni ta’ entrata li tikkonċerna ġenitur wara l-mewt ta’ persuna – jekk persuna tfittex l-istabbiliment tal-filjazzjoni tagħha ma’ persuna mejta jew persuna tikkontesta entrata li tikkonċerna ġenitur fir-reġistrazzjoni tat-twelid ta’ wild jew fir-reġistru tal-popolazzjoni wara l-mewt tal-persuna mniżżla fir-reġistrazzjoni tat-twelid jew fir-reġistru tal-popolazzjoni bħala ġenitur, tiġi ppreżentata petizzjoni b’dan l-għan quddiem il-qorti tal-aħħar residenza tal-persuna li jkun qed jintalab l-istabbiliment tal-filjazzjoni tagħha jew li qed tiġi kkontestata entrata li tikkonċernaha fir-reġistru tat-twelid jew fir-reġistru tal-popolazzjoni. Jekk l-aħħar residenza magħrufa tal-persuna ma kienx fl-Estonja, jew jekk ir-residenza ma tkunx magħrufa, il-petizzjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Harju.

Kwistjonijiet familjari oħra dwar il-petizzjoni – id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ tutela japplikaw għal kwistjonijiet oħra tal-familja fuq petizzjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi jew iddettat mod ieħor min-natura tal-kwistjoni. Kwistjoni dwar petizzjoni relatata mar-relazzjoni legali bejn il-miżżewġin jew id-divorzjati tiġi deċiża mill-qorti tal-ġuriżdizzjoni territorjali tar-residenza komuni tal-miżżewġin jew tal-aħħar residenza komuni tad-divorzjati. Jekk il-miżżewġin ma kellhom l-ebda residenza komuni fl-Estonja jew jekk attwalment l-ebda wieħed mill-miżżewġin ma għandu residenza fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-aħħar residenza komuni tagħhom, il-kwistjoni tiġi deċiża mill-qorti tar-residenza tal-konjuġi li d-drittijiet tiegħu jkunu ristretti mis-sentenza mitluba. Jekk ir-residenza ta’ dak il-konjuġi ma tkunx fl-Estonja jew ir-residenza ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-kwistjoni tiġi deċiża mill-qorti tar-residenza tal-petizzjonant. Jekk il-ġuriżdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata, il-kwistjoni tiġi deċiża mill-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Il-protezzjoni legali proviżorja fi kwistjoni tal-familja dwar petizzjoni tista’ tiġi applikata minn kwalunkwe qorti li l-miżura rilevanti trid tiġi applikata fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha.

Applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tal-patrimonju – qorti Estonjana tista’ tapplika miżuri ta’ ġestjoni għal patrimonju li jinsab fl-Estonja irrispettivament mill-istat li l-liġi tiegħu hija applikabbli għas-suċċessjoni u mill-istat li l-awtorità jew l-uffiċjal tiegħu huwa kompetenti skont il-ġuriżdizzjoni ġenerali biex imexxi proċedimenti li jikkonċernaw il-patrimonju. Il-miżuri ta’ ġestjoni tal-patrimonju jiġu applikati mill-qorti tal-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni. Jekk il-proċedimenti ta’ suċċessjoni jinfetħu fi stat barrani u l-patrimonju jkun jinsab fl-Estonja, il-miżuri ta’ ġestjoni tal-patrimonju jkunu jistgħu jiġu applikati mill-qorti tal-post tal-patrimonju.

Il-ġuriżdizzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ sejħ – petizzjoni għal dikjarazzjoni ta’ garanzija invalida tiġi ppreżentata lill-qorti tal-post tat-tifdija tal-garanzija u, fin-nuqqas tal-post tat-tifdija, skont il-ġuriżdizzjoni ġenerali kif applikabbli għall-emittent tal-garanzija. Petizzjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ sejħa għall-preklużjoni tad-drittijiet tas-sid ta’ proprjetà immobbli tiġi ppreżentata mill-pussessur tal-proprjetà immobbli skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 124 tal-Att dwar il-Liġi tal-Proprjetà (asjaõigusseadus) quddiem il-qorti li l-proprjetà immobbli tinsab fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha. Fil-każ previst mill-Artikolu 13 tal-Att dwar il-Liġi dwar il-Proprjetà Marittima, il-persuna intitolata tressaq petizzjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ sejħa għall-preklużjoni tad-drittijiet tas-sid ta’ vapur fil-Qorti tal-Kontea ta’ Harju. Petizzjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ sejħa għall-preklużjoni tad-drittijiet ta’ ipoteka mhux magħrufa (l-Artikolu 331 tal-Att dwar il-Liġi tal-Proprjetà) tiġi ppreżentata mis-sid tal-proprjetà immobbli gravata quddiem il-qorti li l-proprjetà immobbli gravata tkun tinsab fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha. Petizzjoni għall-preklużjoni tad-drittijiet ta’ ipoteka marittima mhux magħrufa jew rahan tiġi ppreżentata mis-sid tal-bastiment gravat jew mis-sid tal-oġġett mirhun gravat b’garanzija rreġistrata fuq beni mobbli skont l-Artikolu 59 tal-Att dwar il-Liġi tal-Proprjetà Marittima mal-Qorti tal-Kontea ta’ Harju.

Il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ petizzjoni relatati ma’ persuni ġuridiċi fid-dritt privat – kwistjonijiet, minbarra kwistjonijiet tar-reġistru, dwar petizzjoni, li huma relatati mal-attivitajiet ta’ kumpanija, assoċjazzjoni u fondazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, inklużi kwistjonijiet relatati mal-ħatra ta’ membru sostitut tal-bord maniġerjali jew tal-bord superviżorju, awditur, awditur għal awditu speċjali, u likwidatur, kif ukoll kwistjonijiet relatati mad-determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens lis-sħab jew lill-azzjonisti ta’ kumpanija jiġu deċiżi mill-qorti tal-uffiċċju rreġistrat tal-persuna ġuridika jew tal-fergħa ta’ kumpanija barranija.

Is-sjieda ta’ appartamenti u kwistjonijiet ta’ sjieda komuni – kwistjoni dwar petizzjoni relatata mas-sjieda ta’ appartamenti jew sjieda komuni tiġi deċiża mill-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli.

Kwistjonijiet ta’ aċċess għal triq pubblika u ta’ tolleranza ta’ riċevituri artifiċjali ta’ sistemi ta’ titjib tal-art, u ta’ xogħlijiet ta’ utilità – kwistjonijiet ta’ aċċess għal triq pubblika u ta’ tolleranza ta’ riċevituri artifiċjali ta’ sistemi ta’ titjib tal-art, u ta’ xogħlijiet ta’ utilità, jiġu deċiżi mill-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli li qed jintalab l-aċċess għal triq pubblika minnha jew li qed jintalab il-bini ta’ riċevitur artifiċjali ta’ sistema ta’ titjib tal-art għaliha jew fejn jinsabu x-xogħlijiet ta’ utilità.

Kwistjonijiet ta’ rikonoxximent, dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ qrati ta’ stati barranin – talba għal rikonoxximent u dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ stat barrani, talba għal rifjut ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni jew għal sospensjoni ta’ eżekuzzjoni jew petizzjoni oħra fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tiġi ppreżentata skont ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tad-debitur, jew quddiem il-qorti li t-twettiq tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jintalab fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi jew minn ftehim internazzjonali.

Kwistjonijiet ta’ dikjarazzjoni ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni milħuq b’riżultat ta’ proċedimenti ta’ konċiljazzjoni eżegwibbli – ftehim ta’ soluzzjoni milħuq b’riżultat tal-proċedimenti ta’ konċiljazzjoni speċifikati fl-Artikolu 14(1) tal-Att dwar il-Konċiljazzjoni (lepitusseadus) jiġi ddikjarat eżekutorju mill-qorti li l-proċedimenti ta’ konċiljazzjoni saru fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha.

Kwistjonijiet ta’ rikonoxximent u dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ta’ deċiżjonijiet ta’ tribunali tal-arbitraġġ – petizzjonijiet għal rikonoxximent u dikjarazzjoni tal-eżegwibbiltà ta’ deċiżjonijiet ta’ tribunali tal-arbitraġġ li jsiru fl-Estonja jew deċiżjonijiet ta’ tribunali tal-arbitraġġ ta’ stati barranin u petizzjonijiet għal rifjut ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni tagħhom jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Kontea ta’ Pärnu (Pärnu Maakohus). Petizzjoni għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tribunal tal-arbitraġġ ta’ stat barrani jew petizzjoni oħra fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tiġi ppreżentata skont ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tad-debitur, jew quddiem il-qorti li t-twettiq tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jintalab fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi jew minn ftehim internazzjonali. Jekk waħda mill-partijiet fi ftehim fi proċediment ta’ arbitraġġ tkun konsumatur, petizzjoni għal rikonoxximent u dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew petizzjoni għal rifjut ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ tiġi ppreżentata quddiem il-qorti tal-ġuriżdizzjoni territorjali tal-post tal-proċedimenti tal-arbitraġġ.

Kwistjonijiet dwar petizzjoni jinstemgħu fil-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali inkluż il-post użat biex tiġi determinata l-ġuriżdizzjoni. Jekk il-postijiet multipli użati għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni jibqgħu fil-ġuriżdizzjoni territorjali ta' qorti waħda tal-kontea, iżda fiż-żona ta' ħidma ta' diversi qrati, il-qorti tiddeċiedi fejn għandu jinstema' l-każ.

Aktar żoni ġeografiċi u ta’ notifika preċiżi tal-qrati huma stabbiliti fl-Att dwar il-Qrati.

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Qorti tista’ wkoll tikkunsidra kwistjoni skont il-ġuriżdizzjoni f’każijiet fejn il-ġuriżdizzjoni ta’ din il-qorti tkun stipulata fi ftehim bejn il-partijiet u t-tilwima tkun relatata mal-attivitajiet ekonomiċi jew professjonali taż-żewġ partijiet, jew it-tilwima tkun relatata mal-attivitajiet ekonomiċi jew professjonali ta’ parti waħda u l-parti l-oħra tkun l-istat, awtorità lokali jew persuna ġuridika oħra skont id-dritt pubbliku, jew jekk iż-żewġ partijiet ikunu persuni ġuridiċi skont id-dritt pubbliku.

Ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni jista’ jsir ukoll jekk ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat ta’ waħda mill-partijiet jew tat-tnejn li huma ma jkunx fl-Estonja.

Minkejja dan, ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni japplika wkoll jekk:
1) tali ftehim inkun intlaħaq wara li nqalgħet it-tilwima;
2) il-ġuriżdizzjoni kienet maqbula f’każ fejn il-konvenut ikun ġarr lejn pajjiż barrani wara l-konklużjoni tal-ftehim jew ikun ittrasferixxa barra l-pajjiż il-post tan-negozju tiegħu jew l-uffiċċju rreġistrat tiegħu, jew fil-każ li l-post tan-negozju, il-post tar-residenza jew il-post tal-uffiċċju rreġistrat tiegħu ma jkunx magħruf meta tinfetaħ il-kawża.

Il-ġurisdizzjoni ddeterminata bi ftehim hija ġuriżdizzjoni esklussiva, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor.

Il-qorti tal-prim’istanza tista’, b’digriet, tirrinvija l-kwistjoni lil qorti oħra tal-prim’istanza jekk il-partijiet jippreżentaw petizzjoni konġunta biex isir hekk qabel l-ewwel seduta tal-qorti jew, fi proċedura bil-miktub, qabel l-iskadenza tal-perjodu għall-preżentazzjoni tal-pożizzjonijiet.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Ma teżisti l-ebda qorti speċjalizzata fl-Estonja.

Ħoloq relatati

Is-sistema tal-Qrati

L-aħħar aġġornament: 02/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.