- 1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?
- 2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?
- 3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?
1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?
Fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-qorti ordinarja għall-materji ċivili u kummerċjali hija l-qorti distrettwali (tribunal d’arrondissement). Hemm żewġ distretti: qorti distrettwali fil-belt tal-Lussemburgu u qorti distrettwali f'Diekirch.
Il-qorti distrettwali hija kompetenti għall-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali li l-liġi ma tattribwix il-kompetenza tagħhom lil qorti oħra.
Kuntrarjament għal pajjiżi oħrajn, il-Lussemburgu ma hemmx qorti speċifika għall-kwistjonijiet kummerċjali, li għalhekk jiġu ttrattati minn taqsimiet speċjalizzati tal-qorti distrettwali. Il-kwistjonijiet kummerċjali madankollu jsegwu proċedura ssemplifikata.
Il-qrati speċjalizzati huma prinċipalment kompetenti:
- mit-talbiet iż-żgħar: Jekk it-talba ma tkunx taqbeż l-EUR 15 000, il-kompetenza tkun tal-kummissarju tal-ġustizzja (juge de paix). Hemm tliet kummissarji tal-ġustizzja fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li jinsabu fil-belt tal-Lussemburgu, f'Esch-sur-Alzette u f'Diekirch, b'kull wieħed minnhom ikun kompetenti għal territorju determinat.
- mill-kwistjonijiet tal-liġi industrijali: Meta litiġju jkun jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta' kuntratt tax-xogħol, il-kompetenza tkun tat-tribunal industrijali (tribunal du travail). Hemm tliet tribunali industrijali fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li jinsabu fil-belt tal-Lussemburgu, f'Esch-sur-Alzette u f'Diekirch, b'kull wieħed minnhom ikun kompetenti għal territorju determinat. Fil-prattika, it-tribunal industrijali jiltaqa' fil-bini tal-qorti tal-kummissarju tal-ġustizzja.
- mill-kwistjonijiet tal-kiri ta' proprjetà: Il-liġi tagħti lill-kummissarji tal-ġustizzja l-kompetenza li jiddeċiedu dwar kuntratti tal-kiri, ta' kull valur. Jekk il-litiġju jkun jikkonċerna l-iffissar tal-kera, il-liġi tipprevedi li trid tiġi kkonsultata kummissjoni dwar il-kera tal-muniċipalità kkonċernata qabel ma l-kawża titressaq il-qorti kompetenti.
- mill-kwistjonijiet bejn il-ġirien: Il-parti l-kbira tal-kawżi bejn il-ġirien, li jittrattaw pereżempju servitujiet jew problemi ta' konfini, huma l-kompetenza tal-kummissarji tal-ġustizzja. Jekk il-kwistjoni tikber u jkun hemm talba għad-danni bl-imgħax, ikun l-ammont tat-talba li jiddetermina: jekk jaqbeż l-EUR 15 000, il-kompetenza tkun tal-qorti distrettwali.
- mill-kwistjonijiet tas-sigurtà soċjali: Il-liġi tassenja l-kompetenza f'kawżi dwar kwistjonijiet tas-sigurtà soċjali lill-Bord tal-Arbitraġġ tas-Sigurtà Soċjali (Conseil arbitral de la sécurité sociale). Dan il-Bord jiltaqa' l-Lussemburgu u l-kompetenza tiegħu testendi għall-pajjiż kollu.
- mill-problemi ta' dejn żejjed: Il-liġi tagħti l-kompetenza mill-kwistjonijiet ta' dejn żejjed lill-kummissarju tal-ġustizzja.
2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?
2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?
Il-Kummissarji tal-Ġustizzja huma kompetenti biex jiddeċiedu kwistjonijiet ċivili u kummerċjali b'ammont ikkontestat (mingħajr imgħax u spejjeż) li ma jkunx jaqbeż l-EUR 15 000. Jekk jaqbiżhom il-kompetenza tkun tal-qorti distrettwali.
Il-qorti distrettwali għandha l-kompetenza f'kull każ li ma jinvolvix evalwazzjoni monetarja, bħal pereżempju affarijiet tal-familja.
2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)
2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali
Bħala regola ġenerali, il-qorti kompetenti hija l-qorti ta' fejn ikun jgħix il-konvenut. Din ir-regola qiegħda hemm biex tipproteġi lill-konvenut, billi wieħed jippreżumi li jkun jista' jiddefendi ruħu b'iktar faċilità quddiem l-eqreb qorti għad-domiċilju tiegħu.
Jekk il-konvenut ikun persuna fiżika, il-qorti kompetenti tkun dik ta' fejn ikun domiċiljat jew residenti.
F'każ li l-konvenut ikun għaqda jew kumpanija kummerċjali, il-qorti kompetenti ma tkunx biss dik ta' fejn ikollu s-sede uffiċjali tiegħu, imma wkoll dik fejn ikollu fergħa jew aġenzija, iżda f'dawn iż-żewġ każijiet, huwa jrid ikollu rappreżentant ikkwalifikat biex jittratta ma' terzi u l-litiġju jkun inqala' mill-attivitajiet ta' din il-fergħa jew aġenzija.
2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika
2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?
- F'każ ta' kuntratti, l-attur jista' jiftaħ il-kawża, kemm fil-post tad-domiċilju tal-konvenut, kif ukoll skont in-natura tal-kuntratt, fil-post tal-konsenja tal-oġġett jew fil-post tal-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni tas-servizz.
- Fi kwistjonijiet ta' responsabilità minn delitti jew għal talba ċivili fl-ambitu ta' proċedura penali: it-talba tista' ssir quddiem il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut jew quddiem il-qorti tal-post fejn ġie subit id-dannu jew fejn sar l-att li ħoloq id-dannu.
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?
- Fil-kwistjonijiet li ġejjin:
1) talbiet ta' awtorizzazzjoni ta' żwieġ ta' minuri, talbiet għall-annullament ta' żwieġ, talbiet għar-revoka ta' sospensjoni taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, talbiet għat-tiġdid tas-sospensjoni, talbiet ta' oppożizzjoni għaż-żwieġ u għar-revoka tas-sospensjoni;
2) talbiet relatati ma' kuntratti taż-żwieġ u mar-reġimi matrimonjali u mat-talbiet għas-seperazzjoni tal-beni;
3) talbiet li jikkonċernaw id-drittijiet u d-dmirijiet rispettivi tal-konjuġi u l-kontribuzzjoni għall-ispejjeż taż-żwieġ u tal-unjoni ċivili;
4) ix-xoljiment ta' unjoni ċivili;
5) talbiet ta' manteniment;
6) talbiet relatati mal-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess, ta' abitazzjoni u ta' kontribut għall-manteniment u l-edukazzjoni tat-tfal;
7) talbiet relatati mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, ħlief dawk relatati mar-revoka tal-awtorità tal-ġenituri;
8) deċiżjonijiet dwar l-amministrazzjoni legali tal-beni tal-minuri u ta' dawk relatati mat-tutela tal-minuri;
9) talbiet ta' projbizzjoni ta' ritorn ta' persuni mkeċċija minn darhom fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-liġi emendata tat-8 ta' Settembru 2003 dwar il-vjolenza domestika; u l-prolongament tal-projbizzjonijiet li ġejjin minn dik it-tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta' dik il-liġi; kif ukoll rikorsi ppreżentati kontra dawk il-miżuri;
il-qorti distrettwali territorjalment kompetenti hija, ħlief meta jkun hemm dispożizzjonijiet partikolari li jgħidu mod ieħor:
1) il-qorti tal-post tad-domiċilju tal-familja;
2) jekk il-ġenituri jkunu jgħixu separati, il-qorti tal-post tad-domiċilju tal-ġenitur li t-tfal jgħixu abitwalment miegħu f'każ ta' eżerċizzju konġunt tal-awtorità tal-ġenituri, jew il-qorti tal-post tad-domiċilju tal-ġenitur li jeżerċita dik l-awtorità waħdu;
3) fil-każijiet l-oħrajn, il-qorti tal-post fejn jirrisjedi dak li ma jkunx ħa l-inizjattiva tal-proċedura.
F'każ ta' talba konġunta, il-qorti kompetenti tkun skont l-għażla tal-partijiet bejn il-postijiet fejn tkun domiċiljata parti jew oħra.
Madankollu meta l-litiġju jkun jikkonċerna biss il-manteniment bejn il-konjuġi , il-manteniment u l-edukazzjoni tat-tfal, il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż taż-żwieġ jew miżuri urġenti u provviżorji f'każ ta' xoljiment ta' unjoni ċivili, il-qorti kompetenti tista' tkun dik tal-post fejn jgħix il-konjuġi jew l-ex sieħeb li jirċievi l-manteniment jew il-ġenitur li jassumi r-responsabbiltà tat-tfal, anke jekk ikunu tal-età.
Il-kompetenza territorjali tkun iddeterminata mid-domiċilju dakinhar tat-talba jew, fi kwistjoni ta' divorzju, dakinhar li tiġi ppreżentata t-talba inizjali.
- F'każ ta' talba għal għajnuna legali fi kwistjoni ta' kustodja jew ta' dritt ta' aċċess għat-tfal, il-qorti kompetenti tkun il-qorti li t-tifel għandu r-residenza tiegħu jew huwa preżunt li jirrisjedi fil-ġuriżdizzjoni tagħha.
- Fi kwistjonijiet ta' divorzju u ta' separazzjoni ġudizzjarja u l-konsegwenzi tagħhom, il-qorti kompetenti hija l-qorti li l-konjuġi jkollhom id-domiċilju komuni tagħhom fit-territorju tagħha, jew fin-nuqqas ta' dan, fejn ikollu d-domiċlju tiegħu l-konjuġi konvenut jew f'każ ta' divorzju kunsenswali, fejn ikollu d-domiċilju wieħed mill-konjuġi.
- Fi kwistjoni ta' suċċessjoni, il-qorti kompetenti hija dik ta' fejn id-deċedut kien domiċiljat l-aħħar.
- Fi kwistjoni ta' kera, il-qorti kompetenti hija dik ta' fejn tinsab il-proprjetà.
- Fi kwistjoni tal-liġi industrijali, hija l-qorti tal-post tax-xogħol li tkun kompetenti. Madankollu, f'ċerti każijiet meta impjegatur jiftaħ kawża kontra impjegat li jgħix fi Stat Membru ieħor, il-kompetenza tkun attribwita lill-qorti tal-post ta' residenza tal-impjegat.
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?
Il-liġi Lussemburgiża taċċetta l-validità ta' "klawżola li tattribwixxi l-ġuriżdizzjoni" li permezz tagħha l-partijiet f'kuntratt jiddeterminaw qorti għal kull litiġju li jista' jkollhom.
Dawn il-klawżoli huma partikolarment utli f'każ ta' żewġ partijiet li joqogħdu fi Stati differenti. Huma jippermettu li l-Qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni tkun determinata minn qabel. Il-kundizzjonijiet ta' validità ta' klawżoli bħal dawn bejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea huma rregolati mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012.
Ftehim bejn il-partijiet dwar il-ġuriżdizzjoni kompetenti hija possibbli wkoll għal litiġji purament interni. F'dak il-każ il-partijiet jistgħu jiftħu kawża quddiem il-kummissarju tal-ġustizzja li normalment ma jkunx kompetenti għaliha minħabba raġunijiet ta' valur tal-litiġju jew tar-regoli dwar il-kompetenza territorjali. Il-ftehim bejn il-partijiet jista' jkun espliċitu jew jirriżulta mill-fatt li l-konvenut deher għas-seduta u beda jittratta l-fatti mingħajr ma l-ewwel u qabel kull eċċezzjoni oħra jkun qajjem il-kwistjoni tan-nuqqas ta' kompetenza tal-qorti. Madankollu, il-partijiet ma jistgħux jipproċedu bl-istess mod quddiem il-qrati distrettwali li r-regoli dwar il-kompetenza tagħhom, li hija bbażata fuq il-valur tal-litiġju, huma kwistjoni ta' ordni pubbliku.
Klawżola li tattribwixxi l-ġuriżdizzjoni ma tkunx valida sakemm ma tkunx effettivament aċċettata miż-żewġ partijiet. Il-prova ta' dan il-ftehim trid titressaq skont ir-regoli tad-dritt komuni.
Il-libertà tal-partijiet biex jagħżlu l-ġuriżdizzjoni f'xi każijiet hija limitata mil-liġi. Pereżempju, il-liġi dwar il-protezzjoni ġuridika tal-konsumatur tiddikjara nulli l-klawżoli fejn l-għan ikun li l-konsumatur jitteħidlu d-dritt li jiftaħ kawżi fil-qrati ordinarji.
3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?
Il-ġuriżdizzjonijiet speċjali organizzati mil-liġi Lussemburgiża (it-tribunal industrijali, il-kummissarju tal-ġustizzja b'kompetenza dwar il-kera, il-qorti amministrattiva, il-Bord tal-arbitraġġ tas-sigurtà soċjali) jisimgħu l-kawżi kollha fil-prim'istanza li jkunu assenjati lilhom, ikun xi jkun il-valur tal-litiġju.
Pereżempju, il-kummissarju tal-ġustizzja, li l-kompetenza ordinarja tiegħu hija limitata għall-kawżi b'valur li jaqbeż l-EUR 15 000, mhux marbut minn dawn il-limitu meta jingħata kawża relatata mal-kera.
Kompetenza territorjali:
- Ir-regola ġenerali tal-kompetenza territorjali
Għalkemm fil-prinċipju l-qorti kompetenti tkun dik ta' fejn jirrisjedi l-konvenut, hemm xi eċċezzjonijiet li jikkonċernaw ġuriżdizzjonijiet speċjali.
Pereżempju, it-tribunal industrijali normalment ikun dak tal-post tax-xogħol u mhux dak tad-domiċilju ta' waħda mill-partijiet. Bl-istess mod, litiġju dwar kwistjonijiet tal-kera jridu jitressqu quddiem il-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà mikrija.
Fir-rigward tal-qorti amministrattiva u l-Bord tal-arbitraġġ tas-sigurtà soċjali, il-kwistjoni ma tqumx peress li dawn għandhom kompetenza għat-territorju kollu tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
- Eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali
Il-qrati speċjali għandhom il-kompetenzi li ġew attribwiti biss u bħala regola ġenerali il-partijiet ma jistgħux jagħżlu huma qorti oħra ħlief dik magħżula mil-liġi.
Ġeneralment, il-kompetenzi skont is-suġġett huma meqjusa kwistjonijiet ta' ordni pubbliku (pereżempju f'każ tal-liġijiet industrijali), li jfisser li anke f'każ li l-partijiet ma jgħidu xejn, l-imħallef xorta jkun obbligat iqajjem il-kwistjoni tan-nuqqas ta' kompetenza tiegħu ex officio. Kif intqal iktar 'il fuq, hemm eċċezzjoni għal dan il-prinċipju quddiem il-kummissarju tal-ġustizzja meta l-litiġju jaqbeż il-valur tal-kompetenza tiegħu u jkun hemm ftehim espliċitu jew taċitu bejn il-partijiet dwar dan. F'dak il-każ, il-kompetenza ma tistax tiġi miċħuda ex officio.
Ħoloq relatati
https://justice.public.lu/fr.html
Dokumenti konnessi
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.