Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Fil-Polonja, il-kawżi ċivili jiġu ttrattati mill-qrati ordinarji (sądy powszechne) u mill-Qorti Suprema (Sąd Najwyższy) (ara: Is-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri - Il-Polonja), sakemm ma jaqgħux taħt il-kompetenza ta’ qrati speċjalizzati.

Id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (KPĊ, Kodeks Postępowania Cywilnego), fl-Artikoli 16-18 u fl-Artikoli 27-46.

Fil-qrati distrettwali (sądy rejonowe), il-kawżi tad-dritt ċivili jiġu eżaminati mid-diviżjonijiet li ġejjin:

Ċivili;

tal-Familja u tal-Minuri (qrati tal-familja, sądy rodzinne) — għal kawżi ta’ familja u tutela; kawżi li jikkonċernaw korruzzjoni morali ta’ minuri u atti punibbli mwettqa minnhom; kawżi li jikkonċernaw it-trattament ta’ persuni dipendenti fuq l-alkoħol, id-drogi jew sustanzi psikotropiċi; kif ukoll kawżi li, f’konformità ma’ leġiżlazzjoni oħra, jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ qorti ta’ tutela;

tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali (tribunali industrijali, sądy pracy) – għal kawżi dwar il-liġi tax-xogħol u s-sigurtà soċjali;

Kummerċjali (qrati kummerċjali, sądy gospodarcze) għal kawżi tad-dritt kummerċjali u tad-dritt ċivili bejn entitajiet ta’ negozju, li jikkonċernaw l-attivitajiet ta’ negozju tagħhom; kawżi li jikkonċernaw relazzjonijiet ta’ kumpanija jew soċjetà; kawżi kontra membri tal-bordijiet tat-tmexxija ta’ kumpaniji, rigward pretensjonijiet li jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet foloz ippreżentati minn membri tal-bordijiet tat-tmexxija lir-Reġistru tal-Qorti Nazzjonali; kawżi kontra entitajiet tan-negozju għall-ħruġ ta’ ordni biex titwaqqaf ħsara ambjentali; u kawżi ta’ falliment;

Reġistru tal-Artijiet – biex iżomm ir-reġistri tal-artijiet u jittratta materji ċivili oħra relatati mal-proċeduri tar-reġistru tal-artijiet;

Il-qrati reġjonali (sądy okręgowe) fil-Polonja għandhom diviżjonijiet korrispondenti, ħlief għad-diviżjonijiet tar-reġistru tal-artijiet u d-diviżjonijiet tal-familja u tal-minorenni. Il-qrati reġjonali fil-Polonja għandhom diviżjonijiet ċivili tal-familja kompetenti sabiex jisimgħu, b’mod partikolari, kawżi għad-divorzju, separazzjoni legali u terminazzjoni tas-separazzjoni legali, għall-annullament taż-żwieġ, għall-istabbiliment tal-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza taż-żwieġ, jew biex jiddikjaraw l-eżegwibilità tas-sentenzi ta’ qrati barranin f’kawżi tal-familja.

Barra minn hekk, il-Qorti Reġjonali f’Varsavja għandha l-unitajiet addizzjonali li ġejjin li joperaw bħala diviżjonijiet:

il-Qorti tal-Kompetizzjoni u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów), li l-firxa tal-operat tagħha tinkludi s-smigħ ta’ kawżi li jirrigwardaw il-prevenzjoni ta’ prattiċi monopolistiċi u kawżi regolatorji dwar l-enerġija;

il-Qorti għat-Trademarks u d-Disinji Industrijali tal-Komunità (Sąd Wspólnotowych Znaków Towarowych i Wzorów Przemysłowych), li tisma’ kawżi li jirrigwardaw ksur, theddid ta’ ksur jew in-nuqqas ta’ ksur ta’ disinji industrijali u trademarks, l-invalidazzjoni ta’ disinn Komunitarju, l-iskadenza jew l-invalidazzjoni ta’ trademark, u l-effetti tal-ksur ta’ trademark.

Barra minn hekk, fl-1 ta’ Jannar 2010, il-Qorti Distrettwali f’Lublin inħatret bħala l-qorti kompetenti biex tisma’ kawżi li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ qrati distrettwali oħra fi proċedura elettronika b’mandat ta’ pagament.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Bħala regola ġenerali, il-qrati distrettwali għandhom il-ġuriżdizzjoni f’kawżi ċivili fil-prim’istanza. Il-qrati distrettwali (sądy rejonowe) għandhom ġuriżdizzjoni fil-kawżi kollha ħlief għall-kawżi riżervati mil-liġi (l-Artikoli 16 u 507 tal-KPĊ) għall-qrati reġjonali.

Il-qrati reġjonali għandhom ġuriżdizzjoni fil-prim’istanza fuq il-kawżi elenkati fl-Artikolu 17 tal-KPĊ, jiġifieri:

1) għal drittijiet mhux ta’ proprjetà u talbiet ta’ proprjetà mitluba flimkien ma’ dawk id-drittijiet, ħlief għall-kawżi sabiex tiġi stabbilita jew ikkontestata l-filjazzjoni ta’ tifel/tifla, kawżi għall-annullament ta’ rikonoxximent tal-paternità u għax-xoljiment tal-adozzjoni;

2) għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, kif ukoll kawżi li jirrigwardaw invenzjonijiet, mudelli ta’ utilitajiet, disinji industrijali, trademarks, indikazzjonijiet ġeografiċi u topografiji ta’ ċirkwiti integrati, u kawżi għall-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intanġibbli oħra;

3) għal talbiet skont il-Liġi tal-Istampa;

4) għal drittijiet ta’ proprjetà fejn il-valur tas-suġġett tat-tilwima jaqbeż il-ħamsa u sebgħin elf zloty, ħlief għall-kawżi ta’ manteniment, kawżi għall-ksur tal-pussess, kawżi biex tiġi stabbilita s-separazzjoni tal-proprjetà tal-konjuġi, biex jiġi allinjat il-kontenut ta’ reġistru tal-artijiet mal-istatus legali attwali, u kawżi eżaminati fi proċedura elettronika b’mandat ta’ pagament;

5) għall-ħruġ ta’ sentenza minflok riżoluzzjoni biex tiġi maqsuma kooperattiva;

6) għat-tħassir, l-annullament jew l-istabbiliment tan-nuqqas ta’ eżistenza tar-riżoluzzjonijiet tal-korpi ta’ governanza ta’ entitajiet ġuridiċi jew unitajiet organizzattivi li ma jkunux persuni ġuridiċi iżda li jkunu ngħataw personalità ġuridika bil-liġi;

7) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta;

8) għall-kumpens minħabba l-ħsara kkawżata bil-ħruġ ta’ sentenza finali illegali;

9) għal pretensjonijiet li jirriżultaw minn ksur ta’ drittijiet ikkonferiti mir-regoli tal-protezzjoni tad-data personali.

Barra minn hekk, il-ġuriżdizzjoni tal-qrati reġjonali tkopri pereżempju:

1) kawżi dwar inkapaċità;

2) kawżi għas-soluzzjoni ta’ tilwim fir-rigward tal-operat ta’ intrapriżi tal-istat: bejn il-bord tal-intrapriża u d-direttur tal-intrapriża, il-korpi ta’ governanza tal-intrapriża u l-korpi fundaturi tagħha, u bejn il-korpi ta’ governanza tagħha u l-korp li jeżerċita superviżjoni fuq l-intrapriża;

3) ir-rikonoxximent tas-sentenzi ta’ qrati barranin u d-dikjarazzjoni tagħhom bħala eżekutorji (l-Artikolu 11481 u l-Artikolu 11511 tal-KPĊ).

F’kawżi li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ proprjetà, ir-rikorrent huwa obbligat jispeċifika l-valur tas-suġġett tat-tilwima fid-dikjarazzjoni tat-talba, sakemm is-suġġett tat-tilwima ma jkunx ammont ta’ flus speċifikat.

F’kawżi li jirrigwardaw talbiet monetarji, anki jekk titqajjem bħala alternattiva għal talba oħra, l-ammont ta’ flus speċifikat jikkostitwixxi l-valur tas-suġġett tat-tilwima.

F’kawżi ta’ proprjetà oħra, ir-rikorrent huwa obbligat jispeċifika l-valur tas-suġġett tat-tilwima billi jindika l-ammont ta’ flus fid-dikjarazzjoni tat-talba, f’konformità mal-Artikoli 20-24 tal-KPĊ.

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Ara l-paragrafu 2.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk jiddistingwi bejn erba’ tipi ta’ ġuriżdizzjoni tal-qorti: ġenerali (l-Artikoli 27-30), alternattiva (l-Artikoli 31-37), esklużiva (l-Artikoli 38-42) u speċjali (l-Artikoli 43-46).

Il-ġuriżdizzjoni territorjali ġiet deskritta fid-dettall fil-paragrafi 2.2.1 sa 2.2.3

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali

Ir-rikorsi jridu jitressqu quddiem il-qorti tal-prim’istanza li jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali fuq id-domiċilju tal-konvenut (l-Artikolu 27 tal-KPĊ).

Skont l-Artikolu 25 tal-Kodiċi Ċivili, id-domiċilju ta’ persuna fiżika huwa r-raħal/belt fejn toqgħod din il-persuna bl-intenzjoni li toqgħod hemm fuq bażi permanenti. Jekk il-konvenut ma jkunx residenti fil-Polonja, il-ġuriżdizzjoni ġenerali tiġi determinata skont il-post tas-soġġorn tiegħu, jew meta dak il-post ma jkunx magħruf jew ikun barra mill-Polonja, ir-rikorsi jridu jiġu ppreżentati skont l-aħħar domiċilju tal-konvenut fil-Polonja.

Ir-rikorsi kontra t-Teżor tal-Istat iridu jiġu ppreżentati fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju rreġistrat tal-unità organizzattiva li t-tilwima tkun tikkonċerna lilha. Meta t-Teżor tal-Istat ikun rappreżentat mill-Avukat Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja (Prokuratoria Generalna Rzeczypospolitej Polskiej), ir-rikorsi jridu jiġu ppreżentati fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju rreġistrat tal-fergħa tal-avukat ġenerali responsabbli għall-unità organizzattiva li t-talba tkun tikkonċerna lilha.

Ir-rikorsi kontra persuni ġuridiċi oħra u entitajiet oħra li ma jkunux persuni fiżiċi għandhom jiġu ppreżentati fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju rreġistrat tagħhom (l-Artikolu 30 tal-KPĊ).

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

Ara l-paragrafu 2.2.2.1.

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Il-ġuriżdizzjoni territorjali alternattiva tippermetti lir-rikorrent li jagħżel il-qorti f’ċertu kawżi. Ir-rikorrent imbagħad ikun jista’ jippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-ġuriżdizzjoni ġenerali jew quddiem qorti oħra speċifikata fl-Artikoli 32 sa 371 tal-KPĊ.

Il-ġuriżdizzjoni territorjali alternattiva hija prevista fil-kawżi li ġejjin:

  • għat-talbiet għal manteniment u biex tiġi stabbilita l-filjazzjoni ta’ wild u talbiet relatati – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tal-parti intitolata;
  • għal talba ta’ proprjetà kontra entità kummerċjali – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-kwartieri ġenerali jew fergħa ta’ dik l-entità, jekk it-talba tkun marbuta mal-attivitajiet tal-kwartieri ġenerali jew il-fergħa. Dan, madankollu, ma japplikax għal kawżi li fihom, skont il-liġi, l-Avukat Ġenerali tat-Teżor tal-Istat jirrappreżenta lit-Teżor tal-Istat;
  • sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim, għat-twettiq, it-terminazzjoni jew l-invalidazzjoni ta’ ftehim, kif ukoll għad-danni minħabba n-nuqqas ta’ twettiq jew tat-twettiq sewwa ta’ ftehim – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tat-twettiq tal-ftehim f’tilwima; jekk ikun hemm xi dubju, il-post tat-twettiq tal-ftehim għandu jiġi kkonfermat b’dokument;
  • għal talba għad-danni – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha jkun seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu;
  • għall-pagament ta’ ammont dovut għat-trattament ta’ kawża – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn ir-rappreżentant legali jkun ittratta l-kawża;
  • għal talba taħt lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli (najem jew dzierżawa) – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn tkun tinstab il-proprjetà immobbli;
  • kontra parti obbligata b’ċedola jew ċekk – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-pagament. Diversi partijiet obbligati b’ċedola jew ċekk jistgħu jiġu mfittxin flimkien quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-pagament jew quddiem il-qorti tal-ġuriżdizzjoni ġenerali għall-aċċettant jew l-emittent taċ-ċedola jew ċekk;
  • fir-rigward tal-liġi tax-xogħol – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha jkun qiegħed jitwettaq, twettaq jew kellu jitwettaq ix-xogħol, jew quddiem il-qorti li l-istabbiliment tal-impjieg ikun jinsab fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha (l-Artikolu 461(1) KPĊ).
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Il-ġuriżdizzjoni esklużiva ta’ qorti tfisser li l-kawża tista’ tinstema’ biss mill-qorti speċifikata fil-Kodiċi. Il-ġuriżdizzjoni esklużiva hija prevista fil-kawżi li ġejjin:

  • fir-rigward tas-sjieda jew drittijiet oħra in rem fuq proprjetà immobbli, kif ukoll fir-rigward tal-pussess ta’ proprjetà immobbli – ir-rikorsi jistgħu jitressqu biss quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-proprjetà immobbli; jekk is-suġġett tat-tilwima jkun is-servitù tal-art, il-ġuriżdizzjoni tiġi determinata skont il-post tal-proprjetà gravata;
  • fir-rigward tas-suċċessjoni, sehem riżervat, kif ukoll legati, mandati jew dispożizzjonijiet testamentarji oħra – ir-rikorsi għandhom jiġu ppreżentati biss quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar post tar-residenza abitwali tat-testatur, u jekk id-domiċilju tat-testatur fil-Polonja ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-wirt jew parti minnu;
  • fir-rigward tal-appartenenza f’kooperattiva, sħubija, kumpanija jew assoċjazzjoni – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati biss fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju rreġistrat;
  • fir-rigward ta’ relazzjoni taż-żwieġ – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati biss quddiem il-qorti li l-konjuġi kienu residenti l-aħħar fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha anki jekk wieħed minnhom ikun għadu domiċiljat jew residenti abitwali fi ħdan dik il-ġuriżdizzjoni. Fin-nuqqas ta’ bażi bħal din, il-qorti bil-ġuriżdizzjoni esklużiva tkun il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tal-konvenut, u fin-nuqqas ukoll ta’ dik il-bażi - il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tar-rikorrent;
  • fir-rigward ta’ relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied u bejn l-adottant u l-adottat – ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati biss quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tar-rikorrent, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm raġunijiet biex jiġi ppreżentat rikors skont id-dispożizzjonijiet tal-ġuriżdizzjoni ġenerali.
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Ġuriżdizzjoni speċjali tfisser li l-ġuriżdizzjoni tal-qorti tista’ tiġi definita b’mod differenti f’kawżi speċifikati f’leġiżlazzjoni speċjali:

Id-dritt tal-għażla tal-qorti ngħata lir-rikorrent.

Jekk tkun ġustifikata l-ġuriżdizzjoni ta’ diversi qrati jew jekk ir-rikors jiġi ppreżentat kontra diversi partijiet li għalihom ikunu kompetenti diversi qrati skont il-leġiżlazzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni ġenerali. L-istess japplika jekk il-proprjetà immobbli li l-pożizzjoni tagħha tkun il-bażi sabiex tiġi determinata l-ġuriżdizzjoni tal-qorti tkun f’żoni ta’ ġuriżdizzjoni ta’ diversi qrati.

Id-dritt tal-għażla tal-qorti ngħata liż-żewġ partijiet fuq il-bażi ta’ ftehim jew talba konġunta.

Il-partijiet jistgħu jaqblu bil-miktub li jissottomettu tilwima diġà eżistenti, jew kwalunkwe tilwima li tista’ tinqala’ fil-ġejjieni minn relazzjoni legali speċifikata, lil qorti tal-prim’istanza li ma jkollhiex ġuriżdizzjoni territorjali skont il-liġi. Dik il-qorti mbagħad ikollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor jew sakemm ir-rikorrent ma jkunx ippreżenta dikjarazzjoni tat-talba fi proċedura elettronika b’mandat ta’ pagament. Il-partijiet jistgħu jillimitaw ukoll, permezz ta’ ftehim bil-miktub, id-dritt tar-rikorrent li jagħżel minn fost diversi qrati kompetenti għal tali tilwim.

Il-partijiet ma jistgħux, madankollu, jibdlu l-ġuriżdizzjoni esklużiva.

Il-ftehimiet dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qorti jridu jkunu f’forma bil-miktub. Huma jistgħu jiffurmaw parti minn ftehim tal-liġi sostantiva (klawsola dwar il-ġuriżdizzjoni) jew jikkostitwixxu ftehim separat.

F’kawżi dwar il-liġi tax-xogħol u s-sigurtà soċjali, il-qorti kompetenti tista’, fuq talba konġunta tal-partijiet, tirrinvija l-kawża għas-smigħ lil qorti oħra, ekwivalenti li tittratta materji tal-liġi tax-xogħol u s-sigurtà soċjali, fejn dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ espedjenza.

Il-qorti kompetenti tiġi nnominata mill-qorti superjuri jew mill-Qorti Suprema.

Jekk il-qorti kompetenti ma tkunx tista’ tisma’ l-kawża jew twettaq azzjoni oħra minħabba ostaklu, il-qorti superjuri taħtar qorti oħra. Ir-raġuni għal tali ħatra tista’ tkun biss ostaklu li jimpedixxi l-kawża milli tinstema’, eż. l-esklużjoni ta’ mħallef jew forza maġġuri.

Il-Qorti Suprema hija obbligata taħtar il-qorti li r-rikors għandu jiġi ppreżentat quddiemha jekk il-ġuriżdizzjoni territorjali ma tkunx tista’ tiġi determinata skont il-Kodiċi minħabba ċ-ċirkustanzi tal-kawża (l-Artikolu 45 tal-KPĊ).

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Il-qrati speċjalizzati huma l-qrati amministrattivi (sądy administracyjne) u l-qrati militari (sądy wojskowe).

L-operat tal-qrati militari huwa regolat bl-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Militari (Prawo o ustroju sądów wojskowych) tal-21 ta’ Awwissu 1997. Ġeneralment, dawn il-qrati jeżaminaw kawżi kriminali fil-Forzi Armati Pollakki. Kawżi oħra jistgħu jiġu rinvijati lill-ġuriżdizzjoni tagħhom esklussivament permezz ta’ Att.

L-operat tal-qrati amministrattivi huwa regolat mill-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi (Prawo o ustroju sądów administracyjnych) tal-25 ta’ Lulju 2002. Il-qrati amministrattivi jamministraw il-ġustizzja billi jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll billi jsolvu tilwim dwar il-kompetenza u tilwim dwar il-ġuriżdizzjoni bejn l-awtoritajiet tal-gvern lokali u l-awtoritajiet tal-amministrazzjoni tal-gvern. Ma jistax jiġi eskluż li f’każijiet eċċezzjonali, qorti amministrattiva, bħala parti mid-dmirijiet tagħha fir-rigward tal-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-amministrazzjoni pubblika, tista’ tiddeċiedi f’kawża ċivili.

L-aħħar aġġornament: 08/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.