- 1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?
- 2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?
- 3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?
Il-prinċipju li fuqu hija bbażata l-organizzazzjoni tal-qrati fi Spanja huwa dak tal-unità tal-ġuriżdizzjoni. L-uniċi eċċezzjonijiet huma l-ġuriżdizzjoni militari fi żminijiet ta’ gwerra u ta’ stati ta’ assedju, u l-Qorti Kostituzzjonali (Tribunal Constitucional) bħala l-garanti finali tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet pubbliċi permezz ta’ azzjoni għall-infurzar tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali (recurso de amparo).
Madankollu, il-ġuriżdizzjoni hija maqsuma bejn erba’ tipi ta’ qrati: il-qrati ċivili, il-qrati kriminali, il-qrati għal proċedimenti amministrattivi kontenzjużi u l-qrati soċjali.
Il-bażi tal-qrati ċivili hija l-Qorti tal-Prim’Istanza (Juzgado de Primera Instancia), li tisma’ tilwim ċivili fil-prim’istanza u proċeduri mhux assenjati espliċitament lil qorti oħra. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk tista’ tiġi deskritta bħala l-qorti ordinarja jew normali.
Id-diviżjoni ċivili tinkludi l-Qrati tal-Familja (Juzgados de Familia), li huma Qrati tal-Prim’Istanza. Fejn ikunu disponibbli Qrati tal-Familja (ġeneralment fiċ-ċentri b’popolazzjonijiet akbar), dawn huma responsabbli biex jisimgħu tilwim tal-liġi tal-familja fir-rigward ta’ annullament taż-żwieġ, separazzjoni u divorzju, relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal u l-protezzjoni ta’ persuni b’kapaċità limitata. Meta jitressqu proċeduri kriminali kontra waħda mill-partijiet f’Qorti li tittratta l-Vjolenza Kontra n-Nisa (Juzgado de Violencia sobre la Mujer), dik il-qorti jkollha ġuriżdizzjoni wkoll fuq dawn il-proċeduri ċivili.
Id-diviżjoni ċivili tinkludi wkoll il-Qrati Kummerċjali speċjalizzati (Juzgados de lo Mercantil) u l-Qrati għat-Trademark tal-UE (Juzgados de Marca Comunitaria).
Il-Qrati Soċjali (Juzgados de lo Social) huma responsabbli sabiex jisimgħu kawżi li jittrattaw il-liġi tax-xogħol. Dawn jinkludu tilwim individwali bejn impjegati u impjegaturi dwar kuntratti ta’ impjieg, tilwim dwar negozjar kollettiv, talbiet tas-Sigurtà Soċjali, u talbiet kontra l-Istat fir-rigward tar-responsabbiltajiet tiegħu dwar il-liġi tax-xogħol.
Il-qrati kriminali huma responsabbli biex jisimgħu kawżi kriminali.
Karatteristika tal-liġi Spanjola hija li proċeduri ċivili li jirriżultaw minn reati kriminali jistgħu jiġu magħquda mal-proċeduri kriminali. F’dawn il-kawżi, il-qorti kriminali tiddeċiedi dwar l-ammont tad-danni pagabbli b’rabta mar-reat. Meta azzjoni ċivili ma tiġix ippreżentata mill-parti danneġġjata, din tiġi ppreżentata mill-Prosekutur Pubbliku f’isimha, sakemm il-parti danneġġjata ma tkunx irrinunzjat espressament għad-dritt li tressaq azzjoni fil-kawża kriminali.
Fl-aħħar nett, il-qrati amministrattivi kontenzjużi jissorveljaw il-legalità tal-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi u jisimgħu talbiet finanzjarji kontrihom.
2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?
Ara t-tweġibiet mogħtija hawn taħt.
2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?
Fi Spanja, ma ssir l-ebda distinzjoni bejn id-diversi qrati tal-Prim’Istanza f’termini tal-ammont tat-talbiet jew tal-gravità tal-kawżi li jistgħu jittrattaw, u l-ebda qorti tal-Prim’Istanza ma tisma’ appelli dwar deċiżjonijiet minn qrati oħra tal-Prim’Istanza. L-appelli fi proċeduri ċivili dejjem jinstemgħu fil-Qrati Provinċjali (Audiencias Provinciales).
2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)
Għall-finijiet ta’ qrati, Spanja hija maqsuma ġeografikament f’muniċipalitajiet, f’distretti ġudizzjarji, fi provinċji u f’Komunitajiet Awtonomi. Distrett huwa unità territorjali li tinkludi muniċipalità kontigwa waħda jew aktar fi ħdan l-istess provinċja. Huwa l-aktar diviżjoni territorjali importanti, minħabba li huwa ż-żona li fiha Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġuriżdizzjoni. (Id-dettalji jistgħu jinstabu fis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja:Mappa tad-distretti ġudizzjarji (mjusticia.gob.es)).
Fejn ikun meħtieġ sabiex ilaħħqu mal-volum ta’ kawżi, hemm aktar minn qorti waħda tal-istess tip. Dan issa huwa l-każ fil-biċċa l-kbira tal-ibliet. Il-qrati huma nnumerati b’mod konsekuttiv skont meta ġew stabbiliti.
Fil-prinċipju, dawn il-qrati kollha għandhom l-istess ġuriżdizzjoni, u x-xogħol jitqassam bejniethom skont ir-regoli interni tal-allokazzjoni mill-gvern. Madankollu, f’xi ċirkustanzi, ir-regoli tal-allokazzjoni jistgħu jintużaw sabiex jiġu assenjati tipi differenti ta’ kawżi lil qrati differenti fi ħdan l-istess distrett.
2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ftehim jew regola obbligatorja, ir-regola bażika hija li l-ġuriżdizzjoni hija f’idejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tad-distrett fejn l-intimat ikollu d-domiċilju tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ dan, ir-residenza tiegħu. Jekk l-intimat la jkun domiċiljat u lanqas residenti fi Spanja, il-qorti kompetenti tkun il-Qorti tal-Prim’Istanza għad-distrett fejn l-intimat ikun preżenti jew kien residenti l-aħħar. Meta ma japplika l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji, ir-rikorrent jista’ jippreżenta t-talba lill-Qorti tal-Prim’Istanza għad-distrett tad-domiċilju tiegħu.
Għal dawn l-għanijiet:
- Talbiet kontra sidien ta’ negozji u nies professjonisti ppreżentati b’rabta mal-attivitajiet tan-negozju jew professjonali tagħhom jistgħu jiġu ppreżentati wkoll fi kwalunkwe wieħed mill-postijiet fejn huma jwettqu l-attivitajiet tagħhom, skont l-għażla tar-rikorrent.
- Talbiet kontra entitajiet legali jistgħu jiġu ppreżentati wkoll fil-post fejn tkun seħħet jew se jkollha effett is-sitwazzjoni jew ir-relazzjoni legali li tkun is-suġġett tat-talba, bil-kundizzjoni li l-entità legali jkollha stabbiliment jew rappreżentant hemmhekk.
2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika
2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?
Is-sistema proċedurali Spanjola attwali għandha tendenza li ma tħallix l-għażla tal-ġuriżdizzjoni territorjali lir-rikorrent. Din tiġri biss fil-kawżi li ġejjin:
Azzjonijiet in rem dwar proprjetà immobbli li tinvolvi jew diversi proprjetajiet jew proprjetà waħda li tinsab f’diversi distretti differenti. F’dawn l-azzjonijiet, ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu li jippreżentaw l-azzjoni fi kwalunkwe wieħed mid-distretti b’ġuriżdizzjoni.
- Azzjonijiet sabiex ikunu meħtieġa l-preżentazzjoni u l-approvazzjoni tal-kontijiet minn dawk responsabbli għall-ġestjoni tal-assi ta’ parti oħra, jekk il-post fejn għandhom jiġu ppreżentati l-kontijiet ma jkunx ġie determinat. F’dawn il-kawżi, ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu bejn id-domiċilju tal-intimat u l-post fejn jiġu mmaniġġjati l-assi.
- Azzjonijiet dwar proprjetà intellettwali: ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu bejn il-postijiet li ġejjin: il-post fejn ikun seħħ il-ksur; il-post fejn ikun hemm evidenza prima facie li seħħ il-ksur; jew il-post fejn ikun hemm kopji illegali.
Kawżi dwar kompetizzjoni inġusta fejn l-intimat ma jkollu l-ebda stabbiliment, domiċilju jew residenza fi Spanja. F’dawn il-każijiet, ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu jew il-post fejn tkun seħħet il-kompetizzjoni inġusta jew il-post fejn jinħassu l-effetti tagħha.
Talbiet li jirrigwardaw biss il-kustodja ta’ minorenni jew talbiet għall-manteniment ippreżentati minn ġenitur wieħed kontra l-ieħor f’isem il-minorenni, meta t-tnejn ikunu residenti f’distretti tal-qrati differenti. F’dawn il-każijiet, ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu jew il-qorti tal-post fejn l-intimat ikollu d-domiċilju jew il-qorti tal-post fejn ikun residenti l-wild minuri.
B’mod ġenerali, l-azzjonijiet li jinvolvu l-eżerċizzju tad-drittijiet individwali tal-konsumatur jew tal-utent jistgħu jinstemgħu mill-qorti tad-domiċilju tal-konsumatur, tal-utent jew tal-intimat, skont l-għażla tal-konsumatur jew tal-utent.
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?
Fil-każijiet li ġejjin, hemm regoli obbligatorji li jirrikjedu li r-rikorrent jippreżenta l-azzjoni lil qorti għajr dik tad-domiċilju tal-intimat. F’dawn il-każijiet, il-partijiet ma jistgħux jagħżlu li jissottomettu għall-ġuriżdizzjoni ta’ qorti partikolari, la espressament u lanqas impliċitament:
– Drittijiet in rem jew drittijiet ta’ dħul ta’ kera fir-rigward ta’ proprjetà immobbli u materji relatati ma’ proprjetà orizzontali (propiedad horizontal): il-ġuriżdizzjoni hija tal-qrati tad-distrett fejn tkun tinsab il-proprjetà.
Kwistjonijiet dwar wirt: il-ġuriżdizzjoni tiġi ddeterminata jew skont fejn il-mejjet kien domiċiljat l-aħħar fi Spanja jew skont fejn tkun tinsab il-parti l-kbira tal-patrimonju, skont l-għażla tar-rikorrent.
Kawżi li jinvolvu miżuri ġudizzjarji b’appoġġ għal persuni b’diżabilità: dawn jinstemgħu mill-qorti tal-post fejn tkun qiegħda tgħix il-persuna inkwistjoni.
Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz tal-qrati ċivili: dawn il-kawżi jinstemgħu mill-qorti tad-domiċilju tar-rikorrent jew, meta r-rikorrent ma jkollu l-ebda domiċilju fi Spanja, mill-qorti tal-post fejn ikun seħħ l-att li kiser id-dritt inkwistjoni.
Talbiet għad-danni fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur: il-qorti tal-post fejn seħħ id-dannu jkollha l-ġuriżdizzjoni.
Kontestazzjonijiet għar-riżoluzzjonijiet tal-kumpaniji: il-ġuriżdizzjoni ratione loci tiġi ddeterminata skont il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija.
Azzjonijiet għad-dikjarazzjoni li ċerti termini u kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ma jagħmlux parti minn kuntratt jew li klawżola tkun bla effett: il-qorti tal-post tad-domiċilju tar-rikorrent ikollha l-ġuriżdizzjoni.
Azzjonijiet dikjarattivi għat-terminazzjoni jew għall-irtirar ta’ klawżoli kuntrattwali standard meta l-intimat ma jkollux stabbiliment jew domiċilju fi Spanja: f’dawn il-każijiet, il-qorti tal-post fejn jiġi konkluż il-kuntratt standard ikollha l-ġuriżdizzjoni.
Mandati ta’ inibizzjoni għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi jew komuni tal-konsumaturi jew tal-utenti meta l-intimat ma jkollux stabbiliment jew domiċilju fi Spanja: f’dawn il-każijiet, il-qorti tad-domiċilju tar-rikorrent ikollha l-ġuriżdizzjoni.
- Azzjonijiet li jirrikjedu li kwalunkwe waħda mill-persuni li ġejjin tikkonforma mal-obbligi tagħha: kumpanija tal-assigurazzjoni; xi ħadd li jkun biegħ proprjetà personali lil persuna oħra b’pagamenti parzjali, jew iffinanzja x-xiri ta’ dik il-proprjetà; xi ħadd li jkun għamel offerta pubblika ta’ proprjetà personali jew servizzi li persuna oħra tkun aċċettat. F’dawn il-każijiet, il-qorti tal-post tad-domiċilju tar-rikorrent ikollha l-ġuriżdizzjoni.
Appelli kontra deċiżjonijiet ladarba l-kanali amministrattivi stabbiliti għall-materji tal-proprjetà industrijali mill-Uffiċċju Spanjol tal-Privattivi u t-Trade Marks jkunu ġew eżawriti: il-kompetenza hija tal-unitajiet li jispeċjalizzaw f’materji kummerċjali tal-Qorti Provinċjali li fil-ġuriżdizzjoni tagħha tinsab il-belt tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Komunità Awtonoma (Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma) fejn ir-rikorrent ikun domiċiljat, jew fin-nuqqas ta’ dan, fejn ir-rappreżentant li jkun awtorizzat fi Spanja biex jaġixxi f’ismu jkun domiċiljat, sakemm il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura jkun qabel li jafda esklużivament lill-qrati kummerċjali ta’ dik il-lokalità b’għarfien dwar kawżi dwar il-proprjetà industrijali. L-unitajiet speċjalizzati fi ħdan il-Qorti Provinċjali distrettwali tal-Uffiċċju Spanjol tal-Privattivi u tat-Trade Marks jistgħu wkoll ikollhom ġuriżdizzjoni, skont l-għażla tar-rikorrent.
Azzjonijiet minn terzi għall-kontestazzjoni tal-qbid tal-proprjetà: il-qorti tal-post tad-domiċilju tal-entità li ordnat il-qbid ikollha l-ġuriżdizzjoni.
Azzjonijiet għal separazzjoni, annullament jew divorzju: il-ġuriżdizzjoni hija tal-Qorti tal-Familja – jew meta ma jkunx hemm Qorti tal-Familja, il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-post tad-dar matrimonjali. Fejn ma jkunx hemm dar matrimonjali, il-ġuriżdizzjoni tkun f’idejn il-qorti tal-post jew tal-aħħar dar matrimonjali jew tar-residenza tal-konjuġi l-ieħor/l-oħra. Fejn ma tkun teżisti l-ebda waħda minn dawn, il-qorti tal-post fejn l-individwu jkollu d-domiċilju jkollha l-ġuriżdizzjoni. Fejn azzjoni ssir bi qbil reċiproku, il-ġuriżdizzjoni tkun f’idejn il-qorti tal-post tal-aħħar dar kondiviża jew tad-domiċilju ta’ wieħed mill-konjuġi.
Talbiet li jirrigwardaw biss il-kustodja ta’ minorenni jew talbiet għall-manteniment ippreżentati minn ġenitur wieħed kontra l-ieħor f’isem il-minorenni: f’dawn il-każijiet, il-ġuriżdizzjoni tkun tal-qorti tal-post tal-aħħar dar kondiviża tal-ġenituri. Fejn il-ġenituri jkunu jgħixu f’distretti ġudizzjarji differenti, ir-rikorrent jista’ jagħżel bejn il-qorti tal-post fejn l-intimat ikollu d-domiċilju jew il-qorti tal-post fejn ikun residenti l-wild minuri.
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?
Bħala regola ġenerali, il-ġuriżdizzjoni territorjali tista’ tinbidel fi Spanja, li jfisser li l-partijiet f’tilwima jistgħu jissottomettu, espliċitament jew taċitament, għall-qrati ta’ distrett partikolari, bil-kundizzjoni li l-qrati inkwistjoni jkollhom ġuriżdizzjoni fuq il-materja.
Sottomissjoni espliċita sseħħ meta l-partijiet interessati jikkonkludu ftehim espliċitu fejn jgħidu għall-qrati ta’ liema distrett se jissottomettu.
Sottomissjoni taċita sseħħ fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:
Fil-każ tar-rikorrent, bis-sempliċi fatt li jmur quddiem il-qrati ta’ distrett partikolari u jippreżenta talba jew jagħmel azzjoni jew talba li trid tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tisma’ t-talba.
Fil-każ tal-intimat, meta huwa jkun deher u sussegwentement iwettaq kwalunkwe pass proċedurali għajr jippreżenta rikors fiż-żmien u l-forma dovuti sabiex jikkontesta l-ġuriżdizzjoni tal-qorti.
Kwalunkwe tibdil fid-domiċilji tal-partijiet, fil-post tal-oġġett fit-tilwima jew fl-għan tal-proċeduri, li jseħħ wara li jkunu bdew il-proċeduri, ma jwassalx għal bidla fil-ġuriżdizzjoni, li tiġi determinata skont is-sitwazzjoni kif ikkonfermata fil-bidu tal-proċeduri (Perpetuatio Iurisdictionis).
Madanakollu:
Mhix permessa sottomissjoni espliċita f’kuntratti ta’ forma standard, kuntratti fejn it-termini u l-kundizzjonijiet ikunu ġew imposti minn waħda mill-partijiet, jew kuntratti konklużi minn konsumaturi/utenti. Madankollu, f’dawn il-każijiet hija possibbli sottomissjoni taċita.
Ma hija possibbli l-ebda forma ta’ sottomissjoni meta l-liġi tistabbilixxi regoli obbligatorji dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali.
Ma hija possibbli l-ebda forma ta’ sottomissjoni fi proċeduri rapidi, proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas jew proċeduri ta’ infurzar tad-dejn.
3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?
Il-qrati speċjalizzati fi Spanja jinkludu l-qrati elenkati hawn taħt.
Il-Qrati tal-Familja, li huma Qrati tal-Prim’Istanza. Fejn ikun hemm disponibbli Qrati tal-Familja (ġeneralment fiċ-ċentri b’popolazzjonijiet akbar), dawn ikollhom il-ġuriżdizzjoni esklużiva fuq materji tal-familja. Dawn jisimgħu b’mod speċifiku kawżi ta’ separazzjoni, annullament u divorzju; kawżi li jirrigwardaw l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-filjazzjoni, it-tutela u l-kustodja tal-ulied minuri, u miżuri ġudizzjarji b’appoġġ għal persuni b’diżabilità.
Il-kawżi kollha għar-restituzzjoni jew ir-ritorn ta’ tfal f’każijiet ta’ ħtif internazzjonali jinstemgħu mill-Qorti tal-Prim’Istanza b’ġuriżdizzjoni f’materji tal-liġi tal-familja tal-belt kapitali provinċjali, jew ta’ Ceuta jew Melilla, skont fejn ikun jinsab il-wild minuri li jkun tneħħa jew inżamm inġustament jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-qorti li lilha tiġi assenjata l-kawża.
Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali huma l-istess bħar-regoli li japplikaw għall-Qrati tal-Prim’Istanza li jisimgħu materji tal-liġi tal-familja fin-nuqqas ta’ Qorti tal-Familja speċjalizzata fid-distrett inkwistjoni.
Il-qrati li jittrattaw il-Vjolenza Kontra n-Nisa huma responsabbli għall-materji tal-familja meta jinfetħu proċedimenti kriminali li jirrigwardaw il-vjolenza kontra n-nisa.
Il-Qrati Soċjali jisimgħu talbiet li jirrigwardaw il-liġi tax-xogħol. Dawn jinkludu tilwim individwali bejn impjegati u impjegaturi dwar kuntratti ta’ impjieg, tilwim dwar negozjar kollettiv, talbiet tas-Sigurtà Soċjali u talbiet kontra l-Istat fir-rigward tar-responsabbiltajiet tiegħu dwar il-liġi tax-xogħol.
Ir-regola ġenerali hija li l-ġuriżdizzjoni territorjali hija f’idejn il-qorti fil-post fejn il-ħaddiem jipprovdu s-servizzi tiegħu jew fejn l-intimat ikollu d-domiċilju, skont l-għażla tar-rikorrent.
Il-Qrati Kummerċjali joperaw f’livell provinċjali u jittrattaw litigazzjoni kummerċjali.
Dawn il-qrati jisimgħu l-materji kollha tad-dritt ċivili relatati mal-proprjetà intellettwali u industrijali; il-kompetizzjoni u r-reklamar inġusti; il-kumpaniji kummerċjali, il-kooperattivi, il-gruppi ta’ interess ekonomiku; it-trasport nazzjonali jew internazzjonali fuq l-art; il-liġi marittima u l-liġi tal-ajru. Bħala eċċezzjoni, dawn m’għandhomx ġuriżdizzjoni biex jisimgħu materji relatati ma’ danni li jirriżultaw mill-qerda, it-telf jew il-ħsara ta’ bagalji rreġistrati, mal-kumpens u l-assistenza lill-passiġġieri tal-ajru f’każ ta’ rifjut tal-imbark jew ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, jew mad-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, tax-xarabank jew tal-bastimenti b’rabta mar-regoli speċifiċi stabbiliti fil-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura.
Il-Qrati Kummerċjali għandhom ukoll ġuriżdizzjoni għal talbiet li jinvolvu l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi 15/2007 tat-3 ta’ Lulju 2007 dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, kif ukoll talbiet għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni.
Dawn jisimgħu wkoll appelli diretti kontra l-klassifikazzjonijiet negattivi mir-reġistraturi tal-kumpaniji jew, fejn applikabbli, kontra deċiżjonijiet espressi jew preżunti tad-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċertezza Legali u l-Attestazzjoni (Dirección General de Seguridad Jurídica y de Fe Pública) dwar dawn il-klassifikazzjonijiet.
Dawn il-qrati jisimgħu l-materji kollha relatati mal-proċedimenti ta’ insolvenza taħt id-dritt ċivili, irrispettivament mill-istatus ċivili jew kummerċjali tad-debitur, u dawk relatati mal-pjanijiet ta’ ristrutturar u l-proċedura speċjali għall-mikrointrapriżi, kif stabbilit fit-test konsolidat tal-Liġi dwar l-Insolvenza, approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020 tal-5 ta’ Mejju 2020.
Dawn għandhom responsabbiltà unika u esklużiva biex jisimgħu kawżi dwar:
- Talbiet finanzjarji ċivili kontra l-persuna insolventi, ħlief talbiet fi proċedimenti ċivili dwar kapaċità, filjazzjoni, żwieġ u minorenni.
- Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni relatati ma’ talbiet ta’ insolvenza jew talbiet kontra l-patrimonju fuq l-assi u d-drittijiet tal-parti insolventi jew li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza, irrispettivament mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva li tkun ordnatha, u mingħajr eċċezzjonijiet għajr dawk previsti fil-liġi dwar l-insolvenza.
- Id-determinazzjoni ta’ jekk assi jew dritt huwiex meħtieġ biex tissokta l-attività professjonali jew kummerċjali tad-debitur.
- Dikjarazzjonijiet tat-trasferiment ta’ impriża għal skopijiet ta’ impjieg u sigurtà soċjali f’każijiet ta’ trasferiment ta’ unità jew unitajiet ta’ produzzjoni u d-determinazzjoni tal-limiti ta’ dik id-dikjarazzjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar ix-xogħol u s-sigurtà soċjali.
- Miżuri kawtelatorji li jaffettwaw jew li x’aktarx jaffettwaw l-assi u d-drittijiet tal-parti insolventi jew li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza, irrispettivament mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva li tkun ordnatha, għajr dawk adottati fi proċedimenti ċivili dwar kapaċità, filjazzjoni, żwieġ u minorenni.
- Materji oħrajn stabbiliti fil-liġi dwar l-insolvenza.
Meta d-debitur ikun persuna fiżika, l-imħallef tal-insolvenza jkollu wkoll ġuriżdizzjoni esklużiva u ta’ esklużjoni fil-materji li ġejjin:
- Miżuri adottati fi proċedimenti ta’ insolvenza relatati mal-għajnuna legali.
- Ix-xoljiment u l-likwidazzjoni tal-kumpanija jew tal-proprjetà matrimonjali tal-parti insolventi.
Meta d-debitur ikun persuna ġuridika, l-imħallef tal-insolvenza jkollu wkoll ġuriżdizzjoni esklużiva u ta’ esklużjoni fil-materji li ġejjin:
- Azzjonijiet għall-irkupru ta’ djun tal-kumpaniji li jitressqu kontra l-azzjonisti tal-intrapriża insolventi li jkollhom responsabbiltà sussidjarja għall-ħlas ta’ dawk id-djun, irrispettivament mid-data li fiha jkunu saru, u azzjonijiet li jirrikjedu li l-azzjonisti tal-kumpanija insolventi jħallsu l-kontribuzzjonijiet differiti jew jipprovdu benefiċċji anċillari.
- Talbiet għad-danni kontra diretturi jew likwidaturi, fil-liġi jew fil-fatt, kontra persuna fiżika maħtura b’mod permanenti biex twettaq il-funzjonijiet ta’ direttur korporattiv bħala persuna ġuridika (administrador persona jurídica), u kontra persuni, irrispettivament mit-titolu tagħhom, li jkunu vestiti bl-ogħla setgħat ta’ ġestjoni tal-kumpanija meta ma jkun hemm ebda delega permanenti tas-setgħat mill-bord tad-diretturi lis-CEO jew lis-CEOs jew lil bord eżekuttiv, għad-dannu kkawżat lil persuna ġuridika insolventi, qabel jew wara d-deċiżjoni tal-qorti li tiddikjara lil dik il-persuna ġuridika insolventi.
- Talbiet għad-danni kkawżati mill-awdituri lill-persuna ġuridika insolventi, qabel jew wara d-deċiżjoni tal-qorti li tiddikjara lil dik il-persuna ġuridika insolventi.
- L-imħallef tal-insolvenza jkollu wkoll ġuriżdizzjoni esklużiva u esklużjonarja fuq azzjonijiet korporattivi mmirati biex ibiddlu sostanzjalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-trasferimenti, it-tkeċċijiet, is-sospensjoni ta’ kuntratti u tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi jew ta’ produzzjoni, li jkunu ta’ natura kollettiva taħt il-liġi tax-xogħol u kif stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-insolvenza, kif ukoll dawk li jikkonċernaw is-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta’ kuntratti tal-maniġment superjuri.
- Is-sospensjoni ta’ kuntratti u t-tnaqqis tas-sigħat tax-xogħol huma meqjusa kollettivi meta jaffettwaw in-numru ta’ ħaddiema stabbilit fil-liġi tax-xogħol dwar bidliet sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
- L-imħallef tal-insolvenza għandu wkoll ġuriżdizzjoni fuq id-deċiżjonijiet preliminari kollha li jikkonċernaw materji ċivili, soġġett biss għall-eżenzjonijiet limitati li jinsabu fil-liġi dwar l-insolvenza, kif ukoll deċiżjonijiet preliminari li jikkonċernaw materji amministrattivi u soċjali relatati direttament mal-proċedura tal-insolvenza jew li jeħtieġu li jiġu solvuti biex ikun żgurat li l-proċedimenti ta’ insolvenza jitmexxew kif suppost. Id-deċiżjonijiet dwar dawn il-materji jsiru effettivi biss fil-proċedimenti ta’ falliment li fihom jiġu mħabbra.
Il-Qrati Kummerċjali f’Alicante joperaw bħala l-Qrati tat-Trademark tal-UE meta jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni esklużiva tagħhom sabiex jisimgħu fil-prim’istanza kwalunkwe litigazzjoni li titressaq quddiemhom skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji.
Fl-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni tagħhom fuq dawn il-materji, il-Qrati tat-Trademark għandhom ġuriżdizzjoni fit-territorju nazzjonali kollu.
Minbarra dawn il-qrati speċjalizzati, bil-liġi l-Kunsill Ġenerali għall-Ġudikatura (Consejo General del Poder Judicial) jista’ jiddeċiedi li, fejn ikun hemm diversi qrati tal-istess tip, waħda jew aktar minnhom għandu jkollha ġuriżdizzjoni esklużiva biex tisma’ ċerti kategoriji ta’ kawżi jew biex tissorvelja l-infurzar fil-qasam tal-liġi kkonċernat.
Din is-setgħa diġà ġiet eżerċitata f’diversi postijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-inkapaċità u l-istituzzjonalizzazzjoni furzata minħabba mard mentali, fejn il-ġuriżdizzjoni ġeneralment ġiet assenjata lill-Qrati tal-Familja.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.