- 1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?
- 2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?
- 3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?
It-tilwim fil-liġi ċivili normalment jinstema' minn qorti ġenerali. Il-każ irid jitressaq quddiem qorti distrettwali ("tingsrätt") li għandha ġuriżdizzjoni.
Hemm żewġ qrati speċjali li jisimgħu ċerti tipi ta' kawżi ċivili, b'mod partikolari l-Qorti Industrijali ("Arbetsdomstolen") u l-Qorti Kummerċjali ("Marknadsdomstolen"). Hemm ukoll ċerti qrati distrettwali li jistgħu jisimgħu każijiet speċifiċi. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni ta' dawn il-qrati taħt il-mistoqsija Nru 3 hawn taħt.
Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-qrati ġenerali hawnhekk, u dwar il-qrati speċjali hawnhekk.
Ċertu tilwim skont il-liġi ċivili jinstema' minn korpi li mhumiex strettament qrati. Bi proċedura simplifikata fil-kuntest ta' proċedimenti sommarji, l-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni jistgħu jitolbu lil parti biex tħallas jew biex tieħu passi oħra. Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet jistgħu jiġu kontestati quddiem qorti distrettwali. Ċerti tipi ta' tilwim li jinvolvu kera jew kirjiet jinstemgħu mit-Tribunal dwar il-Kera ("hyresnämnder") jew it-Tribunali dwar il-Kirjiet ("arrendenämnder").
2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?
2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?
Fil-biċċa l-kbira l-kawżi ċivili kollha l-ewwel jitressqu quddiem il-qorti inferjuri, il-qorti distrettwali ("tingsrätt").
2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)
2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali
Bħala regola ġenerali, każ irid jitressaq fejn huwa residenti l-konvenut. Persuna fiżika tiġi kkunsidrata residenti fil-post fejn hija reġistrata fir-reġistru tal-popolazzjoni. L-Aġenzija Svediża dwar it-Taxxa ("Skatteverket") tista' tipprovdi informazzjoni dwar fejn hi reġistrata persuna fir-reġistru tal-popolazzjoni (Tel: +46 (0)8 56 48 51 60). Il-persuni ġuridiċi normalment jitqiesu residenti fil-post fejn għandhom l-uffiċċju reġistrat.
Każ jista' jitressaq quddiem il-qorti Svediża wkoll anke jekk hija ma tgħix l-Isveżja. Jekk il-konvenut mhux residenti l-każ jista' jitressaq fil-post fejn qed joqgħod, jew, f'xi każijiet, fil-post fejn qagħad jew għex l-aħħar. F'ċerti kawżi ċivili każ jista' jitressaq fl-Isvezja anki jekk il-konvenut jgħix barra l-pajjiż. Jekk għandu proprjetà l-Isvezja jew daħal fi ftehim mal-Isvezja, dan ikun ta' importanza kruċjali għall-bażijiet ta' ġuriżdizzjoni.
F'każijiet internazzjonali huwa importanti li jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet Svediżi dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati jistgħu japplikaw biss fejn ikollha ġuriżdizzjoni l-Isvezja. F'bosta każijiet l-Isvezja jkollha ġuriżdizzjoni jekk qorti Svediża jkollha ġuriżdizzjoni skont id-dispożizzjonijet nazzjonali dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati. F'dan il-kuntest jridu jiġu kkunsidrati wkoll il-ftehimiet internazzjonali li jistgħu japplikaw. L-aktar ftehimiet importanti għall-Isvezja huma r-Regolament Brussell I, il-Konvezjonijiet ta' Brussel u ta' Lugano, li kollha kemm huma jirregolaw il-ġuriżdizzjoni tal-qrati jekk il-konvenut huwa residenti fi Stat kopert mir-Regolament jew il-Konvenzjonijiet. B'mod partikolari, huma jindikaw li l-bażijiet għall-ġuriżdizzjoni fejn tista' tistressaq kawża għall-ħlas ta' responsabbiltà fejn għandu proprjetà l-konvenut ma jistgħux jiġu applikati lil persuna li hija residenti fi Stat Membru jew fi Stat firmatarju tal-Konvenzjoni.
2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika
2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?
Hemm numru ta' regoli dwar il-ġuriżdizzjoni fejn każ jista' jitressaq quddiem qorti li ma tkunx il-qorti tal-post fejn jgħix il-konvenut. Hemm ukoll regoli dwar il-ġuriżdizzjoni li tikkompeti f'diversi ftehimiet internazzjonali, pereżempju r-Regolament Brussell I u l-Konvezjonijiet ta' Brussel u ta' Lugano.
Dawn huma l-aktar regoli Svediżi importanti dwar il-ġuriżdizzjoni li tikkompeti:
- Kull min sofra ħsara jista' jiftaħ kawża fil-post fejn seħħ l-avveniment dannuż jew fejn saret il-ħsara. Fil-prinċipju, din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-każ ta' ksur ta' kuntratt. Kawża għad-danni minħabba att kriminali tista' titressaq b'rabta mal-prosekuzzjoni tar-reat.
- Il-konsumaturi jistgħu jiftħu kawża kontra negozjant quddiem il-qorti ta' residenza tagħhom f'kawżi tal-konsumatur li jinvolvu ammonti żgħar.
- Il-każijiet li jinvolvu ħlas ta' responsabbiltà b'kuntratt f'xi każijiet jistgħu jitressqu fil-post fejn sar il-kuntratt. Min-naħa l-oħra, mhemmx dispożizzjonijiet fil-liġi Svediża li jagħtu ġuriżdizzjoni lill-qorti tal-post fejn irid jitwettaq il-kuntratt.
- Kawża kontra negozjant li tinvolvi tilwima li seħħet b'rabta ma' attività ta' negozju tista' f'xi każijiet tinfetaħ fil-post ta' negozju.
- Kawżi dwar il-kustodja tat-tfal, fejn se jgħixu u d-drittijiet ta' aċċess normalment jinstemgħu fil-post fejn huwa residenti l-minuri (ara wkoll it-Taqsima dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenitur - l-Isvezja).
- Il-kawżi li jinvolvu l-manteniment tat-tfal normalment jitressqu quddiem il-qorti fejn huwa residenti l-konvenut, iżda l-kawżi dwar il-paternità, dwar iż-żwieġ u l-kawżi li jinvolvu r-responsabbiltà tal-ġenituri (il-kustodja tat-tfal u fejn se jgħixu) jistgħu jinstemgħu wkoll minn qorti oħra.
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?
Il-liġi Svediża fiha numru ta' regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklussiva fejn il-każ irid jitressaq bilfors quddiem qorti partikolari. Hemm ukoll regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklussiva f'diversi ftehimiet internazzjonali, pereżempju r-Regolament Brussell I u l-Konvenzjonijiet ta' Brussell u ta' Lugano. Jekk il-każ li jkun kopert minn xi waħda minn dawn ir-regoli jitressaq quddiem qorti oħra għajr dik bil-ġuriżdizzjoni esklussiva, dik il-qorti ma titħallhiex tisma' l-kawża.
Dawn huma l-aktar regoli Svediżi importanti dwar il-ġuriżdizzjoni esklussiva:
- Bosta mit-tilwim dwar il-proprjetà jrid jinstema' mill-qorti fil-post fejn tinsab il-proprjetà.
- Ċertu tilwim li jinvolvi l-proprjetà jrid jinstema minn qorti speċjalizzata fil-proprjetà ("fastighetsdomstol") jew minn tribunal dwar il-kera jew kirjiet ("hyresnämnd’ jew "arrendenämnd"). Għal darb'oħra, dan jiddependi minn fejn qiegħda l-proprjetà.
- Il-kawżi li jinvolvu l-liġi tas-suċċessjoni jridu jinstemgħu mill-qorti tal-post fejn kien jgħix id-decujus.
- It-tilwim li jikkonċerna ż-żwieġ u d-diviżjoni tal-proprjetà bejn il-miżżewwġin irid jinstema' mill-qorti tal-post fejn tgħix waħda mill-partijiet.
- Fejn it-tilwim irid jinstema' mill-Qorti Industrijali ("Arbetsdomstolen") jew mill-Qorti Kummerċjali Market Court ("Marknadsdomstolen"), il-każ ma jistax jitressaq quddiem il-qorti ġenerali fil-post ta' residenza tal-konvenut.
- Għall-maġġoranza tat-tilwim dwar il-liġi ambjentali, il-liġi marittima u l-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, hemm regoli speċjali li jagħtu ġuriżdizzjoni lil qorti waħda biss.
- Il-Qorti tal-Appell ("Svea hovrätt") għandha ġuriżdizzjoni esklussiva biex tisma' ċerti talbiet dwar l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet minn qrati barranin.
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?
Il-partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim fejn it-tilwima tista' jew trid tinstema' minn qorti partikolari. Dan huwa magħruf bħala ftehim ta' estensjoni tal-ġuriżdizzjoni, u jrid isir bil-miktub. Il-ftehim ifisser li qorti waħda għandha ġuriżdizzjoni esklussiva. Il-partijiet jistgħu jiftehmu wkoll li jkollha ġuriżdizzjoni qorti oħra għajr dik prevista mir-regoli normali. Il-partijiet jistgħu jassenjaw il-ġuriżdizzjoni lil aktar minn qorti waħda.
Fil-prinċipju, il-qorti magħżula mill-partijiet biex ikollha ġuriżdizzjoni trid taċċetta l-każ miġjub quddiemha. Madankollu, dan ma japplikax jekk il-ftehim jikser xi regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklussiva. Jekk waħda mill-partijiet tasserixxi li l-ftehim dwar l-estensjoni tal-ġuriżdizzjoni mhux validu, il-qorti trid teżamina wkoll dan il-punt, bir-riżultat li jista' ma jkollix ġuriżdizzjoni.
Qorti li kieku ma jkollix ġuriżdizzjoni jista' jkollha ġuriżdizzjoni jekk il-konvenut ma jsostnix li l-każ qed jinstema' mill-qorti l-ħażina (dan huwa magħruf bħala "l-estensjoni taċita"). Dan mhuwiex il-każ, madankollu, jekk japplikaw ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklussiva; il-qorti trid tikkunsidra din il-kwistjoni ex officio. Madankollu, il-qorti ma' tistax teżamina awtomatikament il-kwistjoni dwar jekk il-każ qed jiġi miġjub bi ksur tar-regola prinċipali, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni li tikkompeti jew ftehim ta' estensjoni tal-ġuriżdizzjoni. Kull dikjarazzjoni li l-qorti ma għandhiex ġuriżdizzjoni trid issir dakinhar li l-partijiet jagħmlu dikjarazzjonijiet waqt il-każ. Madankollu, jekk il-konvenut ma jagħmel l-ebda dikjarazzjoni u l-qorti trid tagħti sentenza f'kontumaċja, il-qorti trid teżamina l-kwistjoni dwar jekk għandhiex ġuriżdizzjoni.
3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?
Hemm żewġ qrati speċjali li jittrattaw tilwim ċivili; dawn huma l-Qorti Industrijali ("Arbetsdomstolen") u l-Qorti Kummerċjali ("Marknadsdomstolen"). Il-Qorti Industrijali tisma' tilwim dwar ir-relazzjonijiet industrijali, jiġifieri tilwim dwar ir-relazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegat. Il-Qorti Kummerċjali tisma' kawżi dwar il-kompetizzjoni u l-liġi tal-bejgħ.
Ċerti qrati distrettwali ("tingsrätter") jisimgħu b'tipi partikolari ta' kawżi ċivili. Ħamsa mill-qrati distrettwali Svediżi huma wkoll qrati li jittrattaw kwistjonijiet dwar l-art u l-ambjent ("mark- och miljödomstolar"). Dawn il-qrati jisimgħu każijiet koperti mill-Kodiċi dwar l-Ambjent ("miljöbalken") u kawżi li jinvolvu l-esproprjazzjoni u d-diviżjoni tal-art f'porzjonijiet. Il-kawżi marittimi jinstemgħu minn seba' qrati distrettwali li huma qrati speċjalizzati fil-liġi marittima ("sjörättsdomstolar"). Hemm regoli speċjali għal tilwim taħt il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, speċjalment dawk dwar il-privattivi li jagħtu ġuriżdizzjoni esklussiva lill-qorti distrettwali ta' Stokkolma ("Stockholms tingsrätt").
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.