Sfond
It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri fl-UE għamlitha ferm aktar faċli għaċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw liberament, iżda għamlitha wkoll aktar faċli biex il-kriminali joperaw b’mod transfruntiera.
Għalhekk huwa essenzjali li l-pajjiżi tal-UE jikkooperaw b'mod effikaċi għall-ġbir tal-provi f’materji kriminali.
Kumpilazzjoni ta’ xhieda f’każ kriminali
L-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea
L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja f'pajjiż wieħed tal-UE biex jitwettqulu miżuri investigatorji biex jinġabru provi f'materji kriminali f'pajjiż ieħor tal-UE.
Id-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali ġiet adottata fit-3 ta’ April 2014, filwaqt li l-pajjiżi tal-UE kellhom jittrasponu d-Direttiva fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom sat-22 ta’ Mejju 2017. Id-Danimarka u l-Irlanda mhumiex marbuta b’dan l-istrument.
L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea hija bbażata fuq rikonoxximent reċiproku, li jfisser li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tirrikonoxxi u tiżgura l-eżekuzzjoni tat-talba ta’ pajjiż ieħor. L-eżekuzzjoni trid issir bl-istess mod u bl-istess modalitajiet bħal jekk il-miżura investigattiva kkonċernata tkun ġiet ordnata minn awtorità tal-pajjiż tal-eżekuzzjoni. Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tista’ tinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li diġà jeżistu.
Id-Direttiva toħloq qafas komprensiv uniku għall-ksib tal-provi. Il-miżuri investigattivi jinkludu, pereżempju, is-smigħ tax-xhieda, l-interċettazzjonijiet telefoniċi, investigazzjonijiet sigrieti u informazzjoni dwar operazzjonijiet bankarji.
L-awtoritajiet emittenti jistgħu jużaw biss Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea jekk il-miżura investigattiva tkun:
- neċessarja,
- proporzjonata, u
- permessa f'każijiet domestiċi simili.
Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tinħareġ bl-użu ta’ formola standard u tradotta fil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż tal-UE tal-eżekuzzjoni jew fi kwalunkwe lingwa oħra indikata mill-pajjiż tal-UE tal-eżekuzzjoni.
Skont id-Direttiva l-ġdida, il-miżuri investigattivi jridu jitwettqu mill-pajjiż tal-UE tal-eżekuzzjoni bl-istess ħeffa u prijorità ta’ każijiet domestiċi simili.
Id-Direttiva tistabbilixxi l-iskadenzi (massimu ta' 30 jum biex ikunu deċiżi ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tat-talba u 90 jum għall-eżekuzzjoni effettiva tat-talba minn meta tittieħed dik id-deċiżjoni).
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiċħdu t-talba għal ċerti raġunijiet. Ir-raġunijiet ġenerali għal ċħid li ġejjin japplikaw għall-miżuri kollha:
- immunità jew privileġġ jew regoli li jillimitaw ir-responsabilità penali relatata mal-libertà tal-istampa
- ħsara għall-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali
- proċedura mhux kriminali
- il-prinċipju ne bis in idem
- ekstraterritorjalità flimkien ma' kriminalità doppja
- inkompatibilità mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali.
Hemm raġunijiet oħrajn għal ċħid għal ċerti miżuri:
- nuqqas ta' kriminalità doppja (ħlief għal lista ta' reati serji)
- impossibbiltà ta' eżekuzzjoni tal-miżura (miżura investigattiva li ma teżistix jew li mhix disponibbli f'każijiet domestiċi simili, u ma hemm l-ebda alternattiva għaliha).
Evidenza elettronika
Il-kisba ta’ evidenza elettronika, bħal informazzjoni dwar id-detentur ta’ kont tal-posta elettronika jew il-ħin u l-kontenut tal-messaġġi skambjati fuq Facebook messenger, għal investigazzjonijiet kriminali spiss ikollha implikazzjonijiet transfruntiera, peress li d-data tista’ tkun maħżuna, jew il-fornitur tas-servizz ikun jinsab f’pajjiż ieħor tal-UE jew xi mkien ieħor fid-dinja.
F’dan il-kuntest, l-għodod tradizzjonali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja huma kkunsidrati bħala mhux veloċi biżżejjed. Fl-17 ta’ April 2018, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda fil-forma ta’ Regolament u Direttiva biex isir aktar faċli u veloċi li l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi jiksbu l-evidenza elettronika li jkunu jeħtieġu biex jinvestigaw u eventwalment jipproċedu kontra l-kriminali u t-terroristi.
Assistenza Legali Reċiproka
Il-qafas legali għal tali assistenza huwa stabbilit mill-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Mejju 2000 u l-Protokoll tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2001.
L-għan primarju tal-Konvenzjoni huwa li ttejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja billi tiżviluppa u timmodernizza d-dispożizzjonijiet eżistenti li jirregolaw l-assistenza reċiproka. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni tissupplimenta d-dispożizzjonijiet u tiffaċilita l-applikazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE:
- tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali tal-Kunsill tal-Ewropa tal-20 ta' April 1959 u l-protokolli addizzjonali tagħha, tas-17 ta’ Marzu 1978;
- id-dispożizzjonijiet dwar assistenza reċiproka f’materji kriminali tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.
Skont il-Konvenzjoni, l-awtorità rikjedenti tista' tikkuntattja lill-awtorità emittenti direttament.
Sakemm l-awtorità ta' eżekuzzjoni jkollha raġunijiet biex tirrifjuta t-talba, it-talba għandha tiġi eżegwita malajr kemm jista' jkun – u sad-data ta’ skadenza mogħtija mill-awtorità rikjedenti, jekk ikun possibbli.
Sat-22 ta’ Mejju 2017, il-Konvenzjoni kienet l-għodda ewlenija għall-kisba tal-evidenza fi ħdan l-UE. Minn dakinhar, id-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea ssostitwiet id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni u l-Protokoll għal dawk il-pajjiżi tal-UE marbuta bid-Direttiva. Il-Konvenzjoni u l-Protokoll għadhom ta’ rilevanza partikolari għal dawn il-pajjiżi sal-punt fejn ċerti dispożizzjonijiet (bħal dawk dwar skwadri ta’ investigazzjoni konġunta) ma ġewx sostitwiti mid-Direttiva, kif ukoll għall-pajjiżi tal-UE li mhumiex marbutin bid-Direttiva. Hawnhekk tista’ tikkonsulta d-dettalji tar-ratifika għall-Konvenzjoni, u hawnhekk dawk għall-Protokoll.
Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta
Skwadra ta’ investigazzjoni konġunta (SIK) hija skwadra magħmula minn imħallfin, prosekuturi u awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ diversi Stati, stabbiliti għal perjodu ta’ żmien limitat u b’għan speċifiku permezz ta’ ftehim bil-miktub, biex iwettqu investigazzjonijiet kriminali f’wieħed jew aktar mill-Istati involuti. Il-qafas legali tal-UE jipprevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti SIK bejn l-Istati Membri fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti.
Aktar informazzjoni
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.