Is-sistema hija bbażata fuq Tliet (3) “deċiżjonijiet qafas”:
Id-deċiżjoni dwar it-trasferiment ta’ priġunieri lejn il-pajjiż ta’ appartenenza tagħhom
Id-Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar sentenzi ta' kustodja tippermetti li l-priġunieri jkunu jistgħu jiġu ttrasferiti lura lejn il-pajjiż fejn jgħixu normalment. Dan minħabba li jkun hemm ċans aħjar li l-priġunieri jiġu riabilitati fil-pajjiż ta’ appartenenza tagħhom.
Id-Deċiżjoni ttejjeb il-komunikazzjoni bejn il-pajjiżi u tippermetti li jsiru trasferimenti f’termini ta’ skadenza speċifiċi.
Minn meta din ġiet applikata?
Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporaw din id-deċiżjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-5 ta’ Diċembru 2011. Informazzjoni dwar il-progress tal-implimentazzjoni tista’ tinsab hawnhekk.
X’għandu jinbidel?
Għall-UE, id-Deċiżjoni tissostitwixxi l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-trasferiment ta' persuni kkundannati (1983) u l-Protokoll Addizzjonali (1997) tagħha, għalkemm dawn il-Konvenzjonijiet se jkomplu japplikaw għal pajjiżi mhux tal-UE.
Id-deċiżjoni dwar il-probation fil-pajjiż ta’ appartenenza tal-awtur ta' ksur
Id-Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar il-miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi tagħmilha possibbli għal persuna li tintbagħat lura lejn il-pajjiż fejn normalment tgħix jekk hija tkun:
- ġiet ikkundannata u rrilaxxata fuq probation, jew
- ingħatat piena alternattiva
f’pajjiż tal-UE fejn ma tgħixx normalment.
Dan il-pajjiż imbagħad jissorveljaha b’mod li sservi s-sentenza tagħha, billi n-nies jiġu riabilitati iktar faċilment f’pajjiżhom.
Minn meta din ġiet applikata?
Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporaw din id-deċiżjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom sas-6 ta’ Diċembru 2011. Informazzjoni dwar il-progress tal-implimentazzjoni tista’ tinsab hawnhekk.
X’għandu jinbidel?
Id-deċiżjoni tissostitwixxi l-partijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tal-1964 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-trażgressuri kkundannati jew liberati kondizzjonalment, għalkemm din il-Konvenzjoni tkompli tapplika għal pajjiżi mhux tal-UE.
Deċiżjoni dwar alternattivi għall-arrest preventiv
Id-Deċiżjoni Qafas tal-2009 tapplika l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ sorveljanza bħala alternattiva għall-arrest preventiv.
Għas-suspettati lliberati proviżorjament qabel is-smigħ tal-kawża tagħhom, din id-deċiżjoni tippermetti li r-responsabbiltà għal sorveljanza mingħajr arrest tiġi ttrasferita lejn il-pajjiż fejn jgħixu normalment.
Dan jippermetti li ċ-ċittadini tal-UE jmorru lura lejn darhom, filwaqt li jkunu qegħdin jistennew is-smigħ tal-kawża f’pajjiż ieħor tal-UE. Il-pajjiż ta’ appartenenza tagħhom jissorveljahom permezz ta’ miżuri ta’ kontroll mingħajr arrest (pereż. b’mod li jkunu meħtieġa jibqgħu f’post speċifiku, jew jintalbu jirrappurtaw f’għassa tal-pulizija kuljum). Dan jevita detenzjoni twila qabel is-smigħ tal-kawża barra mill-pajjiż.
Minn meta din ġiet applikata?
Il-pajjiżi kellhom jinkorporaw din id-deċiżjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-11 ta’ Diċembru 2012. Informazzjoni dwar il-progress tal-implimentazzjoni tista’ tinsab hawnhekk.
Aktar informazzjoni
Ara l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Ħabsijiet u s-Servizzi Korrettivi (Europris) u l-Konfederazzjoni Ewropea tal-Probation (CEP).
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.