MALTA
QORTI TA' L-APPELL
ONOR. IMHALLEF
PHILIP SCIBERRAS
Seduta tat-30 ta' Jannar, 2009
Appell Civili Numru. 13/2008
Paul Aquilina
vs
J.J. Scerri Co. Ltd
Il-Qorti,
Fit-30 ta’ Lulju, 2008, it-Tribunal ghal Talbiet tal- Konsumaturi ppronunzja s-segwenti sentenza fl-ismijiet premessi:-
“It-Tribunal
Wara li ha konjizzjoni ta’ l-Avviz fl-ismijiet fuq premessi pprezentati fl-4 ta' Frar 2008 fejn irrikorrenti talbet danni ta' erba' mija u erba' euro u hamsa u ghoxrin euro centezmi (€404.25) rapprezentanti prezz ta' magna tal-hasil awtomatika liema magna kellha hsarat matul ilperijodu tal-garanzija.
L-intimat baghat risposta ghal din it-talba izda ma attendiex ghas-seduti minkejja li kien notifikat kemm bl-Avviz tat-Talba kif ukoll bid-data u l-hin tas-smiegh.
Illi wara li sema' x-xhieda tar-rikorrenti li huwa listess rikorrenti u wara li ha konjizzjoni tal-fatti kif ukoll tac-cirkostanzi kollha tal-kaz;
Ikkunsidra s-segwenti:
Ir-rikorrenti ssottometta illi f’Marzu 2006 xtara magna tal-hasil 'fully automatic' minghand id-ditta intimata ghall-prezz ta' erba' mija u erba' ewros u hamsa u ghoxrin ewro centezmi (€404.25) izda certi tessuti bdew jigu raffi wara li jkunu gew mahsula fiha kuntlarjament ghal dak li kien jigri meta l-istess tessuti kienu jigu mahsula f’magna tal-hasil ohra ta' ditta differenti.
L-intimat issottometta bil-miktub illi la meta marru ghand ir-rikorrenti u lanqas meta hadu l-magna tal-hasil fil-'workshops' taghhom, ma sabu xejn hazin.
It-Tribunal jinnota illi:-
Ir-rikorrenti xtara magna tal-hasil 'fully automatic' minghand id-ditta intimata izda certi tessuti bhal xugamani u 'face cloths' kienu jigu raffi meta dawn jinhaslu f’din il-magna izda meta r-rikorrenti hasilhom f’magna tal-hasil ohra, minkejja illi uza listess detergenti, ir-rizultat fil-morbidita tat-tessuti kien differenti.
It-Tribunal innota wkoll waqt il-process tal-kawza illi minkejja illi l-magna tal-hasil hija wahda 'fully automatic', din kienet qieghda tieqaf f’diversi stadji waqt li tkun inghatat programm ta' hasil u li r rikorrenti kien idawwar in-'knob' huwa stess biex din tkun tista' tkompli tahdem.
It-Tribunal finalment jinnota illi l-intimat ma ta ebda spjegazzjoni o meno ta' dak li seta' gara jew li kien qieghed jigri u li b'rizultat ta' dan xi tessuti kienu qeghdin jitilfu l-morbidezza taghhom waqt li jkunu qed jigu mahsula.
Ghal dawn il-motivi:
It-Tribunal, kif ikkonsidra hawn fuq u wara li nnota illi l-programm tal-hasil ma kienx qieghed jiffunzjona kif suppost peress illi kien qieghed jieqaf f’diversi stadji waqt il-hasla u li ghalhekk ilhasla ma kienetx qieghda ssir kif programmata, jilqa' t-talba tar-rikorrenti in parte u jordna lillintimat ihallas lir-rikorrenti s-somma ta' tliet mitt euro (€300) bl-ispejjez kontra l-istess intimat b'dan illi l-magna tal-hasil issir propjeta' ta’ l-intimat wara li jkun sar il-hlas.”
L-appell tas-socjeta` konvenuta fil-konfront ta’ din issentenza hu redatt fit-termini tas-segwenti aggravji:-
(1) Trattasi ta’ azzjoni redibitorja t-terminu ghallproponiment taghha kien f’dan il-kaz perenti, ex-Artikolu 1431 (1) tal-Kodici Civili;
(2) It-Tribunal mar kontra d-dettami ta’ gustizzja naturali meta, fl-assenza ta’ spjegazzjoni mill-appellat ta’ dak li gara, inverta l-prova u ppretenda minghandha lprova kuntrarja;
(3) La l-appellat baqa’ jaghmel uzu mill-apparat u ma ddepozitahx it-Tribunal ma seta’ qatt jirrexxindi lbejgh. Lanqas ma seta’ jirreduci l-prezz ghax it-tnaqqis li ghamel hu inerenti ghall-azzjoni estimatorja u mhux ukoll dik rexxissorja. F’dan il-kuntest, l-istess socjeta` appellanti rreferiet ghall-Artikolu 78 tal-Kapitolu 378 biex tirraguna illi l-appellat, qua konsumatur, naqas li javzaha bil-mitkub b’kull nuqqas ta’ konformita zmien xahrejn middata li fih hu ntebah b’dak in-nuqqas. Hi tissottometti dan in bazi ghall-osservazzjoni illi l-appellat induna bl-allegat difett f’Marzu 2006 mentri kitbilha fit-8 ta’ Ottubru, 2007. B’hekk gie li l-appellat tilef il-beneficcju li seta’ jgawdi taht it-Taqsima IX tal-Kapitolu 378;
(4) Mhux minnu li hi ma kienetx prezenti filprocediment quddiem it-Tribunal in kwantu hi kienet hekk rapprezentata minn Michael Scerri;
Premessi dawn l-aggravji, ma jistax jonqos li jkun in linea preliminari osservat mill-Qorti illi whud mill-ilmenti sottomessi lilha ma gewx mis-socjeta` konvenuta appellanti ventilati minnha quddiem it-Tribunal. Dan, b’mod partikulari, in referenza ghall-ewwel u ghat-tielet aggravji;
Intant, bl-azzjoni minnu promossa l-appellat talab li jirrisolvi l-bejgh ta’ washing machine tal-marka “Taurus” mixtrija minghand is-socjeta` appellanti. Kontra din lazzjoni din is-socjeta` qeghda issa tqajjem f’dan l-istadju d-dekadenza ta’ l-azzjoni in raguni ta’ dik il-kazistika konkordi li rriteniet li z-zmien kontemplat fl-Artikllu 1431 (1), Kodici Civili huwa wiehed dekadenzjali. Ara, fost bosta ohrajn, id-decizjoni fl-ismijiet “Neg. Charles Darmanin nomine -vs- Giuseppe Baldacchino”, Appell Kummercjali, 23 ta’ Mejju, 1938;
Fil-kuntest ta’ eccezzjoni ta’ din ix-xorta lkunsiderazzjonijiet generali li solitament jsiru huma dawn:-
(1) Il-kliem tas-subinciz (2) ta’ l-Artikolu 1431 ghandhom jinftehmu fis-sens illi d-dies scientae ma hux dak li fih tigi notata jew riskontrata irregolarita` filfunzjonament imma huwa dak li fih jigi accertat id-difett. Jinghad li “dan hu partikolarment il-kaz fil-bejgh ta’ kongenji jew apparati ta’ struttura delikata u teknikament komplikata, bhal ma huma washing machines, refrigerators, etcetera, li llum il-gurnata saru ta’ uzu domestiku komuni” (“Maria Rosa Muscat Baldacchino - vs- Edward Vincenti Kind nomine”, Appell Kummercjali, 18 ta’ Ottubru, 1963;
(2) Gie pero` enuncjat ukoll illi “b’danakollu hemm zgur pont ta’ zmien li fih l-izvilupp progressiv tal-vizzju jista’ jinghad li jkun lahaq effett kumulattiv li ghandu ragonevolment jgharraf lix-xerrej bl-ezistenza tieghu, u minn dak il-punt jibda jitqies iz-zmien ta’ l-azzjoni jew inazzjoni ta’ l-istess xerrej ghall-finijiet ta’ l-Artikolu 1481 (illum 1431) tal-Kodici Civili”. (“Emmanuele Florian -vs- Rosario Desira”, Appell Kummercjali, 9 ta’ Gunju, 1969);
Affermat dan, fir-risposta ta’ l-appell tieghu l-appellat jirribatti illi t-terminu ta’ sitt xhur li jsemmi l-Artikolu 1431 (1), Kodici Civili, ma kienx ghadu skada meta intavola lazzjoni ghaliex, in forza tal-garanzija rilaxxjata lilu filmument tal-kompravendita (kopja esebita mar-risposta) huwa kien akkordat terminu ta’ sentejn “on parts” u “on labour changes”. Fi kliem iehor, l-appellat qed jghid illi filkaz tieghu ma kienx hemm biss il-garanzija ex jure preskritta mil-ligi riferibilment ghall-vizzju redibitorju izda kien hemm ukoll il-garanzija konvenzjonali espressa missocjeta` appellanti li bieghtlu l-makna tal-hasil. Firrirgward tezisti gurisprudenza li ssostni illi, “ukoll bissahha ta’ din il-garanzija konvenzjonali, l-attur kellu d-drittjirrizolvi x-xiri ghaliex id-difett kien bizzejjed biex jimpedixxi l-funzjonament ta’ l-apparat u ghalhekk jirrendih mhux tajjeb ghall-uzu li ghalih l-attur xtrah” (“Perit Cavaliere Emmanuele Borg -vs- Carmelo Petroni nomine”, Appell Kummercjali, 29 ta’ Jannar, 1954). Zied jigi ritenut illi lgaranzija konvenzjonali hija addizzjonali ghall-garanzija legali u mhux lanqas inkonciljabbli ma’ din ta’ l-ahhar “ghax anzi, taht certi rigwardi, ikabbar u jestendi l-effetti tal-garanzija legali” (“Joseph Cefai -vs- Carmelo Petroni et nomine”, Appell Kummercjali, 28 ta’ Gunju, 1957. Ara wkoll is-sentenza ta’ din il-Qorti fl-ismijiet “Dorianne Bartolo Vella -vs- Industrial Motors Limited”, Appell mit-Tribunal ghal Talbiet Zghar, 26 ta’ Jannar, 2005. Din, wara kollox, hija wkoll l-espressjoni ta’ fehma tal-legislatur dettata fl-Artikolu 82 ta’ l-Att dwar l-Affarijiet tal- Konsumatur;
Apparti dawn il-konsiderazzjonijiet, tezisti certament irriflessjoni fundamentali dwar kemm setghet l-eccezzjoni tal-perentorjeta` ta’ azzjoni titqajjem in sede ta’ appell. B’eccezzjoni bhal din, kieku nghatat fiz-zmien li kellha tinghata, u in limine litis, din kien ikollha l-effett li tistronka l-gudizzju in kwantu l-istess eccezzjoni hi perentorja tieghu. Jigi li ghall-finijiet ta’ l-istadju li fih kellha tigi sollevata din l-eccezzjoni dan kellu jkun dak bikri talcontestatio litis quddiem it-Tribunal meta allura lkontestazzjoni tkun giet radikata u formulata. Kif gja sa ricentement osservat din il-Qorti, kif presjeduta, fuq listess tema, “la dan ma sarx f’dak il-kaz dik l-eccezzjoni ghandha titqies rinunzjata (Kollez. Vol. XXXIII P I p 630) in kwantu din tippresupponi dik il-kondotta processwali li tevidenzja l-ezistenza ta’ dik il-volonta univoka li lappellanti ma riedx iqajjem dik l-eccezzjoni” (“Geswalda Saliba -vs- Mario Galea”, Appell mit-Tribunal ghat-Talbiet tal-Konsumatur (Ghawdex), 9 ta’ Lulju, 2008). Prettament, ghal din ir-raguni l-ewwel aggravju qed jitqies insostenibbli;
Spjanat dan l-aggravju, li kien, tista’ tghid, l-aktar wiehed ta’ importanza, din il-Qorti qajla tista’ tirravviza millkumplament ta’ l-aggravji lezjoni tar-regoli tal-gustizzja naturali ghal liema hu konsentit dritt ta’ appell lil din il-Qorti minn sentenzi tat-Tribunal tal-Konsumatur. Biex appell ikun ammissibbli fuq dik il-bazi s-socjeta` appellanti kien jenhtiegilha turi ghall-konvinciment ta’ din il-Qorti illi hi ma nghatax il-possibilita` li tesponi l-assunti taghha jew li tipproduci l-provi. Mhux ukoll, izda, li din il-Qorti tirrientra fil-valutazzjoni diskrezzjonali tat-Tribunal in kwantu dan kien liberu li jartikola l-gudizzju tieghu fuq il-provi prodotti. U f’dan il-kaz l-unika prova mressqa kienet dik ta’ lappellat, gjaladarba s-socjeta` appellanti, ghar-ragunijiet taghha, iddedediet, avolja intavolat risposta, li ma tippartecipax fl-izvolgiment djalettikali tal-kawza. Lanqas imbaghad ma jista’ jkollu mis-sewwa l-lanjanza illi hi baghtet rapprezentant taghha fl-udjenzi quddiem it- Tribunal. Apparti li ma jirrizulta minn ebda verbal li hekk sar, huwa wkoll ferm difficli ghal din il-Qorti li taccetta din l-asserzjoni jew li temminha. Dan in vista ta’ dak dedott mill-istess socjeta` appellanti fir-risposta taghha ghat-talba ta’ l-appellat illi “ahna m’ghandniex hin x’nitilfu”. In raguni tal-konsiderazzjoni maghmula mhux lanqas il-kaz li din il- Qorti tokkupa ruhha mid-doljanzi l-ohra tas-socjeta` appellanti in meritu ghall-aspetti legalistici dwar ittrattament mit-Tribunal tal-provi u ghaliex dan deherlu li oltre r-rexxissjoni tal-bejgh jaghmel ukoll riduzzjoni talprezz. Konkluzjoni din li dwarha l-Qorti tillimita ruhha biex tosserva illi, la saret, sinjal li t-Tribunal adopera l-istrument ekwitativ u dak tal-gustizzja sostantiva ghal liema jirreferu l-Artikolu 21 (1) tal-Kapitolu 378. F’kull kaz ukoll l-istess konkluzjoni kienet certament wahda li ppremjat lis-socjeta` appellanti u mhux ippregudikata.
Ghal motivi kollha dedotti din il-Qorti qed tirrespingi lappell u tikkonferma s-sentenza appellata, bl-ispejjez ta’ din il-procedura kontra s-socjeta appellanti.