Please note that the original language version of this page English has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Swipe to change

Id-Direttiva dwar l-Indikazzjoni tal-Prezz (98/6)

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

Din tirrikjedi li l-prezz tal-bejgħ u l-prezz tal-unità tal-prodotti kollha offruti mill-kummerċjanti lill-konsumaturi, ikunu indikati b'mod ċar sabiex titjieb l-informazzjoni għall-konsumatur u biex jiġu permessi l-paraguni tal-prezzijiet.

PUNTI EWLENIN

Il-prezz tal-bejgħ u l-prezz tal-unità għandhom jiġu indikati b'mod mhux ambigwu, identifikabbli faċilment u li jinqara b'mod ċar għall-prodotti kollha offruti mill-kummerċjanti lill-konsumaturi (“mhux ambigwu” ifisser il-prezz finali inkluż taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi l-oħra kollha).

Il-prezz tal-unità m'għandux għalfejn ikun indikat jekk ikun identiku għall-prezz tal-bejgħ.

Madankollu, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din ir-regola:

  • għal prodotti pprovduti matul l-għoti ta' servizz;
  • għal bejgħ bl-irkant u bejgħ ta' opri ta' arti u antikitajiet.

Għal prodotti mibjugħin bl-ingrossa, għandu jiġi indikat biss il-prezz tal-unità.

Kull reklamar li jsemmi l-prezz tal-bejgħ għandu jindika wkoll il-prezz tal-unità.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu:

  • jirrinunzjaw għall-obbligu li jindikaw il-prezz tal-unità tal-prodotti li għalihom din l-indikazzjoni ma tkunx utli jew tkun tista' toħloq konfużjoni;
  • fil-każ ta' prodotti mhux tajbin għall-ikel, fassal lista tal-prodotti li għalihom l-obbligu li jindikaw il-prezz tal-unità se jibqa' applikabbli.

Id-direttiva pprovdiet għal perjodu tranżitorju li matulu n-negozji żgħar tal-bejgħ bl-imnut ma kinux soġġetti għall-obbligu li jindikaw il-prezz tal-unità tal-prodotti għajr dawk mibjugħin bl-ingrossa.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jieħdu miżuri xierqa biex jinfurmaw lill-persuni kollha kkonċernati dwar it-traspożizzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni;
  • jistipulaw, u jipprovdu informazzjoni dwar, is-sistema ta' penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta' din id-direttiva.

Din id-direttiva rrevokat id-Direttivi 79/581/KEE (prezzijiet tal-oġġetti tal-ikel) u 88/314/KEE (prezzijiet tal-oġġetti mhux tal-ikel) b'effett mit-18 ta' Marzu 2000.

Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet komunikazzjoni li eżaminat kif il-pajjiżi tal-UE kienu implimentaw id-direttiva u li tfittex il-fehmiet tal-partijiet interessati.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-18 ta' Marzu 1998. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha f'liġi nazzjonali sat-18 ta' Marzu 2000.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27)

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1998/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti offruti lill-konsumaturi (COM(2006) 325 final, 21.6.2006).

L-aħħar aġġornament: 08/08/2018

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.