Imputati (proċeduri kriminali)

Slovakia

Content provided by:
Slovakia

A) Fejn isir il-proċess?

Il-proċess ewlieni normalment isir f’qorti distrettwali. F’ċerti każijiet, il-proċess jista’ jsir quddiem il-Qorti Kriminali Speċjali [Špecializovaný trestný súd] jew qorti distrettwali fil-kapitali reġjonali.

Il-proċess isir quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkun twettaq id-delitt.

Inkella l-proċess jista’ jsir quddiem qorti li fil-ġuriżdizzjoni tagħha tgħix, taħdem jew tkun abitwalment preżenti l-persuna akkużata, jew quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni tagħha l-prosekutur ikun ippreżenta l-att ta’ akkuża.

B) L-akkużi jistgħu jiġu modifikati? Jekk iva, x’inhu d-dritt tiegħi għall-informazzjoni f’dan ir-rigward?

Jekk il-prosekutur ikun jixtieq jikklassifika mill-ġdid l-att bħala delitt differenti minn dak stabbilit mill-pulizija, huwa għandu javżak b’dan il-fatt qabel jippreżenta l-att ta’ akkuża u jistaqsik jekk tixtieqx tissupplimenta l-investigazzjoni.

Jekk, wara li jibda l-proċess ewlieni, jirriżulta li wettaqt xi reat kriminali ieħor, il-qorti tirritorna l-kawża lill-prosekutur għal aktar preparazzjonijiet ta’ qabel il-proċess u għal aktar investigazzjoni jekk il-prosekutur jitlob dan.

Jekk il-qorti tippjana li tikkundannak ta’ delitt taħt dispożizzjoni tal-liġi aktar stretta minn dik issuġġerita mill-prosekuzzjoni, hija tista’ tagħmel dan. Madankollu, il-qorti għandha tavżak dwar dik il-possibbiltà qabel tiddikjara li l-istadju tal-kumpilazzjoni tal-provi huwa komplut.

Il-qorti tagħtik limitu ta’ żmien biex tipprepara d-difiża tiegħek u tiddiferixxi l-proċess kriminali ewlieni b’mill-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol jekk inti titlob dan.

C) X’inhuma d-drittijiet tiegħi meta nidher il-qorti?

i) Għandi nkun preżenti fil-qorti? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex inkun assenti matul il-kawża fil-qorti?

Għandek id-dritt (mhux id-dmir) li tkun preżenti waqt il-proċess. Il-qorti tista’ tisma’ l-kawża mingħajr ma inti tkun preżenti jekk taqbel, jew jekk tirrifjuta li tkun preżenti, jew għal raġunijiet oħrajn kif definiti mil-liġi. L-istess japplika għal proċedimenti tal-appell.

ii) X’inhu d-dritt tiegħi għal interpretu u għal dokumenti tradotti?

Għandek id-dritt għal interpretu jekk ma titkellimx bil-lingwa li biha jsiru l-proċedimenti. Jekk ikun hemm bżonn li jiġu tradotti dokumenti, rekords jew deċiżjonijiet importanti, jipparteċipa wkoll traduttur fil-proċedimenti.

iii) Għandi dritt għal avukat?

Matul il-proċess kriminali kollu, għandek id-dritt li tkun irrappreżentat minn avukat difensur tal-għażla tiegħek jew wieħed li jkun ġie assenjat lilek.

Għandu jkollok avukat difensur mill-mument li jinġiebu l-akkużi kontrik, jew jekk tkun miżmum taħt detenzjoni, qed tiskonta piena jew tkun taħt osservazzjoni f’istituzzjoni tal-kura tas-saħħa, jekk il-kapaċità ġuridika tiegħek ġiet ristretta, jekk il-kawża tinvolvi delitt speċjalment serju, jekk inti minorenni jew jekk il-proċedimenti jkunu qegħdin isiru kontrik bħala latitanti.

Jekk ma jkollokx avukat difensur f’każijiet fejn għandu jkollok wieħed, tingħata limitu ta’ żmien biex tagħżel l-avukat tiegħek. Jekk tonqos li tagħmel dan fiż-żmien mogħti, għandu jiġi assenjat avukat difensur mingħajr dewmien.

Jekk ma jkollokx mezzi suffiċjenti sabiex tħallas għall-avukat difensur u tapplika biex jassenjawlek wieħed, il-qorti għandha taħtar avukat bħala l-avukat difensur tiegħek anki f’każijiet fejn mhuwiex obbligatorju li jkollok avukat difensur. Għandek tipprova li ma għandekx mezzi suffiċjenti.

iv) Liema drittijiet proċedurali oħra għandi nkun naf bihom? (eż. preżentazzjoni ta’ persuni suspettati quddiem il-qorti)

Għandek id-dritt li twieġeb “ħati” jew “mhux ħati” meta jibda l-proċess. Jekk twieġeb li inti ħati, il-qorti teżamina biss l-evidenza meħtieġa biex tiddeċiedi dwar il-piena u/jew il-kumpens għad-danni.

Matul il-proċess, l-imputat, ix-xhieda u l-esperti jiġu interrogati mill-prosekutur. Inti u l-avukat difensur tiegħek tistgħu ukoll tistaqsu mistoqsijiet. Ix-xhieda tiegħek jiġu interrogati mill-avukat difensur tiegħek jew minnek. Għandek id-dritt ta’ oġġezzjoni għall-mod kif isiru l-mistoqsijiet.

Meta l-qorti tikkonkludi l-eżami tal-evidenza, tista’ tagħmel it-trattazzjoni finali tiegħek. Wara t-trattazzjoni finali tal-prosekutur, il-qorti tista’ tagħti l-opportunità lill-vittma, lill-avukat tiegħek u lil persuni oħrajn biex jitkellmu. It-trattazzjoni tiegħek dejjem tkun l-aħħar waħda li tinstema’. Id-drittijiet tiegħek jinkludu d-dritt li tikkontesta l-att ta’ akkuża, l-evidenza miġbura, u r-reat li int akkużat bih, id-dritt li toffri ċirkustanzi ta’ mitigazzjoni, u li tikkontesta s-sentenza. Il-qorti tista’ tinterrompi t-trattazzjoni finali tiegħek biss jekk inti tagħmel dikjarazzjonijiet li ma jkunux relatati mal-kawża tiegħek. Wara t-trattazzjoni finali, għandek ukoll id-dritt li tagħmel trattazzjoni tal-għeluq li matulha ma għandekx tiġi interrott.

D) Sentenzi possibbli

Priġunerija – skont il-gravità tad-delitt, tista’ tkun sa għomor il-ħabs. Il-piena tal-mewt mhijiex possibbli. Jekk tiġi kkundannat għal sentejn jew tliet snin, il-qorti tista’ tagħtik sentenza sospiża bi probation jew mingħajrha u tistabbilixxi perjodu ta’ bejn sena u ħames snin li matulhom inti għandek tgħix ħajja f’osservanza tal-liġi. Jekk tikser l-obbligi u r-restrizzjonijiet imposti mill-qorti, ikollok tiskonta s-sentenza tiegħek fil-ħabs.

Arrest domiċiljari – sa sena għal kontravvenzjoni. Inti tkun meħtieġ tillimita l-movimenti tiegħek għar-residenza tiegħek u tgħix ħajja f’osservanza tal-liġi. Jekk tikser dawn il-kundizzjonijiet, ikollok tiskonta s-sentenza tiegħek fil-ħabs.

Xogħol fil-komunità – minn 40 sa 300 siegħa għal kontravvenzjoni, iżda biss bil-kunsens tiegħek minn qabel. Ikollok tagħmel xogħol fil-komunità fil-ħin liberu tiegħek mingħajr ebda kumpens. Jekk tonqos milli tagħmel xogħol fil-komunità fil-ħin speċifikat u sal-punt speċifikat, il-qorti tibdel kull sagħtejn mix-xogħol mhux maħdum fil-komunità f’jum ta’ priġunerija.

Multa, konfiska ta’ proprjetà; il-piena tal-konfiska ta’ oġġetti tiġi imposta mill-qorti għal reati kriminali intenzjonati li permezz tagħhom tkun ksibt proprjetà jew ikkawżajt ħsara. Multa tista’ tvarja minn EUR 160 sa EUR 331 930. Il-konfiska tal-proprjetà tapplika għall-assi kollha li tkun akkwistajt illegalment. Il-konfiska tal-oġġetti tista’ tiġi imposta jekk tkun użajt l-oġġett biex twettaq id-delitt.

Skwalifika, minn sena sa għaxar snin, li tipprekludik milli twettaq ċerti tipi ta’ attività, bħall-professjoni, l-impjieg, il-funzjoni jew attività oħra (bħas-sewqan ta’ vettura) li matulha wettaqt id-delitt.

Projbizzjoni ta’ residenza, minn sena sa ħames snin, li tipprekludik milli tirrisjedi f’ċertu post.

Projbizzjoni fuq il-parteċipazzjoni f’avvenimenti pubbliċi, minn sena sa għaxar snin, li tipprekludik milli tipparteċipa f’avvenimenti sportivi, kulturali jew avvenimenti pubbliċi oħra li fihom wettaqt id-delitt.

Telf ta’ titoli onorarji u distinzjonijiet, fejn titlef distinzjonijiet u titoli onorarji oħra mogħtija skont leġiżlazzjoni speċjali.

Dimozzjoni jew telf tal-grad militari tiegħek jew ta’ grad ieħor.

Espulsjoni mit-territorju tar-Repubblika Slovakka. Tista’ tingħata piena ta’ bejn sena u 15-il sena espulsjoni, iżda mhux jekk tkun ċittadin Slovakk, jew ċittadin ta’ xi Stat Membru ieħor tal-UE, jew ċittadin ta’ Stat imsieħeb fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jew jekk ingħatajt ażil. Dan ma japplikax jekk inti tirrappreżenta theddida għas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku. Ma tistax tkun imkeċċi lejn pajjiż fejn il-libertà personali tiegħek jew ħajtek ikunu mhedda għal raġunijiet ta’ razza, nazzjonalità, reliġjon, affiljazzjoni politika, jew raġunijiet simili.

L-aħħar aġġornament: 02/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.