Please note that the original language version of this page German has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Austria

Content provided by:
Austria

Fejn isir il-proċess?

Il-proċess isir fil-qorti fejn l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni jkunu ressqu l-akkużi finali. Bħala regola din tkun il-qorti b’ġurisdizzjoni lokali fejn ikun twettaq ir-reat. Il-proċessi huma pubbliċi ħlief għal ftit eċċezzjonijiet.

Skont in-natura tal-penali d-deċiżjoni tittieħed minn imħallef wieħed, minn qorti ta’ imħallfin lajċi jew minn qorti tal-ġurati. Il-qrati ta’ imħallfin lajċi jew il-qrati tal-ġurati jinkludu wkoll persuni lajċi.

L-akkużi jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk inti tiġi akkużat b’reat ieħor waqt il-proċess quddiem qorti kriminali l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni jistgħu jżidu l-akkużi kontrik u l-proċess jista’ jkun estiż sabiex jinkludi l-akkużi l-ġodda sakemm ma jkunux iġorru pieni aktar ħorox mill-akkużi oriġinali.

Fid-deċiżjoni tagħha l-qorti hija marbuta biss bil-fatti deskritti fl-att tal-akkuża u mhux b’xi evalwazzjoni legali mogħtija mill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni. Il-qorti tista’ tikkwalifika r-reat li inti ġejt akkużat bih b’mod differenti mill-klassifikazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni fl-att tal-akkuża.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt il-proċess quddiem qorti kriminali?

Bħal matul il-proċeduri kriminali kollha inti għandek id-dritt ukoll li tibqa’ sieket waqt il-proċess quddiem qorti kriminali. M’għandekx għalfejn tikkumenta fuq l-akkużi miġjuba kontrik.

Jekk tammetti l-akkużi waqt il-proċess quddiem qorti kriminali, dan ikollu wkoll effett mitiganti meta tingħata s-sentenza. Madankollu, l-ammissjoni ta’ ħtija ma tibdilx l-andament tal-proċess. Ma tiġix ikkastigat jekk ma tgħidx il-verità.

Il-qrati ta‘ imħallfin lajċi ma jistgħux imexxu l-proċeduri jekk inti ma tkunx preżenti. Barra minn hekk, inti għandek dejjem tkun irrappreżentat minn avukat difensur fi proċeduri bħal dawn. M’hemmx dispożizzjonijiet għal proċess quddiem qorti kriminali permezz tal-konferenzi bil-vidjow.

Jekk ma tifhimx sew il-Ġermaniż, għandu jitqabbad interpretu għall-proċess quddiem qorti kriminali. L-interpretu jinterpreta l-avvenimenti ewlenin waqt il-proċess f’lingwa li inti tista’ tifhem.

Waqt il-proċess quddiem qorti kriminali inti għandek id-dritt ukoll li tissottometti talbiet, b’mod speċjali talbiet għall-evidenza.

Fi proċess quddiem qorti ta’ imħallfin lajċi jew quddiem qorti tal-ġurati inti għandek tkun irrappreżentat minn avukat difensur, filwaqt li għal tipi ta’ proċeduri oħrajn in-nomina ta’ avukat difensur hija fakultattiva.

Inti tista’ tibdel lill-avukat difensur tiegħek fi kwalunkwe ħin. Madankollu, dan m’għandux itawwal il-proċeduri bla bżonn.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-evidenza kontrija?

Il-provi miġjuba waqt il-proċess quddiem qorti kriminali biss jistgħu jipprovdu l-bażi għad-deċiżjoni tal-qorti. Inti għandek id-dritt li tikkumenta fuq kwalunkwe oġġett individwali tal-provi miġjuba.

Ix-xhieda għandhom jinstemgħu direttament. L-evidenza tagħhom ma tistax tinqara sakemm il-prosekuzzjoni u d-difiża ma jaqblux dwar dan. Inti għandek id-dritt li tistaqsi mistoqsijiet lill-kokonvenut u lix-xhieda jew tqabbad lill-avukat difensur tiegħek sabiex jagħmlilhom xi mistoqsijiet.

L-evidenza esploratorja mhijiex permessa. Jiġifieri dik l-evidenza li r-riżultati tagħha ma tkunx tafhom minn qabel. Jekk titlob li ġġib xi provi inti għandek tkun f’pożizzjoni li tispjega r-riżultati tal-provi jew liema fatt konklussiv dawn sejrin jippruvaw.

Inti tista’ tippreżenta provi b’mod dirett waqt il-proċess quddiem qorti kriminali, pereżempju provi miksuba permezz ta’ investigaturi privati. Huwa f’idejn il-qorti li tivverifika l-provi.

Tista’ tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi waqt il-proċess quddiem qorti kriminali?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jiddikjara li tista’ tinkiseb informazzjoni dwar il-kondotta anke minn barra l-pajjiż. L-informazzjoni dwar il-kondotta tiegħek għandha tinqara matul il-proċess.

Jekk inti tiġi kkundannat, u għandek kundanni preċedenti tal-istess tip dan jista’ jfisser li inti tista’ tingħata sentenza aktar ħarxa.

X’jiġri fl-aħħar tal-proċess quddiem qorti kriminali?

Wara l-kumpilazzjoni tax-xhieda kollha, u wara li l-prosekuzzjoni u d-difiża jagħmlu l-indirizz tal-għeluq tagħhom, il-qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha. Dan jikkonkludi l-proċeduri quddiem il-qorti tal-prim’istanza.

Jekk jiġu sodisfatti r-rekwiżiti meħtieġa, il-qorti tista’ tiddeċiedi li tordna tip ta’ devjazzjoni. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-qorti tiddeċiedi jekk tqisekx ħati tal-akkużi kontrik, jew jekk għandekx tiġi lliberat.

Fil-każ li tiġi kkundannat, il-qorti għandha tiddeċiedi wkoll is-sentenza. Is-sentenza tista’ tkun multa jew perjodu ta’ priġunerija. L-infurzar tas-sentenza jista’ jiġi sospiż għal perjodu ta’ probation kundizzjonali.

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Il-vittma ta’ reat hija intitolata li tkun preżenti matul il-proċess quddiem qorti kriminali u tista’ tkun irrappreżentata wkoll minn avukat. Il-vittma għandha d-dritt li tagħmel mistoqsijiet lill-konvenut, lix-xhieda u lix-xhieda esperti matul il-proċess, kif ukoll id-dritt li tinstema’ fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tagħha.

L-istess bħall-konvenut, il-vittma tista’ tkun mgħejuna wkoll minn interpretu waqt il-proċess quddiem qorti kriminali, jekk din ma tkunx familjari biżżejjed mal-lingwa Ġermaniża.

Jekk il-vittma kienet soġġetta għall xi stress partikolari minħabba r-reat din tista’ tirċievi għajnuna soċjopsikoloġika u legali mill-qorti jekk tkun meħtieġa sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet proċedurali tagħha.

Il-vittmi li jitolbu kumpens għad-danni mġarrba mir-reat jew kumpens għall-ksur tad-drittijiet tagħhom huma magħrufa bħala parti privata għall-każ. Jekk il-vittmi jipparteċipaw fil-proċeduri bħala partijiet privati huma għandhom ukoll id-dritt li jitolbu l-evidenza.

L-aħħar aġġornament: 22/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.