Imputati (proċeduri kriminali)

Denmark

Content provided by:
Denmark

Fejn isir il-proċess?

Il-proċess isir fil-qorti lokali tal-belt u jkun miftuħ għall-pubbliku. Jekk inti ammettejt li wettaqt ir-reat jew reati li int akkużat bihom, il-prosekuzzjoni titlob proċeduri dwar ammissjoni ta’ ħtija. F’dak il-każ, il-bord tal-qorti jkun jikkonsisti biss minn imħallef professjonali wieħed. L-istess japplika jekk l-unika penali mitluba tkun multa.

Jekk int ma ammettejtx il-ħtija tiegħek, il-każ jinstema’ wkoll minn imħallfin lajċi, u l-bord tal-qorti mbagħad ikun jikkonsisti f’imħallef wieħed professjonali u żewġ imħallfin lajċi.

Jekk il-prosekutur jordna priġunerija għal erba’ snin jew aktar, il-każ għandu jinstema’ minn ġurija. Il-bord tal-qorti mbagħad ikun magħmul minn tliet imħallfin professjonali u sitt ġurati. L-eċċezzjonijiet huma l-każijiet dwar kriminalità relatata man-narkotiċi u l-kriminalità ekonomika, li jinstemgħu minn imħallfin professjonali u minn imħallfin lajċi irrispettivament mis-sentenza mitluba.

L-akkużi jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk il-każ li għandu jinstema’ jkun każ b’dikjarazzjoni ta’ ħtija, jista’ jkun hemm qbil sabiex l-akkużi jiġu adattati skont id-delitt li qed tammetti li int ħati għalih.

Malli jkun inbeda l-proċess quddiem qorti kriminali kontrik, l-elementi minuri biss jistgħu jinbdilu fl-akkuża. L-akkużi ma jistgħux jiġu estiżi mingħajr il-kunsens tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt il-proċess quddiem qorti kriminali?

Inti għandek tkun preżenti matul il-proċess kollu. Il-qorti tista’ tħallik titlaq minn seduta wara li tkun tajt ix-xhieda tiegħek.

Jekk tkun ġejt innotifikat dwar seduta, iżda ma tidhirx il-qorti mingħajr ma tagħti skuża leġittima, il-qorti tista’ tiddeċiedi li x-xhieda għandhom jiġu eżaminati fin-nuqqas tiegħek. Il-qorti tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha fin-nuqqas tiegħek jekk il-prosekuzzjoni tkun talbet priġunerija sa sitt xhur u inti tkun tajt il-kunsens tiegħek għall-konklużjoni tal-proċess quddiem qorti kriminali. Jekk inti tirċievi sentenza mhux kundizzjonali ta’ mhux aktar minn tliet xhur priġunerija, il-każ jista’ jiġi konkluż anke mingħajr il-kunsens tiegħek.

Mill-1 ta’ Novembru 2009 kien possibbli li wieħed jattendi proċeduri legali permezz ta’ konnessjoni bil-vidjow jekk il-piena massima mitluba tkun multa jew priġunerija għal mhux aktar minn sena. Madankollu, mhux il-qrati kollha installaw l-apparat meħtieġ biex ikollok dik l-għażla.

Jekk inti ma titkellimx u ma tifhimx il-lingwa tal-qorti tal-pajjiż, inti għandek id-dritt għall-għajnuna ta’ interpretu matul il-proċess kollu. L-interpretu jgħinek ukoll jekk ikollok bżonn tkellem lill-avukat tiegħek matul seduta.

Jekk inti għad m’għandekx avukat, il-qorti taħtar wieħed għalik jekk inti tiddikjara li m’intix ħati tal-akkużi miġjuba kontrik, u jekk il-piena mitluba tkun aktar minn multa. Jekk inti tiddikjara li int ħati f’każ fejn il-prosekuzzjoni titlob sentenza ta’ priġunerija, il-qorti taħtar avukat għalik jekk inti titlob li jkollok wieħed. Jekk inti ma taqbilx mal-avukat tiegħek jew għal xi raġuni oħra tixtieq li jkollok avukat ġdid, normalment jaqtgħulek xewqtek.

Inti m’għandekx għalfejn tirrispondi l-mistoqsijiet waqt il-proċess quddiem qorti kriminali jew tgħid il-verità. Inti ma tistax tiġi kkastigat talli tagħti xhieda falza waqt il-proċess quddiem qorti kriminali. L-avukat tiegħek jista’ jagħtik parir dwar jekk hux iktar favorevoli għall-interessi tiegħek li tagħmel stqarrija fil-każ tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi rigward il-provi miġjuba kontrija?

L-użu ta’ provi bil-miktub matul proċess quddiem qorti kriminali huwa rregolat fid-dettall mil-liġi. Apparti hekk, ma hemm kważi l-ebda regoli, u inti liberu li tipproduċi kwalunkwe tip ta’ evidenza. Int u l-avukat tiegħek tistgħu tikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ xhieda jew evidenza, b’mod partikolari jekk dawn ikunu irrilevanti għall-każ tiegħek jew jekk l-evidenza tkun inkisbet illegalment. Il-qorti tiddeċiedi jekk tilqax din ix-xhieda jew provi ikkontestati minnek. F’ħafna każijiet, l-evidenza miksuba illegalment tkun iddikjarata inammissibbli fil-qorti. Il-qorti tikkunsidra l-piż tal-evidenza inkwistjoni wara li tkun semgħet l-evidenza l-oħra.

Inti tista’ titlob li ċerti xhieda jiġu msejħa biex jixhdu f’seduta jew sabiex jippreżentaw ċerta evidenza biex issostni l-każ tiegħek. Din tista’ pereżempju tkun lista tal-passiġġieri li turi li inti ma kontx fuq il-post tad-delitt meta dan ikun twettaq. Jekk il-prosekuzzjoni ma taqbilx mar-rilevanza ta’ ċerti provi, il-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

Il-parti li tkun sejħet xhud għandha teżamina lix-xhud l-ewwel. Wara, il-parti l-oħra jkollha l-opportunità li tagħmel kontroeżami tax-xhud. Meta tagħti l-verdett tagħha, il-qorti tevalwa ċ-ċertezza u l-affidabilità tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda mogħtija matul il-proċess quddiem qorti kriminali.

Il-kondotta tiegħi tista’ tiġi kkunsidrata?

L-informazzjoni dwar il-kundanni preċedenti tiegħek tiġi kkunsidrata jekk mid-deskrizzjoni tar-reat jirriżulta li huwa reat ripetut. F’każijiet rari, l-informazzjoni dwar il-mod ta’ tħaddim użat f’każ preċedenti tista’ tiġi invokata sabiex tissostanzja ħtija jew innoċenza fil-kawża pendenti. Normalment dan jaffettwa t-tul tas-sentenza tiegħek jekk qabel kont ġejt ikkundannat għal reat simili, jew jekk tkun wettaqt ir-reat matul il-perjodu ta’ probation wara sentenza sospiża jew matul liberazzjoni fuq parole.

Normalment, ma ssir l-ebda inkjesta dwar kwalunkwe kundanna preċedenti li jista’ jkollok fi Stat Membru ieħor.

X’jiġri fl-aħħar tal-proċess quddiem qorti kriminali?

Il-kawża tintemm bid-deċiżjoni tal-qorti. Ir-riżultat jista’ jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

  • Liberazzjoni
  • Multa
  • Sentenza sospiża, li tista’ tkun ukoll ordni għal trattament jew ordni għal servizz fil-komunità
  • Sentenza ta’ priġunerija mhux kundizzjonata

Fil-każ ta’ sentenza sospiża, il-qorti normalment tistabbilixxi piena ta’ priġunerija li inti ma tkunx mitlub li tiskonta jekk ma tikkommettix reat ieħor matul il-perjodu ta’ probation, li normalment ikun ta’ sena jew sentejn. Bħala kundizzjonijiet għall-probation, il-qorti tista’ teżiġi li int tibqa’ taħt is-superviżjoni tal-uffiċjal tal-probation, tiġi ttrattat għal abbuż tal-alkoħol jew tipi oħra ta’ abbużi, tirċievi trattament psikjatriku u/jew twettaq ċertu għadd ta’ sigħat ta' servizz fil-komunità mhux imħallas kif stabbilit mill-qorti.

Hemm sanzjonijiet speċjali għal awturi ta’ ksur li jkunu minorenni (awturi ta’ ksur taħt l-età ta’ 18-il sena).

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Il-vittma hija meqjusa bħala xhud bħax-xhieda l-oħra kollha. Madankollu, f’ċerti każijiet il-vittma għandha d-dritt għal avukat li huwa maħtur separatament mill-qorti u/jew id-dritt li tikseb id-danni waqt il-proċess, sakemm it-talba għad-danni tkun sempliċi u ddokumentata tajjeb u sakemm tali għoti ta’ danni ma jikkawżax xi inkonvenjent materjali.

Links relatati

Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja Daniża

L-aħħar aġġornament: 13/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.