The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: GermanEnglish have already been translated.
Swipe to change

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Austria

Content provided by:
Austria
There is no official translation of the language version you are viewing.
You can access a machine translated version of this content here. Please note that it is only provided for contextual purposes. The owner of this page accepts no responsibility or liability whatsoever with regard to the quality of this machine translated text.

Jien vittma ta’ reat. Lil min għandi nikkuntattja għall-appoġġ u l-assistenza?

Skont §66(2) StPO (Strafprozessordnung, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), il-Ministeru Federali għall-Affarijiet Kostituzzjonali, ir-Riformi, id-Deregolazzjoni u l-Ġustizzja (Bundesministerium für Verfassung, Reformen, Deregulierung und Justiz) daħal f’kuntratti ma’ organizzazzjonijiet xierqa u stabbiliti, li jipprovdu għajnuna lill-vittmi wara li jivverifikaw li l-kundizzjonijiet statutorji jkunu ġew issodisfati. Id-dettalji ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jinstabu billi tikklikkja fuq il-link li ġejja, fejn dawn tqassmu skont l-istat federali (Land): Organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi

Hotline ta’ appoġġ lill-vittmi

L-Uffiċċju Federali tal-Protezzjoni Soċjali (Sozialministeriumservice): 0043 158831 u l-Hotline ġenerali għall-Vittmi: 0800 112 112 (jew ukoll linja telefonika għall-għajnuna lill-vittmi fl-Ewropa: 116 006)

L-appoġġ lill-vittmi huwa mingħajr ħlas?

Iva.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mis-servizzi jew mill-awtoritajiet tal-Istat?

Il-vittmi ta’ reat jirċievu kumpens finanzjarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Kumpens lill-Vittmi (Verbrechensopfergesetz (VOG)), il-Gazzetta tal-Liġi Federali (BGBl.) 288/1972.

Skont il-VOG, il-proċedura hija l-istess għall-applikanti kollha (ċittadini Awstrijaċi u barranin). Din hi proċedura amministrattiva li matulha l-awtorità trid tistabbilixxi l-fatti rilevanti u tasal għal deċiżjoni dwar l-assistenza li tintalab. Ir-rikorrent huwa meħtieġ jikkoopera mal-proċedura u jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa (inkluż biex jiġu stabbiliti d-danni).

Ir-rikorsi skont il-VOG iridu jiġu ppreżentati lill-Uffiċċju Federali tal-Protezzjoni Soċjali, li jiddeċiedi dwarhom ukoll.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand organizzazzjonijiet mhux governattivi?

Dawn li ġejjin huma intitolati għal assistenza psikosoċjali u legali:

  • vittmi ta’ reat vjolenti, reat sesswali jew theddida perikoluża, jew vittmi li d-dipendenza personali tagħhom setgħet ġiet sfruttata fit-twettiq ta’ dan l-att kriminali deliberat;
  • il-konjuġi, is-sieħeb, il-qraba tal-ewwel grad, l-aħwa u dipendenti oħra ta’ persuna li tmut minħabba reat, kif ukoll qraba oħra li kienu xhieda tal-mewt ta’ qarib;
  • vittmi ta’ reati terroristiċi.

Fuq talba, dawn il-vittmi jridu jingħataw assistenza psikosoċjali u legali, sakemm dan ikun meħtieġ biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet proċedurali tagħhom, b’kunsiderazzjoni kemm jista’ jkun tal-involviment personali tagħhom. L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi nnifishom huma responsabbli biex jivvalutaw jekk it-tali assistenza hijiex “meħtieġa”. Il-vittmi ta’ reat sesswali li jkollhom inqas minn 14-il sena dejjem ikunu intitolati għal assistenza psikosoċjali.

Assistenza psikosoċjali

Fil-kuntest tal-assistenza psikosoċjali, il-vittmi jitħejjew għall-istress psikoloġiku tal-proċedimenti, megħjuna fl-indirizzar tal-esperjenzi tagħhom (ansjetajiet, disprament, niket jew rabja) u jiġu akkumpanjati wkoll waqt is-seduti li jkunu parti mill-investigazzjoni jew mill-proċess.

Assistenza legali

L-iskop tal-għajnuna legali hu li tingħata assistenza lill-vittmi biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali. Dan hu partikolarment utli u meħtieġ jekk ċirkustanzi speċifiċi joħolqu tħassib li d-drittijiet tal-vittmi mhux se jiġu rispettati biżżejjed matul il-proċedimenti. Jekk il-vittma ġarrbet ħsara jew dannu minħabba r-reat, l-avukat jista’ jitlob kumpens (eż. għal uġigħ u tbatija) f’isem il-vittma (jekk il-vittma jkollha l-istatus ta’ rikorrent ċivili).

L-aħħar aġġornament: 03/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.