Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Czechia

Content provided by:
Czechia

Kif nirrapporta reat?

Tista’ tippreżenta kwerela ma’ kwalunkwe korp tal-pulizija jew prosekutur pubbliku bil-miktub, verbalment f’rapport jew b’mod elettroniku. Fil-kwerela, int għandek turi dik li int temmen li tikkostitwixxi evidenza li seħħ ir-reat kriminali.

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri bil-kawża?

Jekk titlob hekk fil-kwerela, l-awtorità kompetenti trid tinformak bil-miżuri meħuda fi żmien xahar minn meta tiġi ppreżentata l-kwerela. Bħala vittma, fil-prinċipju, int il-parti li ġarrbet il-ħsara u, bħala tali, għandek id-dritt li tikkonsulta l-fajl. Tista’ tapplika wkoll għal informazzjoni dwar l-istatus tal-proċedimenti. Din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta lilek mill-awtorità kompetenti; dan ma japplikax jekk it-tali informazzjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-fini tal-proċedimenti kriminali.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess kriminali)? X’inhuma l-kundizzjonijiet?

Iva. Int tista’ tirċievi assistenza legali anki qabel ma jinbdew il-proċedimenti kriminali u int tista’ tirċiviha matul il-proċedimenti kif ukoll wara li jintemmu. L-assistenza legali hi pprovduta minn avukati. Vittmi partikolarment vulnerabbli jistgħu jirċievu assistenza legali fi proċedimenti kriminali mingħajr ħlas. Barra minn hekk, din tista’ tiġi pprovduta mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas lil vittma li tkun ġarrbet ħsara serja minħabba reat kriminali intenzjonat, jew lis-superstitu ta’ vittma li tkun mietet minħabba reat kriminali; dawn il-persuni jridu juru li m’għandhomx biżżejjed fondi. Vittmi oħra għandhom id-dritt għal assistenza legali bi ħlas.

Nista’ nagħmel talba għall-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? X’inhuma l-kundizzjonijiet?

Jekk inti l-parti li ġarrbet il-ħsara fil-proċedimenti kriminali u titlob kumpens għad-danni jew għal ħsara mhux pekunarja jew ir-restituzzjoni ta’ arrikkiment indebitu, u din it-talba tingħatalek tal-anqas b’mod parzjali, il-persuna kkundannata tkun obbligata tikkumpensak għall-ispejjeż neċessarji għall-eżekuzzjoni raġonevoli ta’ din it-talba fil-proċedimenti. Jekk tippreżenta mozzjoni għat-tali kumpens, il-qorti xorta waħda tista’ tagħtihulek anki jekk it-talba tiegħek ma tintlaqax.

Jekk int xhud, int intitolat(a) għal tariffa tax-xhieda. Int trid titlob rifużjoni ta’ din it-tariffa fi żmien 3 ijiem mill-intervista.

Nista’ nappella jekk il-kawża tiegħi tingħalaq qabel nitla' l-qorti?

Tista’ topponi għal dan billi tippreżenta lment. L-ilment hu mezz ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità tal-pulizija u ċerti deċiżjonijiet tal-prosekutur pubbliku fil-proċedimenti ta’ qabel il-proċess, li jieħdu l-forma ta’ riżoluzzjoni. B’dan il-mod, int, bħala l-parti li ġarrbet ħsara, tista’ topponi pereżempju għar-riżoluzzjoni li titwaqqa’ l-kawża u r-riżoluzzjoni għat-terminazzjoni tal-prosekuzzjoni.

Kif nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Iva. Int (bħala l-parti li ġarrbet ħsara) tiġi informat(a) mill-qorti dwar meta ser isiru l-proċedimenti ewlenin.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien nitqies jew nista’ nagħżel li nitqies bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

L-ordinament ġuridiku Ċek jagħmel distinzjoni bejn it-terminu “vittma” u t-terminu “parti li ġġarrab il-ħsara”. Parti li ġarrbet il-ħsara hi waħda mill-partijiet għall-proċedimenti kriminali. Fil-prinċipju, it-terminu jkopri l-vittmi kollha, ħlief dawk li huma vittmi minħabba relazzjoni tal-familja ma’ persuna li mietet minħabba reat.

Għaldaqstant, fis-sistema ġudizzjarja Ċeka int tkun il-vittma u l-parti li ġarrbet il-ħsara (u b’hekk, il-parti għall-proċedimenti kriminali; dan ma japplikax fil-każ imsemmi aktar ’il fuq) – bħala vittma, int tista’ titlob kumpens għad-danni, għal ħsara mhux pekunarja jew għal arrikkiment indebitu. Fil-prinċipju, int tkun xhud ukoll. Kawżi legali privati ma jeżistux skont l-ordinament ġuridiku Ċek; għaldaqstant, ma tistax tkun prosekutur privat.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Id-drittijiet tal-vittmi huma regolati primarjament mill-Att dwar il-Vittmi ta’ Reati u huma deskritti fi tweġibiet oħra.

Il-parti li ġarrbet il-ħsara jkollha numru ta’ drittijiet skont l-Att Nru 141/1961, Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, inkluża l-possibbiltà li jintalab kumpens għad-danni u għal ħsara mhux pekunarja kkawżati minn reat jew ir-restituzzjoni ta’ arrikkiment indebitu, jew il-possibbiltà li jsir appell kontra l-parti operattiva tad-deċiżjoni dwar il-kumpens għad-danni, għall-ħsara, jew restituzzjoni ta’ arrikkiment indebitu. Il-parti li ġarrbet il-ħsara għandha wkoll id-dritt li tippreżenta mozzjonijiet għal evidenza addizzjonali, tikkonsulta l-fajls, tattendi għall-proċess, tattendi għas-seduta pubblika dwar l-appelli, tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-kawża qabel ma jintemmu l-proċedimenti, tieħu sehem fin-negozjar tal-ftehim dwar il-ħtija u l-piena u tattendi s-seduta pubblika dwar l-approvazzjoni tagħha, id-dritt li tkun rappreżentata minn rappreżentant u d-dritt li tippreżenta appelli u rikorsi f’kawżi speċifiċi.

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? Taħt liema kundizzjonijiet? X’inhuma l-kundizzjonijiet?

Iva, tista’ tagħmel dikjarazzjoni dwar l-impatt tar-reat fuq ħajtek fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti kriminali, kemm b’mod verbali kif ukoll bil-miktub. Bħala vittma, jiġifieri bħala waħda mill-partijiet għall-proċedimenti, int tista’ tfittex, tippreżenta u tipproponi evidenza.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Fuq talba tiegħek, int tirċievi informazzjoni:

  • li l-proċedimenti kriminali ma nfetħux;
  • dwar l-istat tal-proċedimenti kriminali;
  • dwar il-klassifikazzjoni tal-att li bih hi akkużata l-persuna;
  • il-ħin u l-post tas-seduta pubblika tal-kawża quddiem il-qorti;

u tingħata wkoll id-deċiżjoni finali li ttemm il-proċedimenti.

Inkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Iva, bħala l-parti li ġġarrab il-ħsara, int għandek id-dritt li tikkonsulta l-fajl. Madankollu, għal raġunijiet serji, dan id-dritt jista’ jinċaħadlek mill-prosekutur pubbliku jew mill-awtorità tal-pulizija fil-proċedimenti ta’ qabel il-proċess.

L-aħħar aġġornament: 16/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.