Please note that the original language version of this page Greek has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Swipe to change

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Greece

Content provided by:
Greece
There is no official translation of the language version you are viewing.
You can access a machine translated version of this content here. Please note that it is only provided for contextual purposes. The owner of this page accepts no responsibility or liability whatsoever with regard to the quality of this machine translated text.

X’informazzjoni se ningħata mill-awtorità (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) wara li jkun seħħ ir-reat kriminali iżda saħansitra qabel ma nirrapporta r-reat?

Mill-ewwel kuntatt tiegħek mal-pulizija, jew awtorità kompetenti oħra, inti tingħata informazzjoni, mingħajr dewmien eċċessiv u bi kwalunkwe mezz disponibbli, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ kwerela kriminali, u dwar id-dritt li tissieħeb fil-proċedimenti ċivili bħala parti ċivili tfittex kumpens għad-danni (politikós enágon); dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tikseb assistenza legali, tippreżenta talba għad-danni, jew tikseb servizzi ta’ traduzzjoni u ta’ interpretazzjoni; dwar il-ġustizzja riparatriċi disponibbli, u l-awtoritajiet li jistgħu jaħdmu sabiex tissewwa l-ħsara billi jwettqu medjazzjoni bejnek u t-trasgressur; dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet l-ispejjeż imġarrba bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tiegħek fil-proċedimenti kriminali jistgħu jiġu rimborżati; u kif tista’ tagħmel ilment kontra awtorità jekk tħoss li d-drittijiet tiegħek ma ġewx irrispettati.

Minbarra d-drittijiet tiegħek fil-proċedimenti kriminali, inti tiġi infurmat ukoll

dwar l-aċċess għall-kura medika, u kwalunkwe appoġġ speċjalizzat, inklużi l-assistenza psikoloġika u l-akkomodazzjoni alternattiva, u dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu applikati miżuri protettivi.

Jekk tgħix fi Stat Membru ieħor tal-UE, inti tingħata informazzjoni speċifika dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek.

Il-firxa u l-kontenut tal-informazzjoni li tingħata jvarjaw skont il-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni personali partikolari tiegħek u t-tip u n-natura tar-reat. Matul il-proċedimenti tingħata informazzjoni addizzjonali u aktar komprensiva, fid-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti, skont il-ħtiġijiet tiegħek (l-Artikolu 57 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt li tirċievi informazzjoni mill-ewwel kuntatt ma’ awtorità kompetenti (l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/29/UE).

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti d-drittijiet tiegħi?

Jekk tgħix fi Stat Membru tal-UE li ma jkunx l-istat fejn twettaq ir-reat, inti tissejjaħ sabiex tagħmel dikjarazzjoni immedjatament wara li tirrapporta r-reat. Dan jista’ jsir skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Kódikas Poinikís Dikonomías — ‘KPD’) li jippermettu l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni, eż. vidjokonferenzi, bit-telefown jew bl-Internet (l-Artikolu 233(1) KPD).

Jekk tgħix il-Greċja u r-reat ikun twettaq fi Stat Membru ieħor tal-UE, inti tista’ tippreżenta kwerela kriminali għand il-prosekutur pubbliku fil-qorti tal-maġistrati (eisangeléas plimmeleiodikón) tal-post tar-residenza tiegħek, li jibgħat mingħajr dewmien eċċessiv il-kwerela tiegħek lill-awtorità tal-infurzar tal-liġi kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, permezz tal-prosekutur pubbliku fil-qorti tal-appell (eisangeléas efetón), sakemm il-qrati Griegi ma jkollhomx il-ġurisdizzjoni fil-materja. Il-prosekutur mhuwiex obbligat jibgħat il-kwerela tiegħek lill-Istat Membru fejn ikun twettaq ir-reat kriminali jekk tkun tapplika l-liġi Griega u l-proċedimenti kriminali jitressqu fil-Greċja. F’dak il-każ, sabiex ikun assigurat li inti tirċievi informazzjoni adegwata u sabiex tiġi promossa l-assistenza legali reċiproka, il-prosekutur fil-qorti tal-maġistrati li tittratta l-kawża jinnotifika b’dan lill-awtorità tal-infurzar tal-liġi kompetenti fl-Istat Membru fejn ikun twettaq ir-reat kriminali, mingħajr dewmien eċċessiv, permezz tal-prosekutur fil-qorti tal-appell.

(L-Artikolu 64 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-drittijiet ta’ vittmi residenti fi Stat Membru ieħor (l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2012/29/UE))

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Meta tippreżenta kwerela kriminali, l-uffiċjal responsabbli jrid jinfurmak li tista’ tikseb kopja tal-kwerela tiegħek.

(L-Artikolu 58 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt tal-vittmi meta jagħmlu kwerela (l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/29/UE))

Meta jiġi ppreżentat kwerela kriminali, din tingħata numru tar-reġistrazzjoni uniku tal-kwerela (arithmós vivlíou mínysis). Dak in-numru jippermettilek li timmonitorja l-kors tal-kawża tiegħek billi tuża r-reġistru miżmum fl-uffiċċju tal-prosekutur jew billi tikkuntattja lill-uffiċċju tal-kwereli responsabbli. Inti tista’ titlob u tikseb ukoll ċertifikat dwar il-progress tal-kawża (pistopoiitikó poreías) li jindika l-istadju attwali tal-proċedimenti (pereż. qiegħda titwettaq investigazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-validità tal-kwerela, jew qiegħda titwettaq investigazzjoni preliminari) u jiddeskrivi l-eżitu f’kull stadju (pereż. il-prosekutur waqqaf il-proċedimenti; tressqu akkużi kriminali u t-trasgressur ġie kommess għall-proċess, f’liema każ inti tiġi infurmat bil-ħin u l-post tal-proċess u n-natura tal-akkużi ppreżentati; għaddejja inkjesta ġudizzjarja qabel il-proċess (kyría anákrisi), jew saret ordni li twarrab l-akkużi jew ittemm il-prosekuzzjoni; ingħatat sentenza tal-qorti, jekk inti sseħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili biex tfittex kumpens għad-danni).

(L-Artikolu 59 tal-Liġi 4478, dwar id-dritt tal-vittmi li jingħataw informazzjoni dwar il-każ tagħhom (l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/29/UE))

Jekk il-kawża tiegħek taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Ateni (Protodikeío Athinón), meta tasal il-qorti, l-avukat tiegħek jista’ jimmonitorja l-progress tagħha fuq is-sit web tal-Kamra tal-Avukati ta’ Ateni (Dikigorikós Sýllogos Athinónhttp://www.dsa.gr/). Din l-opzjoni mhijiex disponibbli għall-vittmi nfushom, billi huwa meħtieġ l-użu tal-kredenzjali.

Għandi dritt għal servizzi ta’ interpretazzjoni jew ta’ traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Jekk ma tifhimx jew ma titkellimx bil-Grieg, inti tista’ tippreżenta kwerela kriminali b’lingwa li tifhem, jew tingħata l-assistenza lingwistika neċessarja, soġġett dejjem għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jew kwalunkwe liġi kriminali speċifika — inti tiġi infurmat dwar dan mill-uffiċjali responsabbli. Tista’ titlob traduzzjoni tal-kwerela tiegħek mingħajr ħlas.

(L-Artikolu 58 tal-Liġi 4478, dwar id-dritt tal-vittmi meta jagħmlu kwerela (l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/29/UE))

Jekk tkun se tiġi eżaminat bħala xhud fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti u ma tkunx titkellem jew tifhem il-Grieg tajjeb biżżejjed, inti tingħata s-servizzi ta’ interpretu mingħajr dewmien. Id-dritt għas-servizzi ta’ interpretazzjoni jinkludi l-forniment ta’ assistenza xierqa lill-persuni b’diffikultajiet fis-smigħ jew biex jitkellmu. Fejn ikun xieraq, tista’ tintuża teknoloġija tal-komunikazzjoni bħal vidjokonferenzi, it-telefown jew l-Internet, sakemm il-preżenza fiżika tal-interpretu ma tkunx meqjusa bħala assolutament essenzjali mill-persuna li tkun qiegħda teżaminak (l-Artikolu 233(1) KPD).

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

Fl-ewwel kuntatt tagħhom miegħek, il-pulizija jew awtoritajiet oħra se jikkomunikaw miegħek b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, oralment jew bil-miktub, billi jqisu l-karatteristiċi personali tiegħek, fosthom, prinċipalment, l-età, il-livell ta’ maturità, l-abbiltajiet intellettwali u mentali, l-edukazzjoni, il-ħiliet lingwistiċi, kwalunkwe diffikultà fis-smigħ jew biex titkellem, jew jekk tkunx f’diffikultà emozzjonali severa li taffettwa l-ħila tiegħek li tifhem jew li tinftiehem. Gwida għad-drittijiet tiegħek hija disponibbli bil-miktub fil-biċċa l-kbira tal-lingwi mitkellma b’mod komuni u bil-Braille (l-Artikolu 56(2) tal-Liġi 4478/2017 (l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/29/UE)). Barra minn hekk, jekk għandek diffikultà fis-smigħ jew biex titkellem, inti tiġi pprovdut b’assistenza xierqa minn interpretu (l-Artikolu 233(1) KPD).

Jien minorenni – għandi xi drittijiet speċjali?

Jekk inti minorenni (taħt l-età ta’ 18-il sena), ir-rappreżentant legali tiegħek (ġenitur jew kustodju) jista’ jirrapporta r-reat f’ismek. Jekk għandek aktar minn 12-il sena, tista’ tirrapporta r-reat flimkien mar-rappreżentant legali tiegħek (l-Artikolu 118(2) tal-Kodiċi Kriminali (Poinikós Kódikas — ‘PK’)).

Jekk ikollokx drittijiet speċjali matul il-proċedimenti kriminali jiddependi min-natura tar-reat. Pereżempju, jekk inti vittma ta’ ksur tal-libertà personali jew sesswali tiegħek, traffikar tal-bnedmin, turiżmu sesswali, serq ta’ persuna, ħtif ta’ persuna jew reat sesswali, inti għandek id-dritt li:

  • tikkonsulta l-fajl tal-kawża tiegħek, anki jekk ma tkunx isseħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili (l-Artikolu 108A KPD);
  • l-interrogazzjoni tiegħek tiġi rreġistrata sabiex tkun tista’ tintuża matul il-proċedimenti kriminali ulterjuri u ma jkollokx għalfejn terġa’ tidher quddiem il-prosekutur jew il-qorti (l-Artikolu 226A KPD);
  • tikseb l-assistenza ta’ psikologu jew ta’ psikjatra tat-tfal meta tkun qiegħed tiġi eżaminat bħala xhud;
  • tikseb informazzjoni dwar jekk it-trasgressur ikunx inħeles (l-Artikolu 108A KPD);
  • titlob ordni ta’ restrizzjoni kontra t-trasgressur li tipprojbih milli jikkuntattjak jew jersaq qrib id-dar tiegħek.
  • Barra minn hekk, inti dejjem intitolat:
  • għal valutazzjoni individwali, sabiex jiġi stabbilit jekk għandhomx jiġu applikati miżuri speċjali ta’ protezzjoni fejn ikun hemm ir-riskju ta’ vittimizzazzjoni ripetuta (l-Artikolu 68 tal-Liġi 4478/2017, dwar il-valutazzjoni individwali tal-vittmi biex jiġu identifikati ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni (l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/29/UE));
  • li titlob lill-prosekuzzjoni jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji jaħtru tutur għall-minorenni (epimelitís anilikón) sabiex jirrappreżentak fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti kriminali, jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jirrappreżentawk jew jekk ma tkunx akkumpanjat jew tkun separat mill-familja tiegħek (l-Artikolu 69(7) tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt għall-protezzjoni ta’ vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni waqt il-proċedimenti kriminali (l-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 2012/29/UE);
  • li titlob sabiex tissieħeb fil-proċedimenti bħala parti ċivili tfittex kumpens għad-danni, assistit mir-rappreżentant legali tiegħek (l-Artikolu 82(2) KPD).

X’informazzjoni nista’ nikseb mingħand il-pulizija jew mill-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi waqt l-investigazzjoni tar-reat?

Tista’ tikseb informazzjoni dwar l-istadju attwali tal-proċedimenti mingħand il-prosekutur pubbliku, jekk il-fajl tal-kawża (dikografía) jkun intbagħat lill-prosekutur.

Jekk tkun isseħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili, inti tista’ tikkonsulta l-kontenut tal-fajl tal-kawża u tingħata kopji tad-dokumenti ta’ ġo fih ladarba l-akkużat ikun issejjaħ sabiex jipprovdi stqarrija ta’ difiża (apología), jew ikun inħareġ mandat ta’ arrest (éntalma sýllipsis) jew mandat għal dehra obbligatorja (éntalma viaías prosagogís) (l-Artikolu 108 KPD), jew persuna suspettata tkun ġiet imsejħa mill-awtoritajiet sabiex tipprovdi spjegazzjonijiet. Sa dak il-ħin, il-proċedimenti huma kunfidenzjali.

Is-servizzi ta’ appoġġ u protezzjoni għall-vittmi jistgħu jipprovdu informazzjoni, pariri u appoġġ dwar kif tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, inkluż id-dritt li titlob kumpens għad-danni li tkun sofrejt bħala riżultat tar-reat, u r-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili jew bħala xhud (l-Artikolu 62 tal-Liġi 4478/2017, dwar l-appoġġ mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi (l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

X’inhuma d-drittijiet tiegħi bħala xhud?

Jekk tkun se tiġi eżaminat bħala xhud, inti tiġi ppreżentat taħrika mill-prosekutur jew mill-uffiċjal tal-pulizija li jkun qiegħed imexxi l-inkjesti preliminari, jew minn imħallef tal-qorti kriminali distrettwali (ptaismatodíkis) jew mill-imħallef inkwirenti (anakritís). Inti trid tidher u tixhed quddiemhom malli tirċievi t-taħrika. Inti tiġi mitlub tiddeskrivi x’ġara u, possibbilment, twieġeb xi mistoqsijiet addizzjonali. Jekk tiġi mill-persuna suspettata, inti tista’ tirrifjuta li tixhed (l-Artikolu 222 KPD).

Jekk għandek diffikultà fis-smigħ jew biex titkellem, l-eżami jista’ jitwettaq bil-miktub. Jekk ma titkellimx bil-Grieg, inti għandek id-dritt għas-servizzi ta’ interpretu mingħajr ħlas.

Jekk inti vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, inti tappartjeni għal grupp speċjali ta’ xhieda: inti se tirċievi assistenza minn qabel minn psikologu jew psikjatra, li jaħdmu f’kooperazzjoni mal-pulizija investigattiva jew mal-uffiċjali ġudizzjarji, li jużaw metodoloġiji dijanjostiċi xierqa sabiex jistabbilixxu l-kapaċità intellettwali u l-istat psikoloġiku tiegħek. Il-psikologu jew il-psikjatra jkun preżenti waqt l-eżami tiegħek. Inti tista’ tiġi akkumpanjat ukoll mir-rappreżentant legali tiegħek, sakemm l-imħallef inkwirenti ma joħroġx ordni li timpedih milli jattendi, waqt li jagħti r-raġunijiet għal dan.

Fejn ikun possibbli, ix-xhieda tiegħek se titniżżel u tiġi rreġistrata b’mod awdjoviżiv, sabiex tiġi sottomessa lill-qorti b’mod elettroniku, f’liema każ ma jkollokx għalfejn tkun fiżikament preżenti fi kwalunkwe stadju sussegwenti tal-proċedimenti.

Jekk il-każ ikun wieħed ta’ vjolenza domestika, u inti tkun membru tal-familja, ix-xhieda tiegħek ma titteħidx b’ġurament. Jekk inti minorenni, ma tiġix imsejjaħ biex tixhed fil-qorti. Minflok, inti tista’ tipprovdi stqarrija bil-miktub li tinqara fl-awla, sakemm il-preżenza fiżika tiegħek ma tkunx meqjusa bħala fundamentali.

Wara l-eżami tiegħek, inti tista’ tfittex ir-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li jista’ jkun li tkun għamilt (spejjeż tat-trasport jew tal-akkomodazzjoni) mingħand l-awtorità li tkun sejħitlek biex tixhed (l-Artikolu 288 KPD).

Kif nista’ nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

Huma disponibbli tipi differenti ta’ protezzjoni, skont in-natura tar-reat u r-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali.

Jekk inti vittma ta’ kriminalità organizzata jew terroriżmu u ġejt imsejjaħ biex tixhed bħala xhud ewlieni bħala parti minn investigazzjoni ġudizzjarja ta’ qabel il-proċess dwar attivitajiet kriminali, inti tista’ tfittex protezzjoni speċjali kontra r-ritaljazzjoni jew l-intimidazzjoni potenzjali. Jiddependi mill-każ, it-tip ta’ protezzjoni disponibbli tista’ tinkludi protezzjoni mill-pulizija, protezzjoni tal-anonimità tiegħek (ismek, il-post tat-twelid, l-indirizz tad-dar u tax-xogħol, l-impjieg, l-età, eċċ. jitħassru mir-rekords miktubin kollha), jew saħansitra bdil tal-identità u rilokazzjoni f’pajjiż ieħor. Tista’ titlob li tixhed permezz tat-teknoloġija awdjoviżiva. Jekk taħdem ma’ aġenzija pubblika, tista’ titlob ukoll trasferiment proviżorju jew permanenti għal pożizzjoni oħra. Il-miżuri ta’ protezzjoni se jkunu suġġetti għall-kunsens tiegħek, u se jillimitaw il-libertà tiegħek biss safejn ikun meħtieġ għas-sigurtà tiegħek innifsek; huma jistgħu jiġu sospiżi jekk inti titlob dan bil-miktub jew jekk tonqos milli tikkoopera sabiex tassigura s-suċċess tagħhom (l-Artikolu 9 tal-Liġi 2928/2001, dwar il-protezzjoni tax-xhieda).

Jekk inti vittma ta’ vjolenza domestika, l-uffiċjali tal-pulizija li jkunu qed jittrattaw il-każ tiegħek ma jistgħu taħt l-ebda ċirkustanza jiżvelaw l-identità tiegħek, l-identità tat-trasgressur, l-indirizz tad-dar tiegħek jew kwalunkwe informazzjoni li tista’ tikxef l-identità tiegħek (l-Artikolu 20 tal-Liġi 3500/2006).

Bħala vittma, inti tista’ tapplika bil-miktub għal miżuri sabiex jiġi evitat kwalunkwe kuntatt bejnek jew il-membri tal-familja tiegħek u t-trasgressur fil-postijiet fejn ikunu qegħdin jitwettqu l-proċedimenti kriminali. L-applikazzjoni tiegħek tinstema’ mill-qorti tal-maġistrati bi tliet membri (trimelés plimmeleiodikeío) tal-post fejn ikunu qegħdin jitwettqu l-proċedimenti kriminali, fi kwalunkwe stadju fil-proċedimenti, skont il-proċedura mħaffa għar-reati in flagrante delicto

(L-Artikolu 65 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt li jiġi evitat il-kuntatt bejn il-vittma u t-trasgressur (l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

L-aħħar aġġornament: 12/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.