Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Finland

Content provided by:
Finland

Int parti fil-proċedimenti tal-qorti jekk titlob piena jew kumpens għal reat kriminali. Tista’ tiġi interrogat ukoll għall-fini ta’ smigħ ta’ provi.

Jekk il-prosekutur iddeċieda li ma ssirx prosekuzzjoni, għandek id-dritt li tressaq l-akkużi int stess.

Kif nista’ nirrapporta reat?

Tista’ tirrapporta reat lill-pulizija fil-post fejn seħħ ir-reat, f’għassa tal-pulizija jew, fil-każ ta’ kontravvenzjonijiet, online jew bit-telefon. Għandek id-dritt li tirċievi konferma bil-miktub tar-rapport tar-reat tiegħek.

Kif nista’ nsir naf x’qed jiġri dwar il-każ?

Il-pulizija tipprovdilek dettalji ta’ kuntatt biex issegwi l-każ.

Għandi dritt għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? B’liema kundizzjonijiet?

Għandek id-dritt għall-assistenza minn konsulent legali biex tirrapporta reat, tkun interrogat u waqt il-proċess. Il-konsulent għandu jkun avukat, jew avukat tal-għajnuna legali pubblika jew konsulent legali liċenzjat.

Dawk li jaqilgħu dħul baxx u medju jistgħu jkunu intitolati għal għajnuna legali ffinanzjata mill-istat. F’każijiet bħal dawn, it-tariffa tal-konsulent titħallas mill-istat parzjalment jew kompletament. Tista’ tapplika għal għajnuna legali f’uffiċċju ta’ għajnuna legali pubblika jew permezz ta’ servizz elettroniku. Tista’ wkoll titlob lil ditti legali biex japplikaw għall-għajnuna legali f'ismek.

Il-qorti tista’ taħtar konsulent legali u persuna ta’ appoġġ għalik fil-każ ta’ vjolenza domestika, reati sesswali jew reati serji kontra ħajtek, saħħtek jew il-libertà tiegħek. F’każijiet bħal dawn, l-istat iħallas it-tariffa irrispettivament mid-dħul tiegħek.

Nista’ nitlob lura l-ispejjeż (biex nieħu sehem fl-investigazzjoni/fil-proċess)? B’liema kundizzjonijiet?

Jekk ġejt imħarrek biex tidher quddiem il-qorti biex tiċċara l-fatti tal-kawża, int intitolat li tirċievi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li ħallast biex tattendi l-qorti mill-Istat. Tista’ tirċievi allowance ta’ kuljum, spejjeż tal-ivvjaġġar u kumpens għal telf finanzjarju.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel ma mmur il-qorti?

Kwerela dwar id-deċiżjoni tal-prosekutur li ma ssirx prosekuzzjoni tista’ tiġi ppreżentata lill-Prosekutur Ġenerali, li għandu d-dritt li jinnotifika att ta’ akkuża ġdid.

Nista’ nkun involut fil-proċess?

Iva, tista’ tkun involut fil-proċess bħala parti fil-proċedimenti. Int parti fil-proċedimenti tal-qorti jekk titlob piena jew kumpens għal reat kriminali. Tista’ taqbel mal-digriet kriminali tal-prosekutur jew tista’ titlob xi pieni oħra. Tista’ tfittex kumpens mill-akkużat int stess, jew il-prosekutur jista’ jkun li segwa t-talba f’ismek.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien nista’ nkun jew nista' nagħżel li nkun: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Int parti fil-proċedimenti tal-qorti jekk titlob piena jew kumpens għal reat kriminali. Tista’ tiġi interrogat ukoll għall-fini ta’ smigħ ta’ provi.

Jekk il-prosekutur iddeċieda li ma ssirx prosekuzzjoni, għandek id-dritt li tressaq l-akkużi int stess.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Jekk dan ikun meħtieġ, tista’ tkun obbligat li tidher personalment fil-qorti biex jiġu ċċarati l-fatti tal-kawża. F’dan il-każ, int intitolat għal kumpens mill-istat għall-ispejjeż imġarrba.

Matul il-proċess, għandek dejjem tgħid il-verità.

Nista’ nagħmel dikjarazzjoni jew nixhed waqt il-proċess? B’liema kundizzjonijiet?

Jekk inti parti fil-proċedimenti, għandek id-dritt li tixhed. Fis-seduta ta’ smigħ ewlenija, tkun tista’ tippreżenta t-talba tiegħek u r-raġunijiet tagħha, tixhed u tagħmel dikjarazzjoni finali, li fiha tista’ tiddikjara l-opinjoni tiegħek rigward il-ħtija tal-akkużat u l-piena li għandha tiġi imposta.

X’informazzjoni se nirċievi waqt il-proċess?

Inti tiġi mħarrek għas-seduta ta’ smigħ ewlenija jekk il-preżenza tiegħek tkun meħtieġa biex tiċċara l-fatti tal-kawża jew jekk tkun infurmajt lill-qorti li beħsiebek tippreżenta talbiet li mhumiex segwiti mill-prosekutur.

Għandek id-dritt li tkun infurmat, b’talba tiegħek, dwar il-ħin u l-post tas-seduta tal-qorti kif ukoll il-verdett mogħti f'kawża kriminali.

Jista’ jkolli aċċess għall-fajls tal-Qorti?

Iva. Jekk inti parti fil-proċedimenti, għandek l-istess dritt li taċċessa l-fajls tal-qorti bħall-akkużat. Bħala regola, għandek id-dritt li tkun infurmat dwar il-kontenut tad-dokumenti tal-proċess, anki dawk li mhumiex fid-dominju pubbliku.

L-aħħar aġġornament: 05/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.