In the field of civil justice, pending procedures and proceedings initiated before the end of the transition period will continue under EU law. The e-Justice Portal, on the basis of a mutual agreement with the UK, will maintain the relevant information related to the United Kingdom until the end of 2024.

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Scotland

Content provided by:
Scotland

X’informazzjoni ser nirċievi mingħand l-awtorità wara li jseħħ ir-reat (pereżempju mingħand il-pulizija, il-prosekutur pubbliku), iżda anki saħansitra qabel ma nirrapporta r-reat?

Inti tista’ wkoll tikseb aċċess għal informazzjoni relatata ma’ reat billi tikkuntattja lill-organizzazzjonijiet rilevanti (Police Scotland, l-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prokuratur Fiskali, is-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi, is-Servizz tal-Ħabs Skoċċiż u Parole Scotland). Għal aktar informazzjoni, tista’ żżur it-taqsima dwar il-kriminalità, il-ġustizzja u l-liġi tas-sit web tal-Gvern Skoċċiż.

Jekk tiddeċiedi li tirrapporta reat lill-pulizija, huma joħorġulek kard għall-ħarsien tal-vittmi. Din tirrikonoxxi l-kwerela tiegħek u tipprovdilek aktar informazzjoni.

Il-Kodiċi tal-Vittmi għall-Iskozja jispjega wkoll għadd ta’ drittijiet li jista’ jinkiseb aċċess għalihom, skont f’liema stadju tkun tinsab fis-sistema tal-ġustizzja kriminali.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma mħarsa d-drittijiet tiegħi?

Anki jekk ir-reat ma jkunx ġie kommess fl-Iskozja, inti xorta tista’ tkun intitolat(a) għal protezzjoni meta tkun qed tgħix fl-Iskozja, bl-użu ta’ miżuri bħal:

L-Ordni ta’ Protezzjoni Ewropea (‘European Protection Order’ - EPO). L-EPO tippermetti li ordni magħmula minn qorti xi mkien ieħor fl-UE (pereżempju, il-projbizzjoni ta’ individwu partikolari milli jersaq lejk) tiġi rikonoxxuta u eżegwita fl-Iskozja. Inkella, jekk l-ordni tkun saret fl-Iskozja, din tkun tista’ tiġi ttrasferita lejn il-pajjiż fejn tgħix.

Aktar informazzjoni dwar l-EPO tista’ tinkiseb minn fuq is-sit web tas-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi.

Skont l-Att tal-2014 dwar il-Vittmi u x-Xhieda, inti tista’ tirrapporta reat kommess fi Stat Membru ieħor tal-UE lil Police Scotland, li għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-ilment jintbagħat mingħajr dewmien bla bżonn lill-awtorità xierqa tal-Istat Membru fejn ġie kommess ir-reat jew l-allegat reat.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni ser nirċievi?

Jekk tagħżel li tirrapporta reat, inti ser tirċievi kard għall-ħarsien tal-vittmi. Inti għandek ukoll id-dritt li titlob informazzjoni speċifika għall-każ tiegħek mingħand l-awtoritajiet li ġejjin.

  • Mingħand Police Scotland - informazzjoni dwar deċiżjoni sabiex ma tipproċedix b’investigazzjoni kriminali u kwalunkwe raġunijiet għaliha, u deċiżjoni sabiex ittemm investigazzjoni kriminali u kwalunkwe raġunijiet għaliha.
  • Mingħand l-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prokuratur Fiskali - jekk il-każ tiegħek ma jitressaqx il-qorti, inti għandek id-dritt li tiġi informat bir-raġunijiet għal dan u li titlob li ssir reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni.
  • Mingħand is-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi - id-dati ta’ kwalunkwe seduta tal-qorti, id-deċiżjoni finali ta’ qorti fi proċess jew kwalunkwe appell li jirriżulta mill-proċess, u kwalunkwe raġunijiet għal dan.

Jien intitolat(a) għal servizzi ta’ interpretazzjoni jew traduzzjoni mingħajr ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħrajn, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Matul il-proċess tal-ġustizzja kriminali, inti intitolat(a) li tifhem u tinftiehem waqt il-proċedimenti. Jekk għandek diffikultà sabiex tifhem jew titkellem bl-Ingliż, tista’ titlob għal interpretu sabiex jgħinek:

  • Tifhem kull mistoqsija li ssirlek;
  • Tifhem kwalunkwe informazzjoni li tingħatalek;
  • Tagħti t-tweġibiet u tipprovdi l-informazzjoni; u, altrimenti, tikkomunika b’mod effettiv.

Inti tista’ titlob ukoll li tingħata traduzzjoni ta’ dokument, jekk dan ikun ġie pprovdut lilek bil-liġi, jew jekk ikun essenzjali għall-parteċipazzjoni tiegħek fl-investigazzjoni jew fil-proċedimenti.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabbiltà)

L-informazzjoni hija disponibbli, fuq talba, f’varjetà ta’ formati, u dalwaqt ser tkun disponibbli verżjoni faċli biex tinqara tal-Kodiċi tal-Vittmi.

Appropriate Adults jgħinu sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn il-pulizija u vittmi ta’ 16-il sena u aktar li għandhom diffikultajiet ta’ komunikazzjoni bħala riżultat ta’ disturb mentali, inkluża diżabbiltà fit-tagħlim. Din isseħħ primarjament waqt l-interrogazzjonijiet tal-pulizija, iżda tista’ tinkludi wkoll l-eżamijiet forensiċi u l-proċeduri ta’ identifikazzjoni.

Is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jagħti appoġġ lill-vittmi?

Hemm għadd ta’ organizzazzjonijiet li jipprovdu appoġġ lill-vittmi, skont in-natura tar-reat.

  • Victim Support Scotland hija l-akbar organizzazzjoni karitatevoli li tipprovdi servizzi ta’ appoġġ u informazzjoni lill-vittmi u lix-xhieda ta’ reati fl-Iskozja. VSS tuża metodoloġija ta’ valutazzjoni bbażata fuq l-issodisfar tal-ħtiġijiet tal-individwi sabiex jipprovdu appoġġ personalizzat
  • Community Safety Glasgow (TARA) tipprovdi appoġġ lill-vittimi tat-traffikar fil-forma ta’ akkomodazzjoni fi kriżi, skont ħtieġa individwali, sa massimu ta’ 45 jum, ippjanar tal-ħarsien, riferiment suċċessiv u appoġġ sabiex jinkiseb aċċess għal pariri legali.
  • Migrant Help tappoġġja lil migranti vulnerabbli billi tipprovdi pariri u gwida lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil, Servizzi tad-Detenuti Nazzjonali Barranin u pariri lill-Priġunieri Nazzjonali Barranin.
  • Organizzazzjonijiet oħrajn jinkludu PETAL, Rape Crisis Scotland, Scottish Women's Aid, ChildLine.
  • Tista’ ssib id-dettalji ta’ kuntatt għall-organizzazzjonijiet kollha ta’ appoġġ għall-vittmi fi ħdan il-Kodiċi tal-Vittmi għall-Iskozja.

Il-pulizija ser jirreferuni awtomatikament għal servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi?

Il-pulizija jistaqsuk jekk tixtieqx li tiġi riferut għal servizzi ta’ appoġġ lill-vittmi u jgħaddulhom l-informazzjoni tiegħek biss jekk inti tkun tajt il-kunsens tiegħek sabiex isir dan.

Kif tiġi mħarsa l-privatezza tiegħi?

Meta tirrapporta reat, il-pulizija jieħdu passi sabiex jagħtuk l-appoġġ u jipproteġuk minn vittimizzazzjoni, intimidazzjoni u ritaljazzjoni ripetuti. F’termini ta’ appoġġ, dawn il-passi jistgħu jinkludu:

  • Li inti tiġi interrogat biss meta jkun meħtieġ.
  • Li jiġi żgurat li l-interrogazzjonijiet jkunu qosra kemm jista’ jkun.
  • L-użu ta’ faċilitajiet speċjalizzati għall-interrogazzjonijiet.
  • Il-qorti tista’, f’ċerti ċirkostanzi, timponi restrizzjonijiet fuq ir-rapportar tal-mezzi tax-xandir dwar il-każ li tkun involut(a) fih inti.

Għandi nirrapporta reat qabel ma jista’ jkolli aċċess għal servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi?

Le, inti għandek id-dritt li tuża s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, anki jekk ir-reat ma jkunx ġie rrapportat lill-pulizija.

Il-protezzjoni personali jekk inkun f’periklu

X’tipi ta’ protezzjoni hemm disponibbli?

Meta tirrapporta reat, il-pulizija jieħdu passi sabiex jagħtuk l-appoġġ għal kontra vittimizzazzjoni, intimidazzjoni u ritaljazzjoni ripetuti.

F’termini ta’ appoġġ, dawn il-passi jistgħu jinkludu:

  • Li inti tiġi interrogat biss meta jkun meħtieġ
  • Li jiġi żgurat li l-interrogazzjonijiet jinżammu f’minimu
  • L-użu ta’ faċilitajiet speċjalizzati għall-interrogazzjonijiet

Il-qorti tista’, f’ċerti ċirkostanzi, timponi restrizzjonijiet fuq ir-rapportar tal-mezzi tax-xandir dwar il-każ li tkun involut(a) fih inti. Il-qorti tista’ timponi wkoll kundizzjonijiet speċjali ta’ pleġġ għall-persuni akkużati, meta jkun xieraq.

Aktar informazzjoni dwar il-miżuri ta’ protezzjoni tista’ tinkiseb mingħand Police Scotland jew l-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prosekutur Fiskali.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

Ara hawn fuq.

Ser ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi sabiex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mit-trasgressur?

Ara hawn fuq.

Ser ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi sabiex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Ara hawn fuq.

X’tip ta’ protezzjoni hija disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

Ara hawn fuq.

Jien minorenni - għandi xi drittijiet speċjali?

Xi individwi jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli jew f’riskju minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom jew in-natura tax-xhieda li jistgħu jintalbu jagħtu lill-qorti. Hemm għażliet differenti disponibbli maħsuba biex jgħinu lil xhud vulnerabbli jixhed fil-qorti, bħal permezz ta’ konnessjonijiet live bit-TV jew minn wara skrin sabiex ma tkunx tista’ tara lill-persuna akkużata. Dawn jissejħu “miżuri speċjali”.

Aktar informazzjoni dwar il-miżuri speċjali tista’ tinkiseb mill-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prokuratur Fiskali u mis-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi. L-awtoritajiet rilevanti għandhom jistaqsuk ukoll jekk ikollokx xi tħassib dwar l-għoti tax-xhieda u jistgħu jgħinuk b’għażliet ta’ kif tixhed.

Skont il-liġi, it-tfal kollha (taħt it-18-il sena) huma kklassifikati bħala vulnerabbli u, flimkien mal-allegati vittmi ta’ abbuż domestiku, reati sesswali, traffikar tal-bnedmin u stalking, huma awtomatikament intitolati għall-użu ta’ ċerti miżuri speċjali standard. Xhud li jbati minn disturb mentali, diżabbiltà fit-tagħlim jew li qed isofri minn biża’ u diqa minħabba l-prospett li jrid jixhed jista’ jitqies ukoll bħala vulnerabbli. L-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prokuratur Fiskali ser iwettqu valutazzjoni sabiex jistabbilixxu l-vulnerabbiltà.

Is-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi għandu jiżgura wkoll li l-vittmi jkollhom żoni ta’ stennija separati mix-xhieda tad-difiża meta jkunu qegħdin jistennew sabiex jixhdu fil-qorti.

Membru tal-familja tiegħi miet kaġun tar-reat - x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Il-qraba tal-vittmi ta’ reati jista’ jkollhom ukoll aċċess għall-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi, inkluża Victim Support Scotland.

Meta membru tal-familja jkun miet minħabba r-reat, inti jista’ jkollok drittijiet (bħad-dritt għal informazzjoni dwar każ) daqs li kieku inti kont il-vittma tar-reat. Pereżempju, jekk inti għandek qarib li miet, għandek dritt li tikseb aċċess għal informazzjoni mill-pulizija.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fil-Kodiċi tal-Vittmi, kif ukoll fl-Istandards tas-Servizz prodotti b’mod konġunt minn Police Scotland, mill-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prokuratur Fiskali, mis-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi, mis-Servizz tal-Ħabs Skoċċiż u mill-Bord tal-Parole għall-Iskozja. (ara l-link hawn taħt)

Membru tal-familja tiegħi kien vittma ta’ reat - x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Il-qraba tal-vittmi ta’ reati jista’ jkollhom ukoll aċċess għall-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi, inkluża Victim Support Scotland.

F’xi ċirkostanzi (pereżempju jekk il-vittma tmut), membru tal-familja jista’ jkollu drittijiet (bħad-dritt għal informazzjoni dwar każ) daqs li kieku kien(et) il-vittma tar-reat.

Pereżempju, jekk inti għandek qarib li miet, għandek dritt li tikseb aċċess għal informazzjoni mill-pulizija. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-Kodiċi tal-Vittmi kif ukoll mill-Istandards tas-Servizz prodotti mis-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi.

Jista’ jkolli aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Ser inkun sikur(a) waqt il-medjazzjoni?

Sacro hija l-Organizzazzjoni tal-Ġustizzja tal-Komunità Skoċċiża li taħdem sabiex toħloq komunitajiet aktar sikuri u koeżivi madwar l-Iskozja. Huma jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni. Aktar dettalji huma disponibbli fuq is-sit web tagħhom.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tgħid x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Sabiex issib l-aktar informazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet tal-vittmi, tista’ taqra l-Kodiċi tal-Vittmi għall-Iskozja, li huwa disponibbli hawnhekk.

L-aħħar aġġornament: 30/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.