Imputati (proċeduri kriminali)

Estonia

Content provided by:
Estonia

Fejn isir is-smigħ?

Il-kawżi kriminali kollha jinstemgħu mill- qrati tal-kontej. B'mod ġenerali, id-deċiżjoni tittieħed minn imħallef uniku. Il-kawżi kriminali dwar delitt tal-ewwel grad jinstemgħu minn qorti ffurmata minn president tal-qorti u żewġ ġudikanti lajċi.

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jkun pubbliku?

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jkun pubbliku.

Il-qorti tista’ tiddikjara l-proċess parzjalment jew għal kollox privat:

  • sabiex tipproteġi sigrieti tal-Istat jew sigrieti kummerċjali;
  • sabiex tipproteġi l-morali, il-familja jew il-ħajja privata;
  • fl-interessi ta’ minorenni;
  • fl-interessi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, inkluż f’każijiet fejn smigħ pubbliku jista’ jipperikola s-sigurtà tal-qorti, tal-parteċipanti fil-proċedimenti jew tax-xhieda.

L-akkużi jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Qabel tmiem is-smigħ fil-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni jista’ jbiddel l-akkużi jew iżid mal-akkużi kontra tiegħek. Jekk jiġri dan, l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni jipprepara att ta’ akkuża ġdid. Dan ma jsirx jekk l-akkużi jinbidlu favurik. Jekk l-akkużi jinbidlu, inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li titolbu li l-kawża tiġi posposta, sabiex tkunu tistgħu tippreparaw id-difiża tiegħek.

X’jiġri jekk niddikjara li jiena ħati ta’ wħud mill-akkużi jew tal-akkużi kollha waqt is-smigħ?

L-istqarrija tiegħek tiġi ttrattata bħala prova tad-delitt. Jekk inti tiddikjara li inti ħati, l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni xorta jrid jistabbilixxi l-ħtija tiegħek permezz ta’ provi oħra.

Bilfors irrid inkun preżenti waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali? Jista’ jsir mingħajri?

L-akkużat bilfors irid ikun preżenti għall-proċess. B’mod eċċezzjonali, is-smigħ jista’ jsir mingħajrek fil-każijiet li ġejjin:

  • meta inti ħloqt disturb waqt is-smigħ, injorajt l-ordnijiet tal-imħallef u ntbgħatt barra mill-awla minħabba f’hekk;
  • inti ma intix fir-Repubblika tal-Estonja, ma dehertx fil-qorti u huwa possibbli li l-kawża tinstema’ fl-assenza tiegħek;
  • fejn wara l-interrogazzjoni tiegħek fil-qorti inti tkun fi stat tali li ma tkunx tista’ tkompli tipparteċipa fil-proċess quddiem il-qorti kriminali u huwa possibbli li l-kawża tinstema’ fl-assenza tiegħek.

Jekk ngħix f’pajjiż ieħor, nista’ nipparteċipa permezz ta’ konnessjoni bil-vidjo?

Il-qorti għandha d-dritt li tħallik tipparteċipa fis-smigħ permezz ta’ konnessjoni bil-vidjo jekk huwa problematiku għalik li tidher fil-qorti. Dan huwa possibbli biss bil-kunsens tiegħek.

Niġi pprovdut bi traduzzjoni jekk ma nifhimx xi jkun għaddej?

Jekk ma tistax tifhem il-lingwa tal-proċess fil-qorti, il-qorti trid tipprovdik b’interpretu waqt is-smigħ. Ikun ipprovdut biss servizz ta’ interpretar (ma tkun ipprovduta l-ebda traduzzjoni bil-miktub).

Bilfors irid ikolli avukat? Ningħata avukat?

Bilfors irid ikollok avukat u jekk ma għażiltx avukat inti stess, jinħatar wieħed għalik mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati Estonjana (ara l-Iskeda Informattiva 1).

Nista’ nitkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali? Bilfors irrid nitkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Inti għandek id-dritt li titkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali u li tesprimi fehmtek dwar iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ tiegħek. Ma hemmx għalfejn titkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali u għandek id-dritt li tibqa’ sieket.

X’jiġri jekk ma ngħidx il-verità waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

L-akkużat mhuwiex obbligat li jgħid il-verità fil-qorti. Jekk inti ma tgħidx il-verità, ma tista’ tiġi imposta l-ebda sanzjoni fil-konfront tiegħek. Jekk waqt is-smigħ jiġi pprovat li inti ma għidtx il-verità fil-qorti, ix-xhieda kollha tiegħek (inkluża l-parti li tkun vera) tista’ tiġi kkunsidrata bħala inaffidabbli. F’każ bħal dan, ix-xhieda tiegħek ma tiġix ikkunsidrata bħala prova.

Nista’ nimpunja l-provi li jiġu ppreżentati kontra tiegħi?

Inti għandek id-dritt li tippreżenta oġġezzjonijiet għall-provi mogħtija kontra tiegħek fil-qorti. Il-provi ma jkunux ammissibbli fil-qorti jekk dawn ikunu nkisbu bi ksur fundamentali tal-liġi. Inti għandek id-dritt li timpunja l-affidabbiltà tal-provi kif ukoll jekk hijiex legalment ammissibbli.

Inti u l-avukat tiegħek tistgħu topponu l-provi verbalment u bil-miktub waqt kull fażi tal-proċedura sa tmiem il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

X’tip ta’ provi nista’ nippreżenta għad-difiża tiegħi?

Fil-qorti, inti għandek id-dritt li tippreżenta l-provi kollha li huma rilevanti għall-każ u li nkisbu legalment.

X’kundizzjonijiet japplikaw għall-provi tiegħi?

Ġeneralment, sabiex jiġu ppreżentati provi ġodda, trid titressaq talba wara li jkun ġie eżaminat il-fajl kriminali jew mill-inqas tlett (3) ijiem ta’ xogħol qabel is-seduta preliminari. Madankollu, huwa wkoll possibbli li jiġu ppreżentati provi ġodda waqt il-proċess fil-qorti, jekk ma kienx possibbli li jiġu ppreżentati qabel, minħabba raġunijiet validi.

Nista’ nqabbad investigatur privat biex jiġbor il-provi?

Inti għandek id-dritt li tqabbad investigatur privat sabiex tikseb il-provi. Il-provi miġbura mill-investigatur privat huma ammissibbli fil-qorti jekk l-investigatur privat ikun kisibhom mingħajr ma kiser il-liġi.

Nista’ nitlob lil xhieda biex jitkellmu favur tiegħi?

Inti għandek id-dritt li titlob li l-persuni li jkollhom informazzjoni importanti li tkun meħtieġa sabiex jissolva l-każ tiegħek, jiġu mistiedna jattendu l-qorti.

Nista’ jiena jew l-avukat tiegħi nagħmel mistoqsijiet lil xhieda oħrajn fil-każ tiegħi? Nista’ jiena jew l-avukat tiegħi nimpunja dak li jgħidu?

Inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li tagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda kollha. Inti għandek id-dritt li tesprimi fehmtek dwar ir-rilevanza u l-veraċità ta’ dikjarazzjoni ta’ xhud. Inti għandek id-dritt li tippreżenta prova li turi li d-dikjarazzjoni tax-xhud hija żbaljata jew li tqajjem dubju dwar kemm huwa affidabbli.

Tiġi kkunsidrata l-informazzjoni dwar ir-reati preċedenti li nkun wettaqt?

Fil-qorti tista’ tiġi kkunsidrata biss l-informazzjoni dwar ir-reati preċedenti li wettaqt li tkun irreġistrata fir-reġistru tal-pieni u li ma tkunx tneħħiet mill-kondotta tiegħek (reat jitneħħa mill-kondotta tiegħek bejn sena (1) u għaxar (10) snin minn meta tiskonta s-sentenza tiegħek, skont kemm ikun serju r-reat.

Tista’ tiġi kkunsidrata anki informazzjoni minn pajjiżi oħrajn dwar ir-reati preċedenti li tkun wettaqt. Ir-reati li għandhom jitqiesu fil-qorti jridu jkunu stabbiliti fl-att ta’ akkuża. Fil-każ ta’ ċerti delitti, il-fatt li qabel tkun wettaqt delitt simili jista’ jwassal biex tkun imposta piena iktar serja.

X’inhuma l-eżiti possibbli tal-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Wara l-proċess, il-qorti jew teħilsek mill-akkużi jew issibek ħati. Inti tinħeles mill-akkużi jekk, waqt il-proċess ma jiġix ipprovat li d-delitt twettaq jew li d-delitt wettaqtu inti. Tinħeles mill-akkużi wkoll jekk l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni jwaqqa’ l-akkużi kontra tiegħek. Inti tinsab ħati jekk jiġi pprovat fil-qorti li inti wettaqt id-delitt.

Jekk inti tinsab ħati, il-qorti timponi piena fuqek skont il-liġi. Il-pieni possibbli huma:

  • multa, li l-ammont tagħha jista’ jkun minn 30 sa 500 darba d-dħul medju tiegħek ta’ kuljum;
  • sentenza ta’ ħabs ta’ bejn 30 jum u 20 sena jew sentenza ta’ għomrok il-ħabs.

Jekk inti taqbel, il-qorti tista’ tissostitwixxi l-ħabs b’servizz fil-komunità.

F’ċerti ċirkustanzi, il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li tagħtik probation. Jekk dan ikun il-każ, inti ma tiskontax is-sentenza oriġinali jew tiskonta biss parti minnha, sakemm ma twettaqx delitt ieħor waqt il-perjodu tal-probation. Il-perjodu tal-probation huwa ta’ bejn tlieta (3) u ħames (5) snin.

Minbarra l-pieni prinċipali, il-qorti tista’ timponi pieni addizzjonali, bħal meta ma tħallikx tinvolvi ruħek f’ċerti attivitajiet jew tkeċċik mill-Estonja. Barra minn hekk, kwalunkwe proprjetà li jkollha x’taqsam mad-delitt tista’ tiġi kkonfiskata.

X’inhu r-rwol tal-vittma waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-vittma għandha d-dritt li tipparteċipa fil-proċess, tagħmel dikjarazzjonijiet u tippreżenta provi, titlob għad-danni biex ikun kopert it-telf ikkawżat mid-delitt u tesprimi fehmitha dwar is-sentenza proposta mill-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni sabiex inti tiġi kkastigat

Links relatati

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali bl-Ingliż (ma jinkudix l-emendi kollha)

Il-Kodiċi Penali

Il-Kodiċi Penali bl-Ingliż (ma jinkudix l-emendi kollha)

L-aħħar aġġornament: 01/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.