Please note that the original language version of this page Latvian has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: French have already been translated.
Swipe to change

Tipi ta’ professjonijiet legali

Latvia

Din it-taqsima tagħtik ħarsa ġenerali tad-diversi professjonijiet legali fil-Latvja.

Content provided by:
Latvia

Prosekuturi

Organizzazzjoni

L-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja (Prokuratūra) huwa awtorità ġudizzjarja unifikata, ċentralizzata u maqsuma fi tliet livelli. L-Uffiċċju jitmexxa mill-Prosekutur Ġenerali (ģenerālprokurors). L-għan tiegħu huwa li jieħu miżuri kontra l-ksur tal-liġi u jiżgura illi l-kawżi relatati ma’ tali ksur jiġu deċiżi f’konformità mal-proċedura prevista mil-liġi. L-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni jinkludi istituzzjonijiet fil-livelli li ġejjin:

  1. l-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (Ģenerālprokuratūra);
  2. l-uffiċċji tal-prosekuzzjoni tar-reġjuni ġudizzjarji (tiesu apgabalu prokuratūras);
  3. l-uffiċċji tal-prosekuzzjoni distrettwali jew tal-ibliet (rajonu [republikas pilsētu] prokuratūras);
  4. l-uffiċċji speċjalizzati tal-prosekuzzjoni (specializētās prokuratūras).

Fejn ikun meħtieġ, il-Prosekutur Ġenerali jista’ jwaqqaf uffiċċju tal-prosekuzzjoni settorjali speċjalizzat li jkollu l-istess status ta’ uffiċċju tal-prosekuzzjoni distrettwali jew reġjonali. Bħalissa hemm ħames uffiċċji speċjalizzati tal-prosekuzzjoni fil-Latvja:

  1. uffiċċju speċjalizzat tal-prosekuzzjoni għall-kriminalità organizzata u oqsma oħra,
  2. uffiċċju speċjalizzat tal-prosekuzzjoni multisettorjali,
  3. uffiċċju tal-prosekuzzjoni għat-trasport bit-triq ta’ Riga,
  4. uffiċċju tal-prosekuzzjoni għall-investigazzjoni tar-reati finanzjarji u ekonomiċi,
  5. uffiċċju tal-prosekuzzjoni għall-investigazzjoni ta’ reati li jinvolvu ċ-ċirkolazzjoni illegali tad-drogi.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur-Ġenerali jista’ jissorvelja wkoll ix-xogħol tal-korpi pubbliċi li, għalkemm ma jwettqux funzjonijiet ta’ prosekuzzjoni, xorta jgħinu fl-implimentazzjoni ta’ ċerti kompiti fil-proċedimenti kriminali li jaqgħu fil-kompetenza tagħha. Dawn il-korpi jiġu mwaqqfa, riorganizzati u xolti mill-Prosekutur Ġenerali. Il-Prosekutur Ġenerali jieħu wkoll deċiżjonijiet dwar l-istruttura u n-numru ta’ persunal ta’ dawn il-korpi f’konformità mar-riżorsi allokati mill-Baġit tal-Istat. S’issa twaqqaf biss korp wieħed ta’ din ix-xorti, jiġifieri s-Servizz ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus.

L-Uffiċċji tal-Prosekuzzjoni huma parti mis-sistema tal-qrati; dan ifisser illi huma joperaw indipendentement mill-fergħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva. Is-Saeima (il-Parlament Latvjan), il-Kabinett tal-Ministri u l-President jistgħu jaħtru uffiċċju tal-prosekuzzjoni biex jivverifika l-fatti marbuta mal-ksur u jitolbu spjegazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali. Madankollu ma jistgħux jintervjenu fix-xogħol tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni konċernat, anke jekk ikun qed jinvestiga ksur ta’ importanza kbira nazzjonali.

Il-prosekuturi jistgħu jippreżentaw oġġezzjonijiet kontra l-leġiżlazzjoni adottata mill-Kabinett u l-awtoritajiet pubbliċi li ma tkunx skont il-liġi. Il-Prosekutur Ġenerali u l-Kapijiet Prosekuturi tad-dipartimenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-Kabinett u jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu diskussi.

Rwol u dmirijiet

Id-dmirijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni f’investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jinsabu fl-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni.

L-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni:

  1. jissorvelja l-ħidma operazzjonali fuq il-post tal-awtoritajiet ta’ investigazzjoni u korpi oħra;
  2. jorganizza, imexxi u jwettaq l-investigazzjonijiet ta’ qabel il-proċess u jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet ta’ investigazzjoni dwar kif għandhom imexxu l-investigazzjonijiet kriminali;
  3. jibda u jwettaq il-prosekuzzjonijiet kriminali;
  4. iħares id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-individwi u tal-Istat;
  5. f’każijiet previsti mil-liġi, jissottometti dokument li bih jinbdew il-proċedimenti jew rikors fil-qorti.

F’konformità mal-Artikolu 36(1) tal-Liġi dwar il-proċedura kriminali, fi proċedimenti kriminali, prosekutur għandu jwettaq funzjonijiet relatati mas-superviżjoni tal-investigazzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni kriminali, jappoġġa prosekuzzjoni mill-Istat u funzjonijiet oħra.

Pro­sekutur ta’ superviżjoni

Il-prosekutur ta’ superviżjoni jissorvelja l-investigazzjoni ta’ każ kriminali partikolari u jista’:

  1. jiċħad id-deċiżjonijiet ta' uffiċjal li jkun qed imexxi l-proċedimenti jew ta' membri ta' tim ta' investigazzjoni;
  2. jitlob illi s-superjur immedjat ta' investigatur jissostitwixxi lill-uffiċjal li jkun qed imexxi l-proċedimenti jew jagħmel tibdil fil-kompożizzjoni tat-tim ta' investigazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-istruzzjonijiet jew ksur ta' proċedura li tista' xxekkel il-progress tal-proċedimenti kriminali;
  3. jikkunsidra lmenti dwar l-azzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ta’ uffiċċji li jkunu qed imexxu proċedimenti jew ta’ membri ta’ tim ta’ investigazzjoni, ta’ superjur immedjat ta’ investigatur jew ta’ persuna bi dmirijiet marbuta mal-proċedimenti;
  4. jieħu deċiżjonijiet dwar il-bidu ta’ proċedimenti kriminali jew ir-rinviju lil awtorità oħra tal-investigazzjoni;
  5. jieħu azzjonijiet proċedurali wara li jkun innotifika dwar dan lill-uffiċjal li jkun qed iwettaq il-proċedimenti.

Uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti

Il-prosekutur ta’ superviżjoni (jew prosekutur ieħor, fuq struzzjonijiet ta’ prosekutur anzjan) jista’ jsir l-uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti (procesa virzītājs). Dan jinvolvi li jieħu f’idejh it-tmexxija tal-proċedimenti kriminali u t-teħid ta’ deċiżjoni dwar jekk tinbediex il-prosekuzzjoni kriminali. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Prosekutur Ġenerali, id-Dipartiment tal-Liġi Kriminali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jew il-Prosekutur Ewlieni ta’ qorti ġudizzjarja jista’ jaħtar prosekutur pubbliku biex imexxi l-proċeduri fl-istadju tal-investigazzjoni.

Fil-kapaċità ta’ uffiċjal li jkun qed imexxi l-proċedimenti, il-prosekutur jista’:

  1. jasal għal ftehim mal-akkużat rigward ammissjoni ta' ħtija;
  2. jieħu deċiżjoni dwar ir-rinviju ta’ kawża kriminali lil-qorti;
  3. jissottometti kawża għad-deċiżjoni bi proċedura speċjali;
  4. itemm il-proċedimenti kriminali meta jkun hemm ġustifikazzjoni leġittima biex jagħmel dan.

L-uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti jista’ jieħu kwalunkwe deċiżjoni proċedurali u jwettaq kwalunkwe azzjoni proċedurali, jew jirrinvjahom lil membru tat-tim ta’ investigazzjoni jew lil persuna li twettaq dmirijiet proċedurali.

Prosekutur anzjan

F’konformità mal-proċedura stabbilita mil-liġi, prosekutur anzjan jivverifika jekk prosekutur pubbliku jkunx qed iwettaq id-dmirijiet li jkunu ġew fdati lilu u jiddeċiedi dwar ilmenti u twissijiet fir-rigward tad-deċiżjonijiet u l-miżuri tal-prosekutur ta’ superviżjoni u l-prosekutur/uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti. Prosekutur anzjan jista’, pereżempju, jieħu deċiżjoni dwar proposta mill-prosekutur ta’ superviżjoni biex jinbidel is-superjur immedjat tal-investigatur jew tal-korp investigattiv, jew dwar jekk iċ-ċaħda ta’ akkuża hijiex ġustifikata u legali.

Il-prosekutur anzjan jista’:

  1. jiċħad id-deċiżjonijiet ta’ investigatur, membru ta’ grupp investigattiv jew prosekutur anqas anzjan;
  2. jaħtar jew jissostitwixxi prosekutur ta’ superviżjoni jew prosekutur/uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti, jekk is-superviżjoni u l-prosekuzzjoni ma jkunux garantiti għalkollox, jew jieħu r-responsabbiltà fuqu stess;
  3. jistabbilixxi grupp investigattiv jekk l-ammont ta’ xogħol iqiegħed fil-periklu t-tlestija tal-proċedimenti kriminali fi żmien raġonevoli;
  4. jitlob illi jinħatar superjur immedjat ieħor minflok l-investigatur, jew li l-investigazzjoni kriminali tiġi assenjata lil korp investigattiv differenti.

B’deċiżjoni tal-prosekutur anzjan, prosekutur jista’ jiġi inkluż f’tim investigattiv; l-uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti jista’ jitlob illi l-prosekutur iwettaq aktar dmirijiet proċedurali.

Imħallfin

Organizzazzjoni

Il-bażi kostituzzjonali għall-ġudikatura huma l-Artikoli 82 sa 86 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja (Latvijas konstitūcija), li jgħidu illi l-ġustizzja ssir biss mill-qrati. L-imħallfin huma indipendenti u huma responsabbli biss lejn il-liġi. Il-ġudikatura hija regolata mil-Liġi dwar il-ġudikatura. Skont il-leġiżlazzjoni Latvjana, l-imħallfin huma impjegati taċ-ċivil.

L-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet soċjali u politiċi u persuni fiżiċi u oħrajn għandhom id-dmir li jirrispettaw u josservaw l-indipendenza tal-qrati u l-immunità tal-imħallfin. Ħadd ma għandu d-dritt jitlob lil imħallef biex jispjega jew jagħti rendikont ta’ kif ittratta każ partikolari, jew li jintervjeni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, irrispettivament mir-raġuni għalfejn qed jistaqsi. L-imħallfin huma protetti mill-immunità ġudizzjarja meta jkunu qed jaqdu dmirijiethom fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-kariga ta’ mħallef hija inkompatibbli ma’ affiljazzjoni ma’ partit politiku jew kull organizzazzjoni politika oħra.

Rwol u dmirijiet

Huwa d-dmir tal-imħallfin li jamministraw il-ġustizzja f’kawżi ċivili, amministrattivi u kriminali f’konformità mal-liġi.

Fil-kawżi ċivili, l-imħallfin jisimgħu u jiddeċiedu kawżi marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet (ċivili, tax-xogħol, tal-familja, eċċ.) u l-interessi leġittimi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi.

Fil-kawżi kriminali, l-imħallfin jisimgħu l-akkużi miġjuba kontra persuni u jiddeċiedu dwar il-merti tagħhom. L-imħallfin jistgħu jilliberaw persuni innoċenti jew isibu persuna ħatja ta’ reat kriminali u jimponu piena fuqha.

Fil-kawżi amministrattivi, l-imħallfin iwettqu stħarriġ ġudizzjarju dwar il-legalità tal-azzjonijiet tal-eżekuttiv (l-atti amministrattivi maħruġa mill-awtoritajiet jew azzjonijiet speċifiċi li jieħdu) u jittrattaw it-tilwim minħabba relazzjoni rregolata mil-liġi pubblika. L-imħallfin jikkjarifikaw ukoll id-drittijiet u l-obbligi legali tal-individwi privati skont il-liġi pubblika. Fil-kawżi ta’ ksur tal-liġi amministrattiva, l-imħallfin jisimgħu u jiddeċiedu l-kawżi marbuta mal-ksur amministrattiv.

Id-dmirijiet professjonali tal-imħallfin ikopru d-dmirijiet kollha tal-imħallfin u l-qrati skont il-liġi proċedurali.

Bażijiet tad-data legali

Il-ġudikatura għandha l-portal tagħha stess, il-Portal tal-Qrati Nazzjonali tal-Latvja, li bħalissa huwa disponibbli bil-Latvjan biss. Dan jagħti dettalji dwar is-sistema tal-qrati Latvjana, lista tal-qrati u l-imħallfin Latvjani, statistika tal-qrati u deskrizzjoni qasira tal-proċeduri li japplikaw f’diversi proċedimenti tal-qorti, fejn tispjega l-karatteristiċi u d-differenzi prinċipali tagħhom, kif ukoll informazzjoni dwar kif għandhom jitressqu kawżi quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji.

Il-portal tas-servizzi elettroniċi tal-qrati Latvjani min-naħa tiegħu jipprovdi aċċess għal deċiżjonijiet tal-qorti anonimizzati, ġurisprudenza, għall-iskeda tas-sessjonijiet tal-qorti u informazzjoni oħra.  Id-dħul tan-numru ta’ referenza ta’ kawża jew ċitazzjoni fit-taqsima “Tiesvedības gaita” [status tal-proċedimenti] jipprovdi informazzjoni dwar l-istatus eżatt tal-proċedimenti tal-kawża u juri liema qorti qed tisma’ l-kawża u f’liema istanza, skeda tas-seduti tal-qorti li ġejjin, deċiżjonijiet adottati, oġġezzjonijiet sottomessi u r-riżultat tal-proċedimenti legali.

Ir-rapporti tal-Qorti jiġu ppubblikati wkoll fis-sit web tal-Uffiċċju tal-Qrati.

Tiġi ppubblikata wkoll informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ politika reċenti marbuta mas-sistema tal-qrati fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja Latvjan. Il-portal huwa disponibbli wkoll bl-Ingliż.

L-informazzjoni elettronika dwar il-Qorti Suprema u l-attivitajiet tagħha hija disponibbli fis-sit web tal-Qorti Suprema. Il-portal huwa disponibbli wkoll bl-Ingliż.

Avukati

Organizzazzjoni

L-avukati huma professjonisti legali indipendenti li jipprovdu assistenza legali, jiddefendu u jirrappreżentaw l-interessi leġittimi ta’ individwi fil-qorti u fl-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess, jipprovdu pariri legali, ifasslu dokumenti legali u jwettqu dmirijiet legali oħra.

L-avukati huma membri tas-sistema ġudizzjarja li jressqu kawżi fi kwalunkwe qorti tal-liġi jew korp ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fir-Repubblika tal-Latvja wara li jkunu ntgħażlu u nħatru mill-partijiet f’tilwima, minn konvenuti u minn partijiet interessati oħra (il-klijenti), kif ukoll fil-każijiet previsti mil-liġi f’isem il-Prim Imħallef ta’ qorti, il-kap ta’ korp ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jew il-Kunsill Latvjan tal-Avukati Ġuramentati. L-avukati jipprovdu wkoll tipi oħrajn ta’ assistenza legali f’konformità mal-proċedura prevista mil-liġihttp://www.likumi.lv/doc.php?id=59283.

Fil-Latvja, dawn li ġejjin jistgħu jipprattikaw bħala avukati:

  1. ċittadini Latvjani;
  2. ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jkunu kkwalifikaw biex jipprattikaw bħala avukati f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (avukati ta’ Stati Membri tal-UE);
  3. avukati barranin (minbarra avukati tal-Istati Membri tal-UE) li jistgħu jipprattikaw fil-Latvja f’konformità ma’ ftehimiet internazzjonali dwar l-assistenza legali li huma vinkolanti fuq il-Latvja.

L-avukati ġuramentati kollha huma membri indipendenti tal-professjoni legali li ngħaqdu flimkien fil-Kulleġġ Latvjan tal-Avukati Ġuramentati (Latvijas Zvērinātu advokātu kolēģija), li huwa korp nazzjonali professjonali indipendenti ta’ avukati ġuramentati. Il-korpi li jiffurmaw il-Kulleġġ Latvjan tal-Avukati Ġuramentati huma l-assemblea ġenerali tal-Avukati Ġuramentati, il-Kunsill Latvjan tal-Avukati Ġuramentati, il-Kumitat tal-Awditjar u l-Kumitat tad-Dixxiplina.

Bażijiet tad-data legali

Informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Kulleġġ Latvjan tal-Avukati Ġuramentati u tal-Kunsill Latvjan tal-Avukati Ġuramentati, dwar il-liġijiet u r-regolamenti, l-avukati u l-qrati li jipprattikaw quddiemhom (bid-dettalji ta’ kuntatt), flimkien ma’ dettalji ta’ kwistjonijiet oħra dwar il-professjoni legali Latvjana, tinsab fuq is-sit web tal-Kunsill Latvjan tal-Avukati Ġuramentati.

Nutara

Organizzazzjoni

Il-materji notarili taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji huma fdati lil nutara ġuramentati f’konformità mal-proċedura stabbilita mil-Liġi dwar in-nutara. In-nutara ġuramentati huma membri tas-sistema ġudizzjarja li jaħdmu mal-qrati reġjonali u jwettqu d-dmirijiet definiti għalihom skont il-liġi. Fit-twettiq ta’ dmirijiethom, in-nutara ġuramentati huma ekwivalenti għal uffiċjali pubbliċi. Fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, in-nutara ġuramentati jgawdu minn awtonomija finanzjarja, l-onorarji tagħhom jiġu stabbiliti mill-Kabinett tal-Ministri.

Skont il-Liġi dwar in-nutara, in-nutara ġuramentati huma awtorizzati:

  1. ifasslu l-atti notarili;
  2. ifasslu ċ-ċertifikati notarili;
  3. iżommu flus, titoli u dokumenti;
  4. iżommu oġġett suġġett għal obbligu;
  5. jittrattaw kwistjonijiet ta’ wirt;
  6. ifasslu proposti għad-diviżjoni ta’ proprjetà fil-każijiet previsti mil-liġi;
  7. imexxu l-proċedimenti tad-divorzju (sakemm iż-żewġ konjuġi jkunu ftiehmu bejniethom bil-miktub u ma jkunx hemm xi kwistjoni li għad trid tiġi deċiża);
  8. iwettqu azzjonijiet oħra previsti fil-liġijiet.

Skont il-Liġi dwar in-nutara, in-nutara ġuramentati jistgħu wkoll:

  1. jindirizzaw il-konsolidazzjoni tad-drittijiet u l-iżgurar tad-drittijiet fir-reġistri tal-artijiet, u r-reġistrazzjoni tad-drittijiet, l-iżgurar tad-drittijiet u dettalji oħra fir-Reġistru tal-Artijiet tal-Istat u fir-reġistri miżmuma mir-Reġistru tal-Kumpaniji;
  2. jiksbu mingħand istituzzjonijiet pubbliċi, muniċipali u privati, u mingħand uffiċjali u individwi privati, l-awtorizzazzjonijiet, iċ-ċertifikati u dokumenti oħra meħtieġa għall-konklużjoni jew l-awtentikazzjoni tal-atti li jkunu jridu jiġu ffirmati u ċċertifikati minn nutar;
  3. jipproduċu abbozzi ta’ atti, kuntratti u dokumenti oħra relatati mal-attività ta’ nutar ġuramentat, u jħejju kopji u traduzzjonijiet;
  4. jipprovdu assistenza legali oħra;
  5. jagħmlu medjazzjoni bħala medjaturi ċċertifikat f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fil-Liġi dwar il-medjazzjoni.

In-nutara Latvjani ġuramentati kollha ngħaqdu flimkien fil-Kulleġġ Latvjan tan-Nutara Ġuramentati (Latvijas Zvērinātu notāru kolēģija), li huwa korp nazzjonali indipendenti ta’ nutara ġuramentati. Il-Kunsill Latvjan tan-Nutara Ġuramentati (Latvijas Zvērinātu notāru padome) huwa l-korp rappreżentattiv u superviżorju għan-nutara ġuramentati u l-korp amministrattiv u eżekuttiv għall-Kulleġġ Latvjan tan-Nutara Ġuramentati. Id-dmirijiet tiegħu huma previsti fl-Artikolu 230 tal-Liġi dwar in-Nutara.

Bażijiet tad-data legali

L-informazzjoni dwar l-attivitajiet u n-numru ta’ nutara ġuramentati, il-post fejn jipprattikaw u kwistjonijiet oħra marbuta mas-sistema Latvjana tan-nutara tinsab fis-sit web uffiċjali tan-Nutara Latvjani.

Uffiċjali Ġudizzjarji ġuramentati

Organizzazzjoni

L-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati (Zvērināti tiesu izpildītāji) huma membri tas-sistema ġudizzjarja. L-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati jaħdmu fil-qrati reġjonali, jeżegwixxu d-deċiżjonijiet tal-ġudikatura u ta’ korpi oħra u jwettqu attivitajiet previsti mil-liġi.

L-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati huma membri indipendenti tal-professjoni legali, iżda fit-twettiq ta’ dmirijiethom jiġu meqjusa ekwivalenti għal uffiċjali pubbliċi. Fil-qadi ta’ dmirijiethom, l-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati huma indipendenti u responsabbli biss quddiem il-liġi.  Ir-rikjesti magħmula u l-ordnijiet maħruġa mill-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati waqt il-qadi tad-dmirijiet professjonali tagħhom huma vinkolanti fuq il-partijiet kollha fit-territorju nazzjonali.

L-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati jwettqu dmirijiethom fil-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti reġjonali fejn jaħdmu. In-numru ta’ uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati, il-karigi tagħhom, il-qrati u l-oqsma ta’ ġuriżdizzjoni jiġu stabbiliti mill-Kabinett tal-Ministri.

Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, l-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati japplikaw il-Liġi dwar il-proċedura ċivili u punti oħra ta’ leġiżlazzjoni u jikkonformaw mal-metodi approvati mill-Kunsill Latvjan tal-Uffiċjali Ġudizzjarji Ġuramentati (li huwa l-korp rappreżentattiv u ta’ superviżjoni għall-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati fil-Latvja) u t-tagħlimiet meħuda mill-ġurisprudenza.

Bażijiet tad-data legali

L-informazzjoni dwar fejn jinsabu l-uffiċċji tal-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati u d-dettalji tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-professjoni tal-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati u l-attivitajiet tal-Kunsill Latvjan tal-Uffiċjali Ġudizzjarji Ġuramentati tinsab fuq is-sit web tal-Kunsill Latvjan tal-Uffiċjali Ġudizzjarji Ġuramentati. Il-portal bħalissa huwa disponibbli bil-Latvjan biss.

Organizzazzjonijiet li jipprovdu l-għajnuna legali pro bono

Ma hemmx lista ta’ organizzazzjonijiet ta’ dan it-tip fil-Latvja.

Ħoloq

L-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni

Is-Servizz ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus

Il-Portal tal-Qrati Nazzjonali tal-Latvja

L-Uffiċċju tal-Qrati

Il-Kunsill Latvjan tal-Avukati Ġuramentati

In-Nutara Latvjani

Is-sit web tal-Kunsill Latvjan tal-Uffiċjali Ġudizzjarji Ġuramentati

Il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Latvja

L-aħħar aġġornament: 31/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.