Qrati ordinarji nazzjonali

Austrija

It-taqsima li ġejja tipprovdi informazzjoni dwar il-qrati ordinarji fi kwistjonijiet ċivili u kriminali fl-Awstrija.

Turinį pateikė
Austrija

Qrati ordinarji – Introduzzjoni

Il-qrati ordinarji huma organizzati fuq erba’ livelli. Attwalment (f’Marzu 2023), il-kawżi jistgħu jiġu deċiżi mill-qrati li ġejjin:

  • 113-il qorti distrettwali (Bezirksgerichte)
  • 20 qorti reġjonali (Landesgererichte)
  • 4 qrati reġjonali superjuri (Oberlandesgerichte)
  • il-Qorti Suprema (Oberster Gerichtshof).

Mill-bidu tal-2013, l-għadd ta’ qrati distrettwali tnaqqas b’mod gradwali minn 141 għall-113 li hawn bħalissa (fl-1 ta’ Marzu 2023) permezz tal-amalgamazzjoni u f’xi każijiet l-istabbiliment ta’ qrati distrettwali ġodda fl-Awstrija ta’ Fuq, fl-Awstrija t’Isfel, fi Styria, f’Salzburg, fit-Tirol u f’Burgenland.

L-interess pubbliku fil-ġustizzja kriminali jitwettaq mill-Uffiċċji ta' Prosekuzzjoni; dawn huma:

  • 16-il uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (Staatsanwaltschaften),
  • uffiċċju ċentrali tal-prosekutur pubbliku (Zentrale Staatsanwaltschaft) għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u ta’ korruzzjoni,
  • 4 uffiċċji tal-prosekutur pubbliku għoli (Oberstaatsanwaltschaften),
  • l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (Generalprokuratur).

Hemm 28 ħabs biex jiġu eżegwiti s-sentenzi ta’ priġunerija.

A. Organizzazzjoni tal-qrati: qrati ċivili u kriminali

It-tilwim jiġi assenjat lill-ewwel istanza jew lill-qrati distrettwali jew lill-qrati reġjonali. Fil-kawżi ċivili, l-qorti b’ġuriżdizzjoni tiġi ddeterminata essenzjalment min-natura tat-tilwima (Eigenzuständigkeit); fil-każ tal-materji l-oħrajn kollha din tiġi ddeterminata skont il-valur tat-talba kontenzjuża (Wertzuständigkeit). Il-kompetenza skont l-oġġett tieħu preċedenza fuq il-kompetenza skont il-valur.

Fi kwistjonijiet kriminali id-delineazzjoni tkun ibbażata fuq is-severità tal-piena marbuta mar-reat kriminali.

Il-qrati distrettwali (l-ewwel livell ta' organizzazzjoni)

Il-qrati distrettwali huma qrati tal-ewwel istanza. Huma għandhom il-kompetenza għal:

  • id-deċiżjoni ta’ tilwim taħt id-dritt ċivili li jinvolvi pretensjonijiet sa massimu ta’ EUR 15 000 (Wertzuständigkeit);
  • id-deċiżjoni dwar ċerti tipi ta’ kawżi irrispettivament mill-ammont tal-pretensjoni (Eigenzuständigkeit), speċjalment kawżi familjali, kawżi dwar kiri u ta’ eżekuzzjoni;
  • id-deċiżjoni dwar xi kawżi kriminali fejn ir-reat iġorr multa biss, multa u sentenza ta’ mhux aktar minn sena priġunerija jew sentenza ta’ priġunerija biss ta’ mhux aktar minn sena (eż. offiża fuq il-persuna b’negliġenza, serq).

Qrati reġjonali (it-tieni livell)

Il-qrati reġjonali, magħrufa wkoll f’kawżi ċivili bħala l-“qrati tal-ġustizzja tal-ewwel istanza” (Gerichthöfe erster Instanz), għandhom ġuriżdizzjoni:

  • biex jiddeċiedu fl-ewwel istanza dwar il-materji legali kollha li mhumiex riżervati għall-qrati distrettwali; abbażi tan-natura tal-każ, biex jinġiebu l-każijiet quddiem il-qorti li jirrigwardaw il-liġi dwar ir-riskju nukleari, il-liġi dwar ir-responsabbiltà amministrattiva, il-liġi dwar il-Protezzjoni tad-data, u kawżi relatati mal-kompetizzjoni u l-proprjetà intellettwali;
  • biex jiddeċiedu dwar appelli mid-deċiżjonijiet tal-qrati distrettwali.

Qrati Reġjonali Superjuri (it-tielet livell)

Il-qrati reġjonali superjuri, magħrufa wkoll bħala l-“qrati tal-ġustizzja tat-tieni istanza” (Gerichtshöfe zweiter Instanz), jiffurmaw it-tielet livell organizzazzjonali. Dawn jinsabu fi Vjenna (din il-qorti tkopri lil Vjenna, l-Awstrija t’Isfel u l-Burgenland), Graz (il-qorti li tkopri lil Styria u Carinthia), Linz (il-qorti li tkopri l-Awstrija ta’ Fuq u Salzburg) u Innsbruck (il-qorti li tkopri t-Tirol u Vorarlberg).

Kemm fil-kawżi ċivili kif ukoll f’dawk kriminali, dawn il-qrati jiddeċiedu biss l-appelli (jiġifieri fit-tieni istanza).

Għandhom ukoll rwol speċjali fl-amministrazzjoni tas-sistema ġudizzjarja. Il-president tal-qorti reġjonali superjuri jew tal-qorti tat-tieni istanza huwa l-kap tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-qrati kollha f’dak id-distrett; fil-funzjoni tiegħu, huwa jwieġeb biss lill-Ministru Federali jew il-Ministru tal-Ġustizzja.

Il-Qorti Suprema (ir-raba’ livell ta' organizzazzjoni)

Il-Qorti Suprema fi Vjenna hija l-qorti tal-aħħar istanza fil-kawżi ċivili u kriminali. Flimkien mal-Qorti Kostituzzjonali (Verfassungsgericht) u mal-Qorti Amministrattiva (Verwaltungsgericht), hija waħda mill-“ogħla qrati” (Höchstgerichte) fil-pajjiż. Dan ifisser li l-ebda rimedju (domestiku) ieħor ma hu possibbli kontra d-deċiżjonijiet tagħha.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema għandha rwol essenzjali sabiex il-liġi tiġi applikata b'mod uniformi madwar il-pajjiż.

Minkejja li l-qrati inferjuri mhumiex marbutin legalment mad-deċiżjonijiet taghha, bħala prinċipju huma jiġu ggwidati mill-ġurisprudenza tal-ogħla qrati.

B. Ġustizzja Ċivili

Il-ġustizzja ċivili tista’ tiġi suddiviża fi proċedimenti ċivili ordinarji, kawżi dwar l-impjieg, kawżi kummerċjali u proċedimenti mhux kontenzjużi (Außerstreitverfahren).

Fi proċedimenti ċivili ordinarji jiġu deċiżi dawk il-materji tad-dritt ċivili, li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-qrati kummerċjali jew industrijali, jew li għalihom ma tgħoddx il-proċedura mhux kontenzjuża.

C. Appelli

C.1. Appelli f’kawżi ċivili

Fi proċedimenti ċivili ordinarji bħala prinċipju jeżistu żewġ sekwenzi differenti ta’ qrati, li kull waħda minnhom tista’ tinqasam fi tliet stadji. It-tilwim jiġi assenjat lill-ewwel istanza jew lill-qrati distrettwali jew lill-qrati reġjonali.

Jekk il-qorti tal-ewwel istanza tkun qorti distrettwali, kull appell irid jiġi ppreżentat fil-qorti reġjonali, fejn jiġi deċiż minn sezzjoni tal-appelli (Berufungssenat).

Jekk tiġi deċiża minn qorti tal-ewwel istanza, il-ġuriżdizzjoni tal-appell tkun tal-qorti tat-tieni istanza, fejn il-bord tal-appelli jiddeċiedi fit-tieni istanza.

Il-qrati tat-tieni istanza jiġu msejħa biss għal rieżami tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza. Huma jiddeċiedu biss bażikament fuq il-bażi ta’ mozzjonijiet fuq il-kwistjoni sostanzjali fi tmiem it-trattazzjoni verbali tal-ewwel istanza u fuq il-fatti ppreżentati sa dan il-punt. Il-qrati tat-tieni istanza jistgħu jiddeċiedu fuq il-każ (billi jikkonfermaw jew jemendaw is-sentenza). Għal dan il-għan, fil-qafas definit mill-mozzjonijiet u s-sottomissjonijiet fil-qorti inferjuri, il-qorti tat-tieni istanza tista’ tirrepeti l-proċedimenti kollha jew parti minnhom jew tkomplihom; jew jaqilbu s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza u jitolbuha tagħti sentenza mill-ġdid; jew jiċħdu t-talba.

F'każijiet li jkunu jeħtieġu kjarifika dwar kwistjonijiet legali li jkunu ta' importanza bażika, jista' jerġa' jsir appell quddiem il-Qorti Suprema.

Il-Qorti Suprema tiddeċiedi biss dwar kwistjonijiet legali u għalhekk fid-deċiżjoni tagħha hija marbuta mal-fatti diġà stabbiliti. Hija tevalwa għalhekk biss il-korrettezza ta’ deċiżjoni mogħtija fuq din il-bażi jew tindika xi invaliditajiet u, f’għadd limitat, anki nuqqasijiet fi proċeduri preċedenti. Il-Qorti Suprema m’għandhiex biss funzjoni ta’ Qorti tal-Appell; tista’ tiddeċiedi fuq il-każ billi tikkonferma jew temenda s-sentenza. Tista’ wkoll tħassar is-sentenzi preċedenti u titlob lill-qorti tal-ewwel jew tat-tieni istanza biex tieħu deċiżjoni mill-ġdid; jew tiċħad it-talba.

Fl-ewwel istanza, fil-maġġoranza tal-każijiet, jiddeċiedi imħallef wieħed (u fi kwistjonijiet ta’ ’l fuq minn EUR 100 000, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, jiddeċiedi Bord magħmul minn tliet imħallfin). Fit-tieni istanza il-kawżi jiġu deċiżi minn Bord ta’ tliet imħallfin, jew, fil-każ tal-Qorti Suprema, Bord ta’ ħames imħallfin. Meta l-kawża tkun tinvolvi kwistjoni legali ta’ importanza fundamentali (bħal pereżempju, tibdil fil-ġurisprudenza stabbilita), il-Qorti Suprema tlaqqa’ Bord magħmul minn 11-il Imħallef.

C.2. Appelli f'każijiet kriminali

Is-sentenzi fi proċessi kriminali jistgħu jiġu appellati darba.

Jekk il-qorti tal-ewwel istanza tkun qorti distrettwali, appell jista’:

  • jitlob l-annullament ta’ sentenza; jew
  • jikkontesta l-kundanna u t-termini tas-sentenza.

L-appelli jiġu deċiżi minn sezzjoni ta' tliet imħallfin mill-qorti reġjonali.

Jekk il-kawża tiġi deċiża fl-ewwel istanza minn imħallef uniku ta’ qorti reġjonali (dan iseħħ f’kawżi reġjonali fejn l-imputat jiġi akkużat b’reat li jkollu piena massima ta’ 5 snin priġunerija, bħal pereżempju, xhieda falza quddiem il-qorti), l-appell jista’ jsir ukoll:

  • minħabba raġunijiet ta' nullità; jew
  • kontra l-istabbiliment tal-ħtija u s-severità tal-piena.

Id-deċiżjoni tittieħed minn Bord magħmul minn tliet imħallfin.

Jekk il-kawża tiġi deċiża fl-ewwel istanza minn qorti reġjonali ppreseduta minn assessuri mhux esperti (Schöffengericht) jew minn ġurati (Geschworenengericht), kull rikors għall-annullament irid jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Suprema. Jekk min-naħa l-oħra jiġu ppreżentati appelli kontra s-severità tas-sentenza, jiddeċiedi l-Bord tal-imħallfin.

D. Forom tal-appell

Fi proċedimenti ċivili ordinarji, is-sentenzi tal-ewwel istanza jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi (Berufung). Appell jista’ jsir fil-każijiet kollha fuq il-bażi ta’ nullità jew ta’ sentenza legalment inġusta, f’każijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi jew fi kwalunkwe każ fejn l-ammont fil-kwistjoni huwa ’l fuq minn EUR 2 700 kif ukoll minħabba nuqqasijiet fil-proċedura jew fatti li ġew stabbiliti b’mod żbaljat.

Is-sentenzi fit-tieni istanza jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell quddiem il-Qorti Suprema biss dwar punti ta’ liġi (Reviżjoni). Dan it-tip ta’ appell quddiem il-Qorti Suprema madankollu huwa suġġett għal ċerti limitazzjonijiet li jiddependu mis-suġġett fil-kwistjoni. Bħala prinċipju, il-Qorti Suprema tiddeċiedi biss dwar kwistjonijiet legali ta’ importanza konsiderevoli, u l-preżenza ta' tali kwistjonijiet hija rekwiżit preliminari biex il-Qorti Suprema taċċetta l-appell fuq punti ta’ liġi. Minkejja dan, f’ċerti materji, sentenzi mogħtija fit-tieni istanza li jirrigwardaw ammont inqas minn EUR 5 000 xorta waħda ma jistgħux jiġu appellati filwaqt li, meta l-ammont tat-tilwima ma jaqbiżx it-EUR 30 000, l-appell fuq punti ta’ liġi quddiem il-Qorti Suprema jista’ wkoll ikun meħtieġ li jiġi awtorizzat mill-qorti tat-tieni istanza (direttament jew permezz ta’ rikors ġdid).

E. Bażijiet ta' data ġuridika

Is-sit web tal-Ġustizzja Awstrijak jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar is-sistema ġudizzjarja Awstrijaka.

L-aċċess għall-bażi ta' data legali huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess għall-websajt tal-Ministeru tal-Ġustizzja Awstrijak huwa mingħajr ħlas.

Links Korrispondenti

Ġurisdizzjoni tal-Qrati

L-aħħar aġġornament: 11/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.