Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Qrati ordinarji nazzjonali

L-Irlanda ta’ fuq

Din it-taqsima tipprovdik b’informazzjoni dwar it-tipi ta’ qrati differenti fl-Irlanda ta’ Fuq.

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Irlanda ta’ fuq

Qrati ordinarji – introduzzjoni

Il-bosta qrati fl-Irlanda ta’ Fuq huma organizzati kif ġej:

Il-Qorti Suprema

Fl-2009, il-Qorti Suprema tar-Renju Unit il-ġdida ħadet il-ġuriżdizzjoni tal-Appellate Committee of the House of Lords. Se tieħu wkoll il-funzjonijiet devoluti tal-Kumitat Ġudizzjarju tal-Privy Council (l-ogħla qorti tal-appell f’bosta pajjiżi indipendenti fil-Commonwealth, territorji barranin tar-Renju Unit u dipendenzi tal-Kuruna Brittannika).

Il-Qorti Suprema hija l-aħħar qorti tal-appell fir-Renju Unit għall-kawżi kemm kriminali kif ukoll ċivili, għalkemm il-kawżi kriminali Skoċċiżi ma jistgħux jiġu appellati quddiem il-Qorti Suprema. Dawn il-każijiet normalment jingħataw permess li jirreferu appell lejn il-Qorti Suprema biss jekk jinvolvi punti ta’ liġi ta’ importanza pubblika.

Il-Qorti tal-Appell

Il-Qorti tal-Appell tal-Irland ta' Fuq hija bbażata fil-Qrati Irjali tal-Ġustizzja ta' Belfast. Hija tisma’ appelli kriminali mill-Qorti tal-Kuruna (Crown Court) u appelli ċivili mill-Qorti l-Għolja.

Il-Qorti l-Għolja

Il-Qorti l-Għolja f'Belfast tisma’ kawżi ċivili, tisma’ l-appelli f’kawżi kriminali, u għandha s-setgħa  ukoll li tistħarreġ azzjonijiet ta’ individwi jew organizzazzjonijiet biex tiżgura li aġixxew b’mod legali u ġust. Il-Qorti l-Għolja normalment tisma’ l-kawżi jekk il-valur tat-talba huwa akbar minn £30,000. F’xi ċirkostanzi, kawża għal aktar minn £30,000 tista’ tintbagħat mill-Qorti l-Għolja lill-qorti tal-kontea u b’mod simili, kawża taħt il-valur ta’ £30,000 tista’ tiġi trasferita mill-qorti tal-kontea lill-Qorti l-Għolja.

Il-Qorti l-Għolja għandha tliet diviżjonijiet, kif ġej:

  • Id-Diviżjoni tal-Familja: Id-Diviżjoni tal-Familja tittratta każijiet kumplessi kkontestati ta’ divorzju, kura, adozzjoni, vjolenza domestika u simili. Tittratta ukoll dwar appelli mill-qrati tal-maġistrati u tal-kontej fil-kawżi matrimonjali, dwar l-affarijiet ta’ persuni li huma mentalment morda u kwistjonijiet sempliċi dwar suċċessjoni.
  • Id-Diviżjoni tal-Queens Bench: Id-diviżjoni tal-Queens Bench tittratta talbiet kbar u/jew kumplessi għall-kumpens. Tittratta wkoll dwar għadd limitat ta’ appelli mill-qrati tal-maġistrati jew mill-Qrati tal-Kuruna. Hija tistħarreġ ukoll l-azzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet biex tara aġixxewx legalment, u tisma’ azzjonijiet dwar libell u malafama.
  • Iċ-Chancery Division: Iċ-Chancery Division tittratta trusts, testmenti kkontestati, l-istralċ tal-kumpaniji, il-falliment, l-ipoteki, il-karitajiet, kawżi dwar id-dħul ikkontestat (normalment taxxa fuq dħul) eċċ.

Il-Qorti tal-Kuruna

Il-Qorti tal-Kuruna tisma’ t-tipi ta’ kawżi li ġejjin:

  • Atti kriminali aktar gravi li jinstemgħu minn imħallef u f'bosta każi minn ġurija
  • Sejbiet ta’ ħtija fil-qrati tal-maġistrati li huma riferiti lill-Qorti tal-Kuruna għas-sentenza.

Sentenzi ta’ ħabs u multi fil-Qorti tal-Kuruna huma aktar gravi milli fil-qrati tal-maġistrati.

Il-Qorti tal-Kontea

Il-qrati tal-kontej jisimgħu kawżi ċivili li jinstemgħu minn imħallef jew minn imħallef distrettwali. Il-qorti tal-kontea normalment tisma’ kawżi li għandhom valur ta’ inqas minn £30,000 (jew ta’ £45,000 fi kwistjonijiet dwar ekwitajiet). Il-kawżi ta’ valur akbar jinstemgħu fil-Qorti l-Għolja – ara hawn fuq. It-talbiet kollha li jirriżultaw minn ftehimiet ta’ kreditu regolati għandhom jinbdew fil-qorti tal-kontea, ikun xi jkun il-valur tagħhom.

Eżempji ta’ kawżi li tisma’ l-qorti tal-kontea:

Il-qrati tal-kontej jistgħu jisimgħu firxa wiesgħa ta’ kawżi, iżda dawk l-aktar komuni huma dawn:

  • Tilwim bejn is-sid u l-kerrej: per eżempju, pussess (żgumbrament), arretrati tal-kera, tiswijiet
  • Tilwim tal-konsumatur: per eżempju prodotti jew servizzi difettużi
  • Pretensjonijiet ta’ inġurja personali (inġurji kawżati minn negliġenza): per eżempju, inċidenti tat-traffiku, min jaqa’ f’toqob fil-bankini, inċidenti fuq xogħol
  • Kawżi ta’ divorzju mhux kontestati, iżda biss f’xi qrati tal-kontej
  • Xi kawżi dwar vjolenza domestika, iżda dawn jistgħu wkoll jinstemgħu fil-qrati tal-maġistrati
  • Kawżi dwar diskriminazzjoni skont razza u sess
  • Problemi ta’ dejn: per eżempju, kreditur li qed jitlob li jitħallas
  • Problemi ta’ impjiegi: per eżempju paga jew salarju dovuti jew paga minflok avviż ta’ tmiem
  • Appelli mill-qorti tal-maġistrati li jinstemgħu minn imħallef (u għall-inqas żewġ maġistrati popolari jekk il-konvenut huwa persuna żagħżugħa)

Kawżi għal talbiet żgħar

Il-kawżi għal talbiet żgħar jinstemgħu wkoll fil-qorti tal-kontea. B’mod ġenerali, talba żgħira tinvolvi pretensjoni li għandha valur ta’ mhux aktar minn £3000.

Il-Qrati tal-Maġistrati

Il-Qrati tal-Maġistrati jisimgħu kawżi kriminali u xi kawżi ċivili. Il-kawżi jinstemgħu minn imħallef distrettwali (qorti tal-Maġistrati).

Kawżi kriminali fil-Qrati tal-Maġistrati

Il-qrati tal-maġistrati jittrattaw offiżi kriminali fejn l-akkużat mhuwiex intitolat għal smigħ b’ġurija. Dawn huma magħrufa bħala delitti sommarji. Id-delitti sommarji jinvolvu piena massima ta’ sitt xhur priġunerija u/jew multa ta’ mhux aktar minn £5,000.

Il-qrati tal-maġistrati jittrattaw ukoll dwar offiżi meta l-akkużat jista’ jagħżel smigħ b’ġurija iżda jiddeċiedi li l-kawża tiegħu tinstema’ fil-qrati tal-maġistrati. Jekk l-akkużat jagħżel smigħ b’ġurija, il-każ jgħaddi lill-Qorti tal-Kuruna.

Il-Qorti tal-Minorenni

Il-Qorti tal-minorenni tisma’ kawżi ta’ minorenni li jkunu wettqu offiżi kriminali, u li għandhom età ta’ bejn 10 snin u 17-il sena. Il-Qorti tal-minorenni hjia parti mill-qorti tal-maġistrati u l-każijiet jinstemgħu minn imħallef distrettwali (qorti tal-Maġistrati) u żewġ imħallfin popolari oħrajn li jkunu ġew imħarrġa speċjalment. Jekk minorenni jkun akkużat minn delitt gravi ħafna, li fil-każ ta’ adult ikollu piena ta’ 14-il sena priġunerija jew aktar, il-qorti tal-minorenni tista’ tibgħathom għas-smigħ quddiem il-qorti tal-kuruna.

Kawżi ċivili fil-Qrati tal-Maġistrati

Il-qrati tal-maġistrati jisimgħu għadd limitat ta’ kawżi ċivili kif ġej:

  • Xi djun ċivili: per eżempju, arretrati ta’ taxxa fuq dħul, kontribuzzjonijiet tal-assikurazzjoni nazzjonali, arretrati tal-VAT, rati
  • Liċenzji: per eżempju, l-għotja, it-tiġdid jew it-tneħħija ta’ liċenzji għal ħwienet tax-xorb u klabbijiet
  • Xi problemi matrimonjali, per eżempju, manteniment u t-tneħħija ta’ konjuġi mid-dar matrimonjali
  • Il-benessri tat-tfal: per eżempju, ordnijiet ta’ kura jew superviżjoni mill-awtoritajiet lokali, proċedimenti ta’ adozzjoni u ordnijiet ta’ residenza

Coroners’ Courts

Jinvestigaw iċ-ċirkostanzi ta’ mewt f’daqqa, vjolenti jew mhux naturali.

Ħoloq relatati

Servizz ta' Qrati u Tribunali tal-Irlanda ta' Fuq

L-aħħar aġġornament: 16/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.