Manteniment tal-familja

Iċ-Ċekja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Il-kunċett tal-"manteniment" ifisser is-somma li persuna tagħti lil oħra biex tissodisfa l-ħtiġijiet leġittima tagħha kollha. Prerekwiżit ewlieni għall-formazzjon u d-dewmien tal-obbligu ta' manteniment skont il-Kodiċi Ċivili huwa l-eżistenza ta' familja jew relazzjoni simili, sew jekk konjugali, ekskonjugali jew ta' parentela f'linja dritta, jew relazzjoni bejn sħab irreġistrati jew ekssħab irreġistrati tal-istess sess.

Il-Kodiċi Ċivili jispeċifika l-gruppi ta' nies meħtieġa li jipprovdu l-manteniment u dawk awtorizzati li jirċevuh kif ġej:

  • manteniment bejn il-konjuġi: dan jibda meta jkun kkuntrattat iż-żwieġ u jintemm malli ż-żwieġ jinħall. Il-miżżewġin għandhom obbligu ta' manteniment sal-punt li jiżgura li jkollhom it-tnejn l-istess standard materjali u kulturali, li jiġi mill-istatus ugwali ta' raġel u mara fiż-żwieġ. L-obbligu ta' manteniment bejn il-miżżewġin jieħu preċedenza fuq l-obbligu ta' manteniment bejn il-ġenituri u t-tfal.
  • manteniment bejn partijiet minn koppja divorzjata: dan jiġri jekk wieħed mill-koppja divorzjata ma jkunx kapaċi jmantni ruħu u din l-inkapaċità toriġina b'konnessjoni maż-żwieġ u tista' tintalab leġittimament mill-ekskonjuġi, partikolarment fid-dawl tal-età jew l-istat tas-saħħa tal-parti divorzjata fil-mument tad-divorzju jew tat-tmiem tal-kura ta' wild komuni tal-koppja divorzjata. Hija tintemm ladarba l-parti mantnuta terġa' tiżżewweġ jew malli jiskadi l-perjodu stabbilit għall-manteniment għall-koppja miżżewġa (massimu ta' 3 snin).
  • manteniment bejn ġenituri u tfal: dan jibda mat-twelid tal-wild u jintemm meta li jkun kapaċi jmantni ruħu jew l-obbligu ta' manteniment jiġi ttrasferit lil ħaddieħor (eż. biż-żwieġ jew ċħid tal-paternità). L-ammont ta' manteniment ikun iddeterminat b'tali mod li jiżgura li l-istandard tal-għajxien tal-ulied ikun sostanzjalment identiku għall-istandard tal-għajxien tal-ġenituri. L-ulied huma obbligati wkoll jipprovdu manteniment xieraq lill-ġenituri, skont il-mezzi tagħhom, u l-istandard tal-għajxien tal-ġenituri ma hemmx għalfejn ikun identiku għall-istandard tal-għajxien ta' wliedhom.
  • manteniment bejn qraba fil-linja dixxendentali u axxendentali: dan ikun bejn axxendenti u dixxendenti. L-obbligu ta' manteniment mill-ġenituri lejn uliedhom jipprekludi l-obbligu ta' manteniment min-nanniet jew qraba oħrajn fil-linja axxendentali lejn it-tfal. Qraba iktar distanti ikollhom obbligu ta' manteniment jekk dan ma jkunx jista' jiġi ssodusfat minn qraba eqreb.
  • ammont imħallas lil omm waħedha biex ikopri l-manteniment u spejjeż oħra: dan ikun meta omm il-wild ma tkunx miżżewġa ma' missieru. F'dan il-każ, il-missier ikollu jipprovdu manteniment għal perjodu ta' sentejn wara li jitwieled ibnu u li jagħti kontribut raġonevoli għall-ispejjeż marbuta mat-tqala u t-twellid.

L-obbligu ta' manteniment huwa rregolat ukoll mill-Att dwar is-Sħubija Reġistrata. Dan jipprevedi:

  • obbligu ta' manteniment reċiproku bejn is-sħab. L-ambitu tal-obbligu ta' manteniment huwa stabbilit biex jiżgura li l-istandard materjali u kulturali taż-żewġ sħab ikun bażikament l-istess;
  • obbligu ta' manteniment wara d-dissoluzzjoni tal-koabitazzjoni bejn is-sħab – ekssieħeb li ma jkunx kapaċi jmantni ruħu jista' jitlob lill-ekssieħeb tiegħu jikkontribwixxi ammont raġonevoli ta' għajnuna, fir-rigward tal-kapaċitajiet u l-qagħda finanzjarja tiegħu. Jekk wieħed mill-ekssħab, li ma jkunx ikkontribwixxa għat-tifrik permanenti tas-sħubija, isofri danni serji mit-terminazzjoni tas-sħubija, huwa jkun jista' jingħata manteniment għal perjodu ta' tliet snin bl-istess ammont tal-obbligu ta' manteniment li kien ikun f'każ li s-sħubija ma ntemmietx.

L-obbligu ta' manteniment għal persuna biex tipprovdi għajnuna lil persuna oħra hija stabbilita fil-liġi u ma tistax tiġi ttrasferita, sostitwita jew ċeduta bil-quddiem.

Wieħed mill-prerekwiżiti għall-għoti ta' obbligu ta' manteniment, li japplika f'kull każ meta obbligu ta' manteniment ikun issodisfat, huwa l-konsistenza mal-moralità pubblika.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Il-manteniment jista' jingħata jekk il-benefiċjarju ma jkunx realistikament jista' jmantni ruħu. Il-kapaċità li wieħed imantni ruħu tiġi tradizzjonalment interpretata bħala l-kapaċità li wieħed jiddodisfa l-ħtiġijiet tiegħu (materjali, kulturali, eċċ.). Jekk wild ma jkunx kapaċi jmantni ruħu u jkun jiddependi mill-għajnuna ta' min iħallaslu l-manteniment, l-obbligu ta' manteniment ma jintemmx lanqas meta dan isir adult (pereż. jekk ikompli jistudja), u f'każijiet eċċezzjonali, l-obbligu ta' manteniment jista' jkompli tul ħajjet il-wild u l-ġenituri (pereż. jekk il-wild ikollu diżabilita u qatt mhuwa ħa jkun jista' jmantni ruħu). B'kuntrast ma' dan, l-obbligu ta' manteniment jista' jiskadi anke qabel ma l-wild isir adult jekk huwa jkun kapaċi jmantni ruħu qabel. Għalhekk ma hemmx limitu speċifiku ta' età.

Li wieħed isir maġġorenni huwa importanti f'termini ta' proċedura (pereż. qorti tista' tiddeċiedi dwar il-manteniment ta' wild taħt l-età mingħajr rikors, imma qorti tagħti l-manteniment lil ulied adulti fuq il-bażi ta' rikors).

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Hija biss qorti li tista' tiddeċiedi dwar il-manteniment, fuq il-bażi ta' rikors, filwaqt li qorti tista' tiddeċiedi dwar manteniment ta' wild taħt l-età anke mingħajr rikors.

Minbarra d-dettalji ġenerali, ir-rikors irid ikun fiha l-isem, il-kunjom u l-indirizz tal-partijiet, deskrizzjoni tal-fatti kritiċi, deżinjazzjoni tal-evidenza mressqa mill-attur u din trid turi b'mod ċar it-talbiet tal-attur.

Ir-rikors irid jiġi ppreżentat fil-qorti lokalment kompetenti. Ara l-mistoqsija nru 5.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Ġenitur li jkollu l-kustodja ta' wliedu huwa intitolat jagħmel rikors f'isem uliedu għall-manteniment mingħand il-ġenitur l-ieħor. Huwa jkun jista' jaġixxi wkoll f'isem uliedu bħala tutur jew fiduċjarju. Wild li jkun kiseb kapaċità ġuridika sħiħa jrid jagħmel rikors għall-manteniment f'ismu stess.

Ma jistax jiġi ppreżentat rikors f'isem qarib, ħlief f'każijiet fejn il-persuna ma jkollhiex kapaċità ġuridika sħiħa u l-qorti taħtar tutur minn fost il-qraba tagħha.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Il-ġuriżdizzjoni (l-awtorità) internazzjonali għal proċedimenti dwar materji relatati ma' obbligi ta' manteniment tiġi vvalutata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment ("Ir-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment"): https://eur-lex.europa.eu/legal-content/CS/TXT/?qid=1409302593149&uri=CELEX:02009R0004-20130701. Dan ir-Regolament huwa bla preġudizzju għall-applikazzjoni ta' trattati internazzjonali li r-Repubblika Ċeka hija parti fihom u li għandhom x'jaqsmu ma' materji rregolati mir-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment. Madankollu, dawn it-trattati japplikaw biss ma' Stati li mhumiex Membri tal-UE (dan jikkonċerna partikolarment it-trattati bilaterali dwar l-assistenza legali konklużi ma' Stati li mhumiex membri tal-UE jew il-Konvenzjoni internazzjonali dwar il-Ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (Lugano, 30.10.2007) fir-rigward tan-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Iżlanda); f'relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment jieħu preċedenza fuq it-trattati internazzjonali.

Fir-Repubblika Ċeka, il-qrati distrettwali jiddeċiedu fil-proċedimenti relatati mal-obbligi ta' manteniment fl-ewwel istanza.

Il-ġuriżdizzjoni tiġi ddeterminata prinċipalment skont ir-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment, li tieħu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni Ċeka. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment, l-attur jista', jekk jagħżel li jagħmel dan, jippreżenta rikors fil-qorti

a) fil-post fejn il-konvenut huwa residenti abitwali, jew

b) fil-post fejn il-kreditur huwa residenti abitwali.

Inkella, abbażi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(c) u (d) tar-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment, il-proċedimenti fir-Repubblika Ċeka jistgħu jinfetħu fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tisma' proċedimenti għad-determinazzjoni tal-paternità jew fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tisma' proċedimenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri sakemm dik il-ġuriżdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta' waħda mill-partijiet.

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment, il-ġuriżdizzjoni tista' tiġi stabbilita wkoll fuq il-bażi li l-konvenut jidher f'qorti sakemm imbagħad il-konvenut ma jikkontestax il-ġuriżdizzjoni tal-qorti bħala l-ewwel att ġuridiku sussegwenti tiegħu.

In-normi ġuridiċi Ċeki għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni, li japplikaw biss f'każijiet fejn il-ġuriżdizzjoni ma tkunx iddeterminata fuq il-bażi tar-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment (jiġifieri pereżempju f'każ fejn il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qorti Ċeka tkun ibbażata fuq l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment (ġuriżdizzjoni sussidjarja, forum necessitatis) jew fuq trattat internazzjonali ma' Stat li mhux Membru tal-UE), huma kif ġej: għal proċedimenti li jikkonċernaw il-manteniment ta' tifel minorenni, il-qorti ġenerali tat-tifel minorenni għandha l-ġuriżdizzjoni, jiġifieri l-qorti ta' fejn huwa residenti t-tifel minorenni, fuq il-bażi ta' ftehim bejn il-ġenituri jew deċiżjoni tal-qorti jew fatti deċiżivi oħrajn. F'każijiet oħrajn, il-qorti kompetenti tkun il-qorti ġenerali tal-konvenut. Il-qorti ġenerali ta' persuna fiżika hija l-qorti distrettwali tad-distrett fejn ikollha r-residenza tagħha u, jekk ma jkollhiex residenza, il-qorti tad-distrett fejn toqgħod. B'residenza wieħed jifhem post fejn il-persuna tirrisjedi bl-intenzjoni li tibqa' hemm b'mod permanenti (huwa possibbli wkoll li hemm għadd ta' postijiet ta' dan it-tip, u f'dak il-każ il-qorti ġenerali hija dawk il-qrati kollha). Jekk konvenut li jkun ċittadin tar-Repubblika Ċeka, ma jkollu l-ebda qorti ġenerali, jew ma jkollu waħda fir-Repubblika Ċeka, il-qorti kompetenti hija dik tad-distrett fejn kellu l-aħħar residenza magħrufa fir-Repubblika Ċeka. Drittijiet ta' proprjetà jistgħu jiġu invokati kontra persuna li ma jkollha l-ebda qorti kompetenti oħra fir-Repubblika Ċeka fil-qorti tad-distrett fejn ikollha l-proprjetà.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Il-liġi ma tirrikjedix li l-attur ikun rappreżentat. Madankollu, l-attur jista' jieħu d-deċiżjoni li jkun rappreżentat quddiem il-qorti fuq il-bażi ta' prokura mogħtija lil rappreżentant tal-għażla tiegħu, pereżempju avukat.

Persuna fiżika li ma tkunx tista' tidher indipendentement quddiem il-qorti trid tkun rappreżentata minn rappreżentant legali jew tutur. F'każ ta' tifel minorenni, ir-rappreżentanti legali huma l-ġenituri tiegħu.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Proċedimenti dwar materji li jikkonċernaw obbligi ta' manteniment reċiproċi bejn il-ġenituri u wliedhom huma kompletament eżenti mit-tariffi tal-qorti. Fi proċedimenti oħrajn għad-determinazzjoni tal-manteniment, inkluż iż-żieda tiegħu, l-attur huwa eżenti mit-tariffi tal-qorti. Din l-eżenzjoni tapplika wkoll għall-proċedimenti ta' eżekuzzjoni.

Jekk l-attur ikun irrappreżentat minn avukat ikollu jħallas r-rimunerazzjoni tal-avukat skont ir-rata tariffarja (li tista' titniżżel bl-Ingliż mis-sit tal-Kamra tal-Avukati Ċeka: http://www.cak.cz/scripts/detail.php?id=2239) tiegħu – sakemm ma jiftehmux mod ieħor. Jekk ikun iġġustifikat mill-istatus soċjali u finanzjarju tal-attur, u sakemm il-każ ma jkunx arbitrarju jew talba manifestament infondata jew ostruzzjoni ta' drittijiet, il-qorti tista' taħtar rappreżentant bla ħlas jew għal tariffa mnaqqsa jekk dan ikun assolutament neċessarju għall-ħarsien tal-interessi tal-attur; avukat jinħata bħala dan ir-rappreżentant b'ċerti kundizzjonijiet.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Il-manteniment jitħallas fil-parti l-kbira fi flus kontanti – fi ħlas regolari li jirrikorri kull xahar, u dejjem jitħallas b'xahar bil-quddiem (sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, jew sakemm il-kreditur ma jaqbilx dwar kundizzjonijiet differenti mal-ġenitur responsabbli), għalkemm jista' jkun ipprovdut f'xi forma oħra, pereżempju billi tiġi pprovduta akkomodazzjoni, ħlas mhux finanzjarju, eċċ.

Minbarra l-istipulazzjoni tal-kundizzjonijiet li jorbtu lill-ġenitur responsabbli, l-obbligu ta' manteniment lill-wild jiddetermina wkoll ir-relazzjonijiet tal-proprjetà u l-bżonnijiet raġonevoli tat-tifel, li jiddependu primarjament mill-età u l-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu. Jitqies ukoll il-mod kif il-wild ikun qed iħejji ruħu għall-karriera futura tiegħu, attivitajiet estrakurrikulari, passatempi eċċ. Madankollu, il-prinċipju huwa li l-istandard tal-għajxien tal-wild ikun sostanzjalment identiku għal dak tal-ġenituri. Jekk il-qagħda finanzjarja tal-persuna responsabbli tippermetti dan, it-tfaddil jista' jitqies bħala bżonn raġonevoli tat-tifel. Fid-determinazzjoni tal-ambitu tal-obbligi ta' manteniment tal-ġenituri, il-ġenitur li jkun qed jieħu ħsieb it-tifel u kemm qed jieħu ħsiebu jitqiesu wkoll.

Il-manteniment bejn il-miżżewġin jingħta f'ammont li jiżgura li jkollhom it-tnejn l-istess standard materjali u kulturali, li jiġi mill-istatus ugwali ta' raġel u mara fiż-żwieġ.

Il-manteniment bejn koppja divorzjata jingħata meta parti mill-koppja divorzjata ma tkunx kapaċi tmantni ruħha u din l-inkapaċità toriġina b'konnessjoni maż-żwieġ u tista' tintalab leġittimament mill-ekskonjuġi, partikolarment fid-dawl tal-età jew l-istat tas-saħħa tal-parti divorzjata fil-mument tad-divorzju jew tat-tmiem tal-kura ta' wild komuni tal-koppja divorzjata. Il-manteniment jingħata f'ammont raġonevoli. Meta jiddeċiedu fuq l-ammont, jitqies kemm dam iż-żwieġ qabel id-divorzju, flimkien ma' rekwiżiti oħrajn rikjesti mil-liġi.

Il-manteniment għal omm tqila jingħata biex ikopri r-rimborż tal-ispejjeż marbuta mat-tqala u t-twelid f'ammont raġonevoli.

Il-qorti tikkonċedi l-manteniment għal sħubija rreġistrata abbażi ta' rikors, wara li tqis ir-rekwiżiti għall-kura tal-abitazzjoni komuni. L-ammont tal-obbligu ta' manteniment jiġi ddeterminat b'tali mod li jiżgura li l-istandard materjali u kulturali taż-żewġ sħab ikun bażikament ugwali.

L-obbligu ta' manteniment wara l-ħall tal-koabitazzjoni tas-sħab tal-istess sess jista' jiġi ddeterminat wara rikors minn ekssieħeb li ma jkunx kapaċi jmantni ruħu. Huwa jista' jitlob lill-ekssieħeb jikkontribwixxi manteniment raġonevoli skont il-kapaċitajiet, il-possibilitajiet u l-proprjetà tiegħu. Jekk ma jaqblux, il-qorti tiddetermina l-manteniment abbażi ta' rikors ta' wieħed minnhom. Jekk wieħed mill-ekssħab, li ma jkunx ikkontribwixxa għat-tifrik permanenti tas-sħubija, isofri danni serji mit-terminazzjoni tas-sħubija, il-qorti tista' tikkonċedilu l-manteniment mingħand l-ekssieħbu għal perjodu ta' tliet snin mil-ħall tal-koabitazzjoni bl-istess ammont tal-obbligu ta' manteniment li kien ikun f'każ li s-sħubija ma nħallietx.

Il-liġi Ċeka ma tagħrafx dak li jissejjaħ manteniment b'għan bl-użu ta' tabelli, perċentwali eċċ. u lanqas ma hi marbuta b'manteniment minimu jew massimu. Fit-teħid tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tqis l-uniċità ta' kull każ speċifiku, bħall-possibbiltà ta' aktar minn obbligu ta' manteniment wieħed, spejjeż ogħla għal tfal b'diżabilità, eċċ. Il-Ministeru tal-Ġustizzja joħroġ biss tabella ta' ammonti rakkomandati: http://portal.justice.cz/Justice2/MS/ms.aspx?o=23&j=33&k=6223&d=315516.

Id-deċiżjonijiet tal-qorti dwar il-manteniment jinħarġu suġġetti għal bidliet fis-sitwazzjoni. Għalhekk jistgħu jiġu mmodifikati jekk is-sitwazzjoni tal-kreditur jew tal-parti responsabbli jinbidlu b'mod sinifikanti.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-manteniment jitħallas f'ammonti regolari, rikorrenti u fix-xahar, li jitħallsu dejjem xahar bil-quddiem, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, jew sakemm il-persuna responsabbli għall-manteniment ma tiftiehemx mod ieħor mal-kreditur. F'każijiet eċċezzjonali ħafna (eż. meta l-ġenitur responsabbli jirċievi biss introjtu staġonali, huwa impenjat f'negozju b'riskju għoli, eċċ.) il-qorti tista' tordna li somma flus tiġi ddepożitata biex tkopri l-manteniment futur. Il-qorti mbagħad tieħu miżuri ulterjuri biex tiżgura li l-ħlasijiet individwali, ekwivalenti għall-ħlasijiet ta' manteniment fix-xahar, jitħallsu lit-tifel minn din is-somma. Il-manteniment irid jitħallas jew lill-kreditur jew lill-persuna li jkollha l-kura tal-kreditur.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Skont il-liġi Ċeka, tista' tiġi ppreżentata rikors quddiem il-qorti kompetenti għal eżekuzzjoni ġudizzjarja jew tista' tiġi ppreżentata proposta mal-bailiff għal proċedimenti eżekutorji. B'mod ġenerali, il-proċedura għal eżekuzzjoni ġudizzjarja jew eżekuzzjoni oħra (inkluż tagħrif dwar id-dettalji li jridu jiddaħħlu fir-rikors) tkun stabbilita fid-dokument ta' tagħrif intitolat "Proċeduri għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji". Hawn taħt issibu xi dettalji speċifiċi li jikkonċernaw l-irkupru tal-manteniment.

Eżekuzzjoni ġudizzjarja

Il-qorti ġenerali tat-tifel minorenni (ara t-tweġiba għall-mistoqsija nru 5 għad-definizzjoni ta' qorti ġenerali ta' tifel minorenni) hija kompetenti li tirregola u teżegwixxi deċiżjoni ta' manteniment favur tifel minorenni. Il-qorti ġenerali tal-parti responsabbli (ara t-tweġiba għall-mistoqsija nru 5 għad-definizzjoni ta' qorti ġenerali tal-parti responsabbli) hija kompetenti li tiddeċiedi dwar tipi oħrajn ta' obbligu ta' manteniment inkluż manteniment favur ulied adulti.

F'każijiet ta' eżekuzzjoni ta' manteniment għal tifel minorenni, wara rikors minn waħda mill-partijiet, il-qorti tista' tipprovdi assistenza fl-identifikazzjoni tar-residenza tal-parti responsabbli. Il-qorti tista' tipprovdi wkoll għajnuna addizzjonali lill-kreditur qabel ma tordna l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni – pereżempju billi titlob lill-persuna responsabbli tipprovdi informazzjoni dwar tirċevix paga jew introjtu regolari u mingħand min, jew f'liem bank jew istituzzjoni tal-ħlas għandha l-kontijiet tagħha u n-numri ta' dawn il-kontijiet, jew billi titlob lill-parti responsabbli tiddikjara l-beni tagħha. Il-qorti tista' tipprovdi wkoll din l-assistenza għal tiġi ta' obbligu ta' manteniment oħrajn li mhumiex manteniment għal tfal minorenni.

Proċedimenti eżekutorji

Talba għall-ftuħ ta' proċedimenti eżekutorji tista' tiġi ppreżentata lil kull bailiff Ċek. Lista ta' bailiffs tinsab fuq is-sit web tal-Kamra tal-Eżekuturi tar-Repubblika Ċeka: http://www.ekcr.cz/seznam-exekutoru. Fl-eżekuzzjoni ta' ħlas għall-manteniment għal wild minorenni, il-bailiff ma għandux dritt jitlob lill-kreditur jagħmel ħlas raġonevoli bil-quddiem għall-ispejjeż tal-eżekuzzjoni. Wieħed mill-metodi ta' eżekuzzjoni possibbli, f'każijiet li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta' ħlasijiet ta' manteniment għal tfal minorenni, huwa s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan tal-parti responsabbli.

Jekk l-obbligu ta' manteniment ma jkunx ġie ssodisfat, flimkien mal-metodi ta' eżekuzzjoni tal-manteniment imsemmija fuq, tista' ssir kwerela għal suspett ta' att kriminali ta' nuqqas ta' ħlas ta' manteniment obbligatorju. Fil-każ tad-delitt ta' nuqqas ta' ħlas ta' manteniment obbligatorju, il-Kodiċi Kriminali jgħid li jkun sar att kriminali minn persuna li, jew intenzjonalment jew b'negliġenza, tonqos milli tikkonforma mal-obbligu legali li tmantni jew tieħu ħsieb persuna oħra għal perjodu ta' iktar minn erba' xhur. F'dak il-każ, il-kwerela tista' ssir f'kull għassa tal-pulizija.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Informazzjoni ġenerali dwar eżekuzzjoni ġudizzjarja jew eżekuzzjoni oħra (inkluż tagħrif dwar liema huma l-beni li jistgħu jkunu suġġetti għal eżekuzzjoni ġudizzjarja jew eżekuzzjoni oħra u dwar il-miżuri ta' rimedju disponibbli) tinstab fid-dokument ta' tagħrif bl-isem "Proċeduri għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji".

Il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jgħid li sakemm id-drittijiet ma jkunux eżegwiti fil-perjodu ta' limitazzjoni huma jiġu preskritti u d-debitur ma jkollu l-ebda obbligu li jħallas. Madankollu, jekk id-debitur iħallas wara li jiskadi l-perjodu ta' limitazzjoni, ma jkunx jista' jitlob ir-rimborż tal-flejjes imħallsin. Id-dritt għall-manteniment mhux limitat imma d-drittijiet għal prestazzjoni rikorrenti jistgħu jkunu suġġetti għal limitazzjoni. It-tul tal-perjodu ta' limitazzjoni ġeneralment ikun stabbilit għal tliet snin. Madankollu, jekk jiġu rikonoxxuti minn deċiżjoni ta' awtorità pubblika (pereżempju, qorti) il-preskrizzjoni statutorja tapplika għaxar snin wara d-data ta' meta d-deċiżjoni rrikjediet l-prestazzjoni. Id-dritt għal manteniment ma jiskadix wara perjodu ta' żmien speċifiku.

Il-manteniment jista' jiġi konċess biss mid-data meta nfetħu l-proċedimenti ġudizzjarji. Madankollu, il-manteniment tat-tfal jista' jiġi konċess ukoll għal perjodu massimu ta' tliet snin qabel din id-data. Il-manteniment għal omm mhux miżżewġa u r-rimborż tal-ispejjeż marbuta mat-tqala u t-twelid jistgħu jiġu konċessi retrospettivament, imma mhux iktar minn sentejn wara d-data tat-twelid.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Entitajiet għall-ħarsien soċjali u legali tat-tfal fl-awtorità muniċipali ta' muniċipalità b'setgħat estiżi huma meħtieġa jipprovdu assistenza biex isiru talbiet f'isem tifel minorenni għall-manteniment u għall-eżekuzzjoni ta' manteniment, inkluża assistenza għall-preżentazzjoni ta' rikors quddiem il-qorti.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Il-liġi ma tagħrafx din l-għażla.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Kreditur jista' jibgħat applikazzjoni għall-assistenza fl-irkupru ta' ħlasijiet ta' manteniment lill-Uffiċċju għall-Ħarsien Legali Internazzjonali tat-Tfal f'Brno (http://www.umpod.cz/).

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

L-applikant jista' jikkuntattja lill-organizzazzjoni bl-użu tad-dettalji ta' kuntatt li ġejjin:

Office for International Legal Protection of Children
Šilingrovo náměstí 3/4
602 00 Brno
Czech Republic

Tel.: +420 542 215 522

Faks: +420 542 212 836
Posta elettronika: podatelna@umpod.cz

Meta jikkuntattja l-Uffiċċju għall-ewwel darba, l-applikant għandu jipprovdi ismu sħiħ u d-dettalji ta' kuntatt tiegħu (telefown jew posta elettronika) kif ukoll l-isem u d-data tat-twelid tat-tifel li l-mistoqsija jew talba tirreferi għalih.

Jekk l-applikant ikun qed jitlob l-assistenza tal-Uffiċċju għall-irkurpu ta' manteniment minn barra l-pajjiż, l-ewwel trid tintbagħat talba informali bil-miktub għall-assistenza għall-irkupru ta' manteniment lill-Uffiċċju, flimkien ma' kwestjonarju mimli li jista' jitniżżel biċ-Ċek mis-sit web tal-Uffiċċju: http://www.umpod.cz/vyzivne/postup-pri-vymahani-vyzivneho/. It-talba għandha tinkludi informazzjoni bażika li tikkonċerna t-tifel u l-persuna responsabbli u fatti bażiċi li jispjegaw għala l-applikant qed jitlob l-irkupru tal-manteniment. Kopji ta' kwalunkwe dokument, b'mod partikolari deċiżjonijiet tal-qorti li jistabbilixxu obbligu ta' manteniment, għandhom jinthemżu mat-talba. L-Uffiċċju mbagħad jivvaluta l-possibilità li l-manteniment jiġi rkuprat fil-każ speċifiku u, jekk ikun hemm bżonn, jibgħat struzzjonijiet dettaljati dwar kif wieħed jista' jipproċedi fil-kwistjoni.

L-Uffiċċju jista' jitlob li jiġi pprovdut b'dokumentazzjoni addizzjonali. Ġeneralment is-sentenza li tistipula l-obbligu ta' manteniment tkun trid tintbagħat, flimkien ma' traduzzjoni notarizzata fil-lingwa tal-istat minn fejn ikun se jiġi rkuprat il-manteniment, inklużi ordnijiet għall-finalità tas-sentenza u l-eżekuzzjoni. F'każijiet fejn il-manteniment ikun irid jiġi rkuprat minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-qorti tħejji estratt mid-deċiżjoni skont l-Artikolu 56 tar-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment. Ġeneralment ikunu meħtieġa prokura għall-awtorità governattiva f'pajjiż ieħor, ċertifikat ta' studju għall-kreditur, jekk ikun qabeż il-15-il sena, jew ċertifikat tal-għajxien. Il-qorti lokali għall-post tar-residenza tal-applikant għandha tassistih biex jikseb traduzzjoni tad-dokumenti (normalment il-qorti li tkun iddeċidiet dwar il-kwistjoni fl-ewwel istanza). Il-qorti jew tagħti d-dokumenti mimlija lill-applikant, jew tibgħathom direttament l-Uffiċċju. L-Uffiċċju jeżamina d-dokumentazzjoni li jirċievi u, ladarba r-rekwiżiti kollha jkunu ġew issodisfati, iressaq proposta lill-qorti barranija jew jirreferi l-materja għal proċedimenti ulterjuri lill-awtorità barranija jew organizzazzjoni kompetenti. L-Uffiċċju jinforma lill-applikant f'intervalli regolari bl-azzjonijiet tiegħu, kif ukoll bil-progress u r-riżultat tal-proċedimenti.

F'każ li l-manteniment jiġi rkuprat, jew b'mezzi legali jew permezz ta' ħlasijiet volontarji mill-persuna responsabbli fil-kont ta' sieħeb barrani, dawn il-ħlasijiet ġeneralment jintbagħtu fil-kont tal-Uffiċċju darba fix-xahar (għal raġunijiet amministrattivi, ta' kontabilità u kwantitattivi) permezz ta' ħlas ta' trasferiment aggregat. Id-Dipartiment Ekonomiku tal-Uffiċċju jgħaddi l-ħlasijiet lill-kreditur fi żmien xahar, kif mitlub mill-kreditur. F'każ li kreditur jirċievi ħlasijiet diretti mill-persuna responsabbli barra l-pajjiż, huwa obbligat li jinforma minnufih lill-Uffiċċju b'dan il-ħlas. Huwa obbligat ukoll jinforma lill-Uffiċċju bi kwalunkwe bidliet li jistgħu jaffettwaw il-proċedimenti (bdil fl-indirizz, bdil fil-kura tat-tifel, tmiem tal-edukazzjoni tat-tifel, eċċ.).

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Applikant għall-manteniment li jkun jgħix pajjiż ieħor għandu jikkuntattja lill-awtorità kompetenti f'dak il-pajjiż, li mbagħad tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Ħarsien Legali Internazzjonali tat-Tfal (ara iktar 'il fuq għad-dettalji ta' kuntatt tal-Uffiċċju).

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Wara l-wasla ta' applikazzjoni minn pajjiż ieħor, l-Uffiċċju għall-Ħarsien Legali Internazzjonali tat-Tfal jieħu l-passi li jmiss:

  1. Jara jekk l-applikazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tar-regolamenti tal-UE u l-ftehimiet internazzjonali, jew jitlob dokumenti addizzjonali.
  2. Jibgħat appell bil-miktub lill-persuna responsabbli fir-Repubblika Ċeka u jitlobha tħallas il-manteniment dovut u l-ammonti ta' manteniment regolari volontarjament.
  3. Jekk il-persuna responsabbli ma tweġibx, l-Uffiċċju jipprova jiskopri s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u jressaq mozzjoni għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-ordni fil-qorti kompetenti fir-Repubblika Ċeka. L-Uffiċċju jirrappreżenta lill-applikant (il-kreditur li jgħix barra) fil-proċedimenti u jieħu kull pass neċessarju biex jikseb il-ħlasijiet tal-manteniment u jiżgura t-trasferiment tal-ammonti rkuprati mill-pajjiż barrani. L-Uffiċċju u l-awtorità trasferenti barra l-pajjiż jinformaw lil xulxin bil-miżuri li jkunu ħadu, kif ukoll bil-progress u l-eżitu tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar il-manteniment.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Proċedimenti dwar materji li jikkonċernaw obbligi ta' manteniment reċiproċi bejn il-ġenituri u wliedhom huma kompletament eżenti mit-tariffi tal-qorti. Fi proċedimenti oħrajn għad-determinazzjoni tal-manteniment, inkluż iż-żieda tiegħu, l-attur huwa eżenti mit-tariffi tal-qorti. Din l-eżenzjoni tapplika wkoll għall-proċedimenti ta' eżekuzzjoni. L-attur mhux obbligat ikun rappreżentat minn avikat fi proċedimenti relatati ma' obbligu ta' manteniment. Is-servizzi tal-Uffiċċju għall-Ħarsien Legali Internazzjonali tat-Tfal jingħataw bla ħlas. L-uffiċċju jirrappreżenta lill-attur (il-kreditur li jgħix barra) fil-proċediment ġudizzjarji, u jieħu l-passi kollha neċessarji biex jiżgura l-ħlas tal-manteniment f'ismu u jiżgura t-trasferiment tal-ammonti rkuprati minn barra.

Jekk ikun iġġustifikat mill-istatus soċjali u finanzjarju tal-attur, u sakemm il-każ ma jkunx arbitrarju jew talba manifestament infondata jew ostruzzjoni ta' drittijiet, il-qorti tista' parzjalment jew kompletament teżenta lil parti mit-tariffi tal-qorti. Jekk jinħatar rappreżentant għal parti li tkun ġiet eżentata mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti, l-eżenzjoni tapplika wkoll, fl-ambitu li tkun ġiet konċessa għalih, għall-ispejjeż tar-rappreżentant u l-kost tar-rappreżentazzjoni. Parti li tkun ġiet eżentata mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti ma tistax tkun obbligata tħallas depożitu għall-ispejjeż tal-provi jew tkun obbligata tirrimborża lill-istat għall-ispejjeż li jkun ġarrab (jiġifieri xhieda, periti, interpreti, eċċ.). L-ispejjeż imġarrba b'konnessjoni mal-fatt li parti tidher quddiem il-qorti titkellem bil-lingwa nattiva tagħha jew tikkomunika bl-użu ta' sistemi ta' komunikazzjoni għall-persuni torox jew torox għomja jitħallsu mill-istat u ma jista' jintalab l-ebda kumpens għal dawn l-ispejjeż.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Skont l-Att Nru 359/1999 Coll., dwar il-ħarsien legali u soċjali tat-tfal, kif emendat, fl-għoti tal-ħarsien legali u soċjali fir-rigward ta' pajjiżi barranin, l-Uffiċċju għall-Ħarsien Legali tat-Tfal, li huwa l-korp ċentrali għar-Repubblika Ċeka, iwettaq il-kompiti li ġejjin:

  • § iwettaq il-kompiti tal-korp governattiv ċentrali skont ir-Regolament dwar l-Obbligi ta' Manteniment
  • § iwettaq ir-rwol tal-gwardjan tat-tifel
  • § jitlob rapporti dwar is-sitwazzjoni tat-tfal li jkunu ċittadini tar-Repubblika Ċeka imma li ma jirrisjedux permanentement fit-territorju tagħha, mingħand il-korpi rilevanti u entitajiet ġuridiċi u individwi oħrajn wara talba mill-ġenituri li jkunu jgħixu fir-Repubblika Ċeka jew mill-awtoritajiet tal-ħarsien legali u soċjali
  • § ikun il-medjatur għall-konsenja ta' dokumenti personali u atti oħrajn f'pajjiżi barranin u jforni d-dokumenti u atti oħrajn mill-pajjiżi barranin
  • § jikkoopera mal-awtoritajiet governattivi jew organizzazzjonijiet oħrajn ta' pajjiż barrani simili għall-Uffiċċju, jekk ikunu dovutament awtorizzati biex iwettqu attivitajiet ta' ħarsien legali u soċjali f'pajjiżhom, u ma' awtoritajiet, faċilitajiet u entitajiet ġuridiċi oħrajn meta dan ikun utli
  • § jassisti fit-tfittxija tal-ġenituri ta' tifel, jekk il-ġenitur(i) jkunu jgħixu barra, membri tal-familja u persuni b'obbligu ta' manteniment, jinvestiga s-sitwazzjoni materjali u finanzjarja biex jiddetermina l-manteniment, ikun medjatur għall-preżentazzjoni ta' mozzjonijiet bl-għan tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta' manteniment, jiġifieri mozzjonijiet li jirregolaw l-obbligu ta' manteniment u trobbija u jiddetermina l-paternità
  • § jipprovdi għat-traduzzjoni tal-atti meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompetenza fil-ħarsien legali u soċjali skont it-trattati internazzjonali u r-regolamenti applikabbli direttament fl-Unjoni Ewropea

Għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Uffiċċju, il-korpi rilevanti u individwi oħrajn u entitajiet ġuridiċi huma mitluba jipprovdu lill-Uffiċċju b'kull assistenza mitluba fl-ambitu neċessarju; id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti ta' Eżekuzzjoni li jikkonċernaw l-assistenza obbligatorja minn partijiet terzi japplikaw kif xieraq. Tiġi pprovduta wkoll assistenza obbligatorja fl-ambitu meħtieġ, pereżempju, mill-qrati, mill-Pulizija tar-Repubblika Ċeka, mill-banek, mill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, mill-Uffiċċji tax-Xogħol, mill-operaturi tas-servizzi postali, mill-fornituri tas-servizzi elettroniċi, mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni, mill-Ministru tal-Intern fir-rigward tal-forniment ta' informazzjoni mir-reġistri tar-residenti u l-barranin, eċċ.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 17/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.