Adattament ta’ drittijiet in rem

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

Skont il-liġi Awstrijaka, wara l-mewt, il-patrimonju bħala persuna ġuridika jissokta l-istatus legali tal-mejjet (Taqsima 546 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak - Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch - ABGB). Meta l-patrimonju jiġi devolut (Einantwortung), l-eredi jieħu l-istatus legali tal-patrimonju. L-istess japplika għal deċiżjonijiet li jeżiġu li l-patrimonju għandu jiġi approprjat mill-Gvern Federali (l-Artikolu 547 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Ħadd ma jista’ jieħu pussess ta’ patrimonju mingħajr l-awtorità xierqa. Il-patrimonju ġeneralment jinkiseb wara proċeduri ta’ prova permezz ta’ devoluzzjoni, jiġifieri t-trasferiment tas-sjieda legali lill-werriet (l-Artikolu 797 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak).

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

Skont il-liġi Awstrijaka, l-akkwiżizzjoni, it-trasferiment, il-limitazzjoni u r-revoka tad-drittijiet in rem (sjieda, servitù, tariffa fuq l-art, rahan, drittijiet ta’ kostruzzjoni) tal-proprjetajiet, drittijiet ta’ xiri mill-ġdid, drittijiet ta’ prelazzjoni u oħrajn ta’ lokazzjoni għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet ġestit mill-qrati distrettwali (Bezirksgerichte) sabiex jidħlu fis-seħħ.

Madankollu, werriet ikun diġà akkwista d-drittijiet in rem għal proprjetà meta sseħħ id-devoluzzjoni, u mhux biss meta d-drittijiet tal-pussess tiegħu/tagħha jkunu ġew irreġistrati fir-reġistru tal-artijiet. Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet hija, għalhekk, aktar dikjaratorja fin-natura tagħha. Madankollu, id-dispożizzjonijiet fit-Taqsima 21 u 94 tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet (Grundbuchsgesetz) ma jippermettix li d-drittijiet tal-pussess attwali jiġu kkunsidrati f’materji li jirrigwardaw ir-reġistru tal-artijiet jekk dawn ma jkunux riflessi fir-reġistru tal-artijiet. Reġistrazzjoni kontra l-eredi (li ma jkunux għadhom ġew irreġistrati) hija għalhekk, bi ftit eċċezzjonijiet, inammissibbli, anki jekk dawn ikunu diġà proprjetarji skont liġi sostantiva. Fir-rigward ta’ reġistrazzjonijiet fir-reġistru tal-artijiet, il-fatt li d-devoluzzjoni tkun saret konsegwentement m’għandux jiġi kkunsidrat u dan sakemm id-drittijiet tas-sjieda tal-eredi jkunu ġew irreġistrati fir-reġistru tal-artijiet.

Fl-Awstrija, id-drittijiet tal-werrieta jiġu rreġistrati skont il-proċess ta’ emendar tar-reġistru tal-artijiet li huwa regolat mill-Artikolu 136 tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet. Dan jinvolvi l-fatt li r-reġistru tal-artijiet jiġi emendat sabiex jirrifletti s-sitwazzjoni legali attwali. Dan iseħħ meta l-bidliet legali jkunu saru sussegwentement iżda ma jkunux għadhom ġew implimentati fir-reġistru tal-artijiet. Għalhekk, ir-reġistrazzjoni hija, fin-natura tagħha, sempliċement dikjaratorja. Skont il-proċess kopert bit-Taqsima 136 tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet, "prova ta’ ineżattezza" tkun biżżejjed biex tawtorizza reġistrazzjoni; din tieħu post id-dokumenti li jkunu meħtieġa fin-nuqqas tagħha. Din il-prova tingħata jekk l-ineżattezza tkun manifestata jew ippruvata permezz ta’ strumenti awtentiċi (bħalma huwa ċ-ċertifikat ta’ devoluzzjoni maħruġ mill-qorti jew iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni). Ineżattezza titqies li tkun ovvja jekk, pereżempju, it-trasferiment ripetut tad-drittijiet mhux irreġistrati fir-reġistru tal-artijiet msemmija mill-applikant u s-suċċessjoni universali sussegwenti għall-proprjetà mill-predeċessur legali jirriżultaw direttament mil-liġi.

Ir-reġistrazzjonijiet isiru fir-reġistru tal-artijiet fuq talba mill-partijiet. Ir-reġistrazzjonijiet jistgħu jsiru biss mill-awtoritajiet f’każijiet eċċezzjonali li ma japplikawx hawnhekk.

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

Skont il-liġi Awstrijaka s-suċċessjoni universali mill-eredi sseħħ mingħajr reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet meta d-devoluzzjoni tidħol fis-seħħ. Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet f’dawn il-każijiet hija, għalhekk, dikjaratorja biss.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Skont il-liġi Awstrijaka dwar il-proprjetà residenzjali, is-sehem minimu relatat b’mod inevitabbli ma’ proprjetà residenzjali ma jistax jiġi diviż sakemm il-proprjetà residenzjali tkun teżisti, għajr jekk ikun hemm "sħubija ta’ sjieda" (Eigentümerpartnerschaft). Din hija komunità legali ta’ żewġ persuni fiżiċi li jkunu koproprjetarji tal-proprjetà residenzjali.

Jekk numru ta’ persuni jkunu akkwistaw sjieda tas-sehem minimu permezz ta’ suċċessjoni mingħajr ma jiffurmaw sħubija ta’ proprjetarji, pereżempju jekk il-patrimonju jkun inqasam barra l-pajjiż u s-suċċessjoni legali tkun tinvolvi diversi persuni, il-proprjetà tagħhom ma tkunx tista’ tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-artijiet. Jekk isir rikors għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà, il-Qorti tar-Reġistru tal-Artijiet jenħtiġilha tiċħad ir-rikors, tinforma lir-rikorrenti li d-drittijiet mixtieqa ma jistgħux jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet u tagħtihom perjodu raġonevoli ta’ żmien biex isiru l-arranġamenti għall-akkwiżizzjoni tas-sehem minimu minn persuna waħda jew minn sħubija ta’ proprjetarji minflok. Jekk dan il-perjodu jiskadi u ma jkun sar ebda arranġament bħal dan, il-Qorti tar-Reġistru tal-Artijiet għandha tagħmel l-arranġamenti għal bejgħ pubbliku (l-Artikolu 12(3) tal-Att dwar il-Proprjetà Residenzjali tal-2002 - Wohnungeigentumsgesetz).

L-aħħar aġġornament: 31/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.