Manwal

4.2. Il-Qafas Legali fil-Materji Ċivili u Kummerċjali

74. Il-qafas legali relevanti għall-kumpilazzjoni tax-xhieda permezz tal-vidjokonferenzjar f'materji ċivili u kummerċjali huwa r-Regolament (KE) Nru 1206/2001 dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali. Hemm żewġ kuntesti possibbli li fihom il-vidjokonferenzjar jista' jintuża fil-kumpilazzjoni tax-xhieda transkonfinali skont ir-regolament. Dawn huma l-kumpilazzjoni tax-xhieda minn qorti rikjesta skont l-Artikoli 10 sa 12 u l-kumpilazzjoni tax-xhieda diretta skont l-Artikolu 17.

75. Skont l-Artikoli 10 sa 12, il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu preżenti waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda quddiem il-qorti rikjesta, jekk dan ikun previst mil-liġi tal-Istat Membru tal-qorti rikjedenti. Il-qorti rikjesta tiddetermina l-kondizzjonijiet li fihom il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jipparteċipaw skont l-Artikolu 10. Il-qorti rikjesta tinnotifikahom meta u fejn ikunu ser isiru l-proċeduri. Skont l-Artikolu 11 il-qorti rikjesta tista' wkoll titlob lill-partijiet u lir-rappreżentanti tagħhom biex ikunu preżenti, jew biex ikunu involuti fil-kumpilazzjoni tax-xhieda, jekk il-possibbiltà tkun prevista mil-liġi tal-Istat Membru tagħha. Ir-rappreżentanti tal-qorti rikjedenti jistgħu jagħżlu wkoll li jkunu preżenti waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda quddiem il-qorti rikjesta, jekk dan ikun permess mil-liġi tal-Istat Membru tal-qorti rikjedenti. Jekk il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-qorti rikjedenti tkun mitluba waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda, il-qorti rikjesta għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni skont l-Artikolu 10.

76. Sabiex tiffaċilita l-preżenza jew il-parteċipazzjoni tal-partijiet jew tal-qorti rikjedenti, il-qorti rikjedenti tista' titlob lill-qorti rikjesta tuża t-teknoloġija tal-komunikazzjoni, bħall-vidjokonferenzjar, waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda. Il-qorti rikjesta għandha tikkonforma ma' din it-talba dment li din tkun kompatibbli mal-liġi tagħha jew dment li ma jkunx hemm diffikultajiet prattiċi kbar. F'każ ta' nuqqas ta' konformità l-qorti rikjesta għandha tinforma lill-qorti rikjedenti.

Jekk ma jkunx hemm aċċess għall-mezzi tekniċi, il-mezzi tekniċi jistgħu jsiru disponibbli mill-qrati bi ftehim reċiproku.

77. Ħlief fil-każ ta' talba għal proċedura speċjali mill-qorti rikjedenti, il-qorti rikjesta teżegwixxi t-talba skont il-liġi il-Istat Membru tagħha. Hija tippresjiedi s-smigħ u s-smigħ normalment isir fil-lingwa uffiċjali tal-qorti rikjesta. Il-qorti rikjesta hija responsabbli wkoll għat-tħejjija tas-smigħ u biex tħarrek lix-xhieda. Jekk meħtieġa, miżuri obbligatorji japplikaw skont il-liġi tal-qorti rikjesta. Ix-xhud jista' jagħmel użu mid-dritt li jirrifjuta li jagħmel kumpilazzjoni tax-xhieda skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti rikjedenti jew rikjesta.

78. Skont l-Artikolu 17 il-qorti tista' titlob li tieħu kumpilazzjoni tax-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor u tippreżenta talba lill-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru l-ieħor. Kumpilazzjoni tax-xhieda diretta għandha ssir fuq bażi volontarja mingħajr l-użu ta' miżuri obbligatorji.

Il-qorti rikjedenti għandha tinforma lill-persuni li jkunu qed jinstemgħu li l-kumpilazzjoni tax-xhieda hija volontarja. Wara t-talba, il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest jinfurmaw lill-qorti rikjedenti jekk it-talba tkun ġiet aċċettata u dwar xi kondizzjonijiet li jaf ikunu meħtieġa skont il-liġi tal-Istat Membru tagħhom, (pereżempju qorti tal-Istat Membru rikjest jaf tkun assenjata tieħu sehem fil-kumpilazzjoni tax-xhieda). Il-qorti rikjedenti teżegwixxi t-talba skont il-liġi tal-Istat Membru tagħha, minkejja li l-kondizzjonijiet skont il-liġi tal-Istat Membru rikjest għandhom ikunu rrispettati. Bħall-Artikolu 10, l-Artikolu 17 jinkoraġġixxi l-użu tal-vidjokonferenzjar. It-talba tista' tkun miċħuda mill-korp ċentrali jew mill-awtorità kompetenti jekk it-talba ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kumpilazzjoni tax-xhieda tal-2001.

L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.