Manwal

2.4. Interpretazzjoni

28. F'vidjokonferenzjar transkonfinali jaf ikun hemm il-ħtieġa ta' interpretu, jew fil-qorti rikjedenti jew fil-qorti rikjesta. L-interpretu jista' jew jaħdem minn post remot, waqt li l-partijiet ewlenin ikunu fl-istess post, pereżempju, fl-awla tal-qorti (interpretazzjoni remota), jew, fejn parteċipant remot (eż. konvenut jew xhud) jirrikjedi interpretu, l-interpretu jkun fl-istess post tal-parteċipant remot jew ikun fis-sit ewlieni (interpretar permezz tal-vidjokonferenzjar).

28 a. L-użu tal-interpretazzjoni matul il-vidjokonferenzjar (…) huwa ta' sfida għall-parteċipanti fis-smigħ u għall-interpretu. Ix-xhud jista' ma jkunx imdorri jaħdem mal-interpreti u s-sens ta' distanza jista' joħloq problemi bl-interpretazzjoni. Għall-interpreti jkun utli jekk l-imħallef jikkoordina l-ordni li fih jitkellmu l-partijiet involuti.

29. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda s-soltu ssir b'interpretazzjoni konsekuttiva. Fl-interpretazzjoni konsekuttiva l-imħallef ikollu rwol ċentrali fl-amministrazzjoni tal-interpretazzjoni u fl-għoti ta' struzzjonijiet lix-xhud jew lill-interpretu matul is-smigħ. Minħabba l-kumplessitajiet tal-vidjokonferenzjar u l-interpretar f'ambjenti ġuridiċi, huwa rakkomandat li l-metodu konsekuttiv tal-interpretar għandu jintuża meta l-interpretu jkun separat minn dawk li jirrikjedu l-interpretar, minħabba li dan il-metodu jippermetti aktar faċilment kjarifiki u interventi li jistgħu jkunu neċessarji biex jiġi żgurat li l-interpretar ikun preċiż.

29 a. L-interpretazzjoni simultanja hija aktar impenjattiva, peress li tirrikjedi li jkun hemm kabina speċjali għall-interpretu u li l-interpretazzjoni tkun trasmessa lis-semmiegħa permezz ta' tagħmir magħmul apposta (trasmettitur, riċevitur u earphones). Meta jiġu ppreżentati dokumenti bil-miktub matul is-smigħ jew il-proċess, ta' spiss ikun jeħtieġ traduzzjoni “prima vista” tat-test bil-miktub. Jekk l-interpretu ma jkunx fl-awla tal-qorti fejn id-dokument jiġi ppreżentat, ikun jeħtieġ li jintużaw kameras għad-dokumenti fil-vidjokonferenzjar.

30. Meta jintużaw interpreti remoti f'post terz, barra mill-awli tal-qorti, għandha tingħata attenzjoni għall-arranġamenti preparatorji u l-informazzjoni minn qabel dwar it-tagħmir tekniku ta' dan il-post terz u għall-ittestjar tal-konnessjonijiet bejn il-postijiet qabel is-smigħ propju. Barra minn hekk għandha tingħata attenzjoni għall-akustika u għall-kwalità tal-ħoss fil-post tal-interpretu remot.

30 a. Aspetti oħra li għandhom jiġu kkunsidrati huma t-tqassim tal-kmamar li fihom jintużaw il-vidjokonferenzjar u l-interpretar u l-pożizzjonar tal-interpretu u tal-parteċipanti l-oħra. Il-komunikazzjoni viżiva u nonverbali għandha rwol kruċjali li tgħin lil interpretu jifhem x'jintqal, biex ikollu idea aħjar tal-varjazzjonjiet tat-tifsira u jsolvi ambigwitajiet possibbli. Għalhekk, l-interpretu għandu jkun jista' jara l-uċuħ, l-espressjonijiet tal-wiċċ u possibbilment il-moviment tax-xufftejn ta' parteċipanti remoti. Dan għandu konsegwenzi għall-pożizzjoni tal-parteċipanti b'rabta mal-kameras li jwasslu l-immaġni bil-vidjo lill-interpretu. L-interpretu għandu jkollu d-dehra minn quddiem tal-parteċipanti remoti. Fl-istess waqt, l-interpretu ma għandux ikun iċ-ċentru tal-attenzjoni sempliċement għax jidher fl-iskrin tal-vidjo. Fi kliem ieħor, l-arranġament ma għandux joħloq sitwazzjoni fejn il-partijiet ewlenin ikollhom idawru wiċċhom lil hinn minn xulxin biex jaraw lill-interpretu.

30 b. Għandha tingħata attenzjoni wkoll kemm għall-affidabbiltà kif ukoll għas-sigurtà tat-trasmissjonijiet li għandhom jiġu żgurati.

31. Meta jintużaw l-interpreti fil-proċess ta' vidjokonferenzjar, għandha tingħata attenzjoni għall-aspetti li ġejjin:

  • Għandhom jiġu żgurati komunikazzjoni u interpretar ta' kwalità għolja;
  • Waqt l-interpretazzjoni l-impatt ta' kwistjonijiet tekniċi bħall-kontroll fuq it-tagħmir (eż. kontroll fuq il-moviment tal-kamera fl-interpretar ibbażat fuq vidjo). Dan jista' jkun partikolarment kruċjali għall-interpretazzjoni remota, fejn id-dehra u l-immaġni mis-sit remot għandhom jiġu żgurati.
  • Il-ġestjoni tal-komunikazzjoni hija essenzjali: għandu jkun hemm possibbiltajiet ta' intervent mill-interpretu (qabel u waqt il-kompitu tal-interpretar, għal mistoqsija biex jiġi kkjarifikat il-kontenut);
  • Il-kwalità tal-ħoss hija kruċjali, u daqstant ieħor huwa l-impatt tad-dewmien fit-trasmissjoni tad-data (madwar 0.5 sekondi) fuq problemi ta' interazzjoni waqt l-interpretazzjoni.

32. Fir-rigward tal-kwalità tal-interpretazzjoni, il-kwalifiki meħtieġa għall-interpreti tal-qorti jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Dan jeħtieġ li jkun meqjus fit-talbiet għall-użu tal-vidjokonferenzjar fl-assistenza ġuridiku reċiproka jew fil-kumpilazzjoni tax-xhieda.

32 a. Sabiex jingħelbu d-diffikultajiet tal-vidjokonferenzjar flimkien mal-interpretazzjoni u l-perċezzjonijiet negattivi li jista' jkun hemm fost il-parteċipanti, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin dwar kif għandu jiġi implimentat u użat l-interpretar permezz tal-vidjo jistgħu jkunu ta' għajnuna:

A. L-ippjanar, l-akkwist u l-istallazzjoni ta' apparat tal-vidjokonferenzjar għall-awli tal-qorti

  • għandhom jiġu identifikati l-ħtiġijiet:
    għandu jitfassal arranġament speċifiku, bħal min ikellem lil min, min jeħtieġ li jara lil min.
  • għandhom jiġu involuti esperti fl-istadju tal-ippjanar:
    huwa importanti ferm li l-ippjanar jinvolvi esperti fl-interpretar/lingwistiċi, ġuridiċi u teknoloġiċi biex jiżviluppaw l-ispeċifiċitajiet tal-arranġament.
  • għandha tintuża teknoloġija ta' kwalità għolja:
    għandhom jiġu pprovduti ħoss u vidjo ta' kwalità għolja għall-partijiet kollha involuti u tagħmir addizzjonali għall-interpretu kif meħtieġ;
    għandha tintuża kamera separata għad-dokumenti (għall-preżentazzjoni ta' dokumenti, immaġni u materjal ieħor li jista' jiffaċilita l-interpretar). Għandu jkun innutat li l-interpretar simultanju għandu rekwiżiti speċifiċi għall-kwalità (ogħla) ta' awdjo u vidjo u sinkronizzazzjoni tax-xufftejn mill-interpretar konsekuttiv.
  • għandu jkun hemm fażi ta' prova:
    speċjalment qabel ma jsir xiri fuq skala kbira, implimentazzjoni u tnedija ta' tagħmir tal-vidjokonferenzjar.
    Għandhom jiġu identifikati mumenti kritiċi fil-proċess ta' komunikazzjoni u għandhom isiru l-aġġustamenti meħtieġa.
  • għandha tiġi permessa introduzzjoni gradwali ta' teknoloġija ġdida:
    l-ewwel għandhom jiġu ttrattati każijiet b'impatt ħafif sabiex jiġi evalwat l-effett tat-teknoloġija f'kull stadju u jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet għall-istadju li jmiss.
  • għandu jkun previst ambjent tax-xogħol adatt għall-interpretu:
    pereżempju ambjent tax-xogħol li jkun ergonomiku u kwiet u l-fatt li l-interpretu jkun jista' jikkontrolla t-tagħmir.

B. It-titjib tal-użu mingħajr xkiel ta' interpretar remot permezz tal-vidjokonferenzjar fl-awli tal-qorti

  • għandhom jintużaw parteċipanti u interpreti kkwalifikati:
    għandhom jintużaw interpreti kkwalifikati kif xieraq u membri tal-persunal ġuridiku li għandhom esperjenza fil-ħidma mal-interpreti, sabiex il-kwalità tkun suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ekwità tal-proċedimenti.
  • għandu jingħata taħriġ lill-interpreti u lill-persunal ġuridiku:
    għandha tkun offruta introduzzjoni fi stadju bikri qabel titnieda t-teknoloġija.
    Imbagħad għandu jkun disponibbli taħriġ professjonali kontinwu (inkluż l-għarfien dwar kuntest aktar wiesa', il-ħakma tal-ħiliet fit-teknoloġija, is-sitwazzjoni komunikattiva u t-tekniki ta' appoġġ bħall-ġestjoni tal-istress).
  • għandu jintlaħaq qbil dwar il-proċeduri tal-valutazzjoni tar-riskju:
    għandhom jintużaw proċeduri biex jiġi deċiż jekk link ta' vidjo flimkien mal-interpretar hijiex adatta jew le u għandhom jiġu kkonsultati interpreti bl-esperjenza.
  • għandhom jiġu żviluppati linji gwida/protokolli:
    dawn għandhom jispeċifikaw min huwa responsabbli pereżempju biex jirriżerva, iżomm il-ħin, jittestja, jibda u jikkontrolla l-konnessjoni;
    jiddeskrivi l-proċedura qabel, matul u wara s-sessjoni (informazzjoni lill-interpretu, bidu tas-sessjoni, introduzzjonijiet, regoli matul is-sessjoni, mistoqsijiet) għall-parteċipanti kollha.
  • għandhom isiru arranġamenti għal każijiet ta' ħsara:
    għandu jiġi żviluppat protokoll għal ħsara fil-komunikazzjoni jew ħsara teknoloġika minħabba li din ma għandhiex titħalla għall-interpretu biex isolviha.
  • kodiċi tal-aħjar prattika:
    Is-servizzi ġudizzjarji, il-professjonisti ġuridiċi u l-assoċjazzjonijiet tal-interpreti għandhom ikomplu jikkooperaw biex itejbu l-kodiċijiet konġunti tal-aħjar prattika għall-vidjokonferenzjar u l-interpretar remot.
L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.